Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1248 tad-29 ta’ April 2024 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tal-Kosta tal-Avorju
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/1248@2024-04-29/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
- 3.
- Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
- Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
- 2.
- Artikolu 4 Implimentazzjoni
- Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
- 2.
- Artikolu 6 Rappurtar
- Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
- Artikolu 8 Dħul fis-seħħ
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF trid tintuża biex tiffinanzja miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.
(2) Ir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiżi kostali tal-Golf tal-Guinea, il-Benin, il-Kosta tal-Avorju, il-Ghana u t-Togo qed jesperjenzaw kundizzjonijiet ta’ sigurtà li qed jiddeterjoraw b’rabta mal-kriżi li qed taffettwa s-Saħel ċentrali.
(3) Fid-dawl tal-ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora, huwa meħtieġ u importanti li jissaħħu l-Forzi Armati tal-Kosta tal-Avorju sabiex ikunu jistgħu jsiru u jiġu appoġġatil-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni fil-Kosta tal-Avorju. F’dak il-kuntest, u b’għarfien sħiħ tal-fatt li s-sitwazzjoni teħtieġ rispons integrat, l-iżgurar tal-paċi u s-sigurtà fit-tul fil-Kosta tal-Avorju hija prijorità ewlenija għall-Unjoni.
(4) Fit-3 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (PESK) 2023/1599, li stabbiliet Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea, (l-Inizjattiva), jiġifieri l-Benin u l-Ghana, fil-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) Fil-25 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2066, li estendiet l-Inizjattiva għall-Kosta tal-Avorju u t-Togo. L-objettiv strateġiku tal-Inizjattiva huwa li tassisti lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li fihom hija stabbilita l-Inizjattiva fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet adegwati fi ħdan il-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom biex irażżnu u jirrispondu għall-pressjoni eżerċitata minn gruppi armati mhux statali.
(5) Fit-13 ta’ Marzu 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) irċieva talba mill-Kosta tal-Avorju biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tal-Kosta tal-Avorju fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex isaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom sabiex jipproteġu l-fruntieri tal-art u biex jiġġieldu kontra gruppi armati mhux statali li qed jiddestabbilizzaw il-pajjiż u r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Punent.
(6) Il-miżuri ta’ assistenza jridu jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.
(7) Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrealizza d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza (il-miżura ta’ assistenza) li tibbenifika minnha l-Kosta tal-Avorju (il-benefiċjarju), li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li l-Forzi Armati tal-Kosta tal-Avorju jiġu appoġġati biex jipproteġu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Kosta tal-Avorju u l-popolazzjoni ċivili tagħha minn theddid intern u estern.
3. Biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ servizzi u tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex iwasslu forza letali:
3.
(a) sistemi ta’ ġbir ta’ sinjali elettromanjetiċi u l-integrazzjoni tagħhom fuq l-inġenji tal-ajru;
(b) tagħmir ta’ komunikazzjoni u trażmissjoni tad-data u il-integrazzjoni tiegħu fuq l-inġenji tal-ajru;
(c) sistemi tattiċi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ;
(d) vetturi u trakkijiet b’diversi użi;
(e) it-tagħmir protettiv personali;
(f) taħriġ fuq talba dwar it-tagħmir u taħriġ dwar id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 15000000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
2.
(a) il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Kosta tal-Avorju appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;
(b) l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;
(c) il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;
(d) li kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4 Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mid-Défense Conseil International – DCI Group.
Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Kosta tal-Avorju appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
2.
(a) il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;
(b) ir-rappurtar, li permezz tiegħu l-benefiċjarju jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir provdut fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);
(c) żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu kontrolli fuq il-post u awditi tal-EPF.
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6 Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8 Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024. Għall-Kunsill Il-President D. Clarinval