Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2915 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar id-determinazzjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(10) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, tad-data minn meta d-data personali marbuta mad-data tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi tkun tista’ tingħata mill-Istati Membri lin-Norveġja

In forceVersion 2023-12-11from 2024-01-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2023/2915@2023-12-11/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/482/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha,

Billi:

(1) Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha (il-Ftehim) jipprevedi l-kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istati Membri, minn naħa, u n-Norveġja, min-naħa l-oħra, dwar iskambju awtomatizzat tad-data tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Bħala prerekwiżit għal tali kooperazzjoni, l-ewwel jeħtieġ li n-Norveġja tieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji u ssirilha evalwazzjoni mill-Unjoni u prova pilota.

(2) Il-Ftehim huwa vinkolanti fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/482/UE, li hija bbażata fuq l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi legali sostantiva tagħha.

(3) F’konformità mal-Artikolu 8(9) tal-Ftehim, l-għoti mill-Istati Membri ta’ data personali previst skont dak il-Ftehim ma għandux isir qabel ma d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI jiġu implimentati fil-liġi nazzjonali tan-Norveġja. Sabiex jiġi vverifikat jekk dan hux il-każ tan-Norveġja, għandhom isiru żjara ta’ evalwazzjoni u prova pilota fir-rigward tan-Norveġja, simili għal dawk konklużi fir-rigward tal-Istati Membri skont il-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI.

(4) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(10) tal-Ftehim jagħti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li tiġi ddeterminata d-data jew id-dati minn meta d-data personali tista’ tingħata mill-Istati Membri lin-Norveġja skont il-Ftehim.

(5) Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill bagħat lin-Norveġja kwestjonarji dwar il-protezzjoni tad-data u l-iskambju awtomatiku ta’ data tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Fil-15 ta’ Ġunju 2022, in-Norveġja tat lill-Kunsill it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarji dwar il-protezzjoni tad-data u l-iskambju awtomatiku ta’ data tad-DNA, u fis-17 ta’ Novembru 2022 it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarji dwar l-iskambju awtomatiku tad-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Fis-16 ta’ Settembru 2022, it-tweġibiet dwar il-protezzjoni tad-data ġew ippreżentati lill-Kunsill. Fl-10 ta’ Novembru 2022, it-tweġibiet dwar l-iskambju awtomatiku ta’ data tad-DNA ġew ippreżentati lill-Kunsill, u fl-1 ta’ Diċembru 2022, dawk dwar l-iskambju awtomatiku tad-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi ġew ippreżentati lill-Kunsill. Wara dan, dawk it-tweġibiet ġew ipprovduti lit-tim ta’ evalwazzjoni responsabbli.

(6) Fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2023, in-Norveġja għaddiet minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil ta’ data tad-DNA u data dattiloskopika. Fis-27 u t-28 ta’ April 2023, in-Norveġja għaddiet minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil tad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi.

(7) Meta saru l-evalwazzjonijiet fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil tad-data tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, għal kull evalwazzjoni minnhom in-Norveġja wettqet b’suċċess prova pilota mal-Awstrija.

(8) Fil-15 ta’ Mejju 2023 ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sinteżi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjarat ta’ evalwazzjoni u tal-prova pilota. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkonkluda li l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni tad-data awtomatizzata u l-fluss ta’ informazzjoni tad-data awtomatizzata relatat jistgħu jitqiesu li ġew konklużi b’suċċess fin-Norveġja, kemm fil-livell legali kif ukoll f’dak tekniku.

(9) Peress li n-Norveġja ssodisfat il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(9) tal-Ftehim, jenħtieġ li n-Norveġja tkun intitolata li tirċievi data personali skont il-Ftehim.

(10) L-Irlanda hija marbuta bil-Ftehim bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2010/482/UE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta l-Ftehim.

(11) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Għall-finijiet tat-tiftix u t-tqabbil awtomatizzati tad-data tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, id-data personali tista’ tingħata lin-Norveġja mill-Istati Membri skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, mill-1 ta’ Jannar 2024.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023. Għall-Kunsill Il-President L. Planas Puchades

Versions

  1. 2023-12-11