Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1638 tat-30 ta’ Mejju 2024 dwar l-irtirar tal-Unjoni mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

In forceVersion 2024-05-30
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/1638@2024-05-30/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (l-ECT) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998.

(2) Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe aġġornament sostanzjali tal-ECTmis-snin 90, l-ECT sar dejjem iktar antikwat.

(3) Fl-2019, il-Partijiet Kontraenti għall-ECT (il-Partijiet Kontraenti) daħlu f’negozjati bl-għan li jimmodernizzaw l-ECTbiex jallinjawh mal-prinċipji tal-Ftehim ta’ Pariġi, mar-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli u mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll ma’ standards moderni tal-protezzjoni tal-investiment.

(4) Matul Konferenza ad hoc fl-24 ta’ Ġunju 2022, il-Partijiet Kontraenti laħqu ftehim fil-prinċipju dwar it-test modernizzat, u b’hekk ikkonkludew in-negozjati, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni finali mill-Partijiet Kontraenti. L-eżitu nnegozjat kellu jiġi adottat fit-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija (il-Konferenza) fit-22 ta’ Novembru 2022.

(5) Qabel il-laqgħa tal-Konferenza, l-Unjoni ma adottatx pożizzjoni komuni dwar il-modernizzazzjoni tal-ECT.

(6) Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni tal-Unjoni, l-Unjoni ma tistax tivvota dwar l-adozzjoni tal-ECTmodernizzat fil-Konferenza.

(7) B’konsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tirtira mill-ECT.

(8) Diversi Stati Membri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-emendi proposti għall-ECT u indikaw l-intenzjoni tagħhom li jibqgħu Partijiet Kontraenti, soġġett għall-modernizzazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri għalhekk jitħallew, permezz ta’ deċiżjoni separata tal-Kunsill, japprovaw jew ma jopponux il-modernizzazzjoni tal-ECT fil-Konferenza li ser tadotta dik il-modernizzazzjoni.

(9) Skont l-Artikolu 47(1) tal-ECT, Parti Kontraenti tista’ tagħti notifika bil-miktub tal-irtirar tagħha mill-ECT lid-Depożitarju tal-ECT, jiġifieri r-Repubblika Portugiża. Skont l-Artikolu 47(2) tal-ECT, dan l-irtirar jidħol fis-seħħ mal-iskadenza ta’ perjodu ta’ sena mid-data li fiha d-Depożitarju jirċievi n-notifika.

(10) Jenħtieġ li l-Unjoni tirtira mill-ECT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-Unjoni għandha tirtira mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (l-ECT).

Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti notifika bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 47(1) tal-ECT, dwar l-irtirar tal-Unjoni mill-ECT.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024. Għall-Kunsill Il-President T. Van der Straeten

Versions

  1. 2024-05-30