Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1777 tal-20 ta' Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ membru tal-bord tal-għażla
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/1777@2024-06-20/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) L-UPPE ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939. Il-Kulleġġ tal-UPPE jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru. Il-Kap Prosekutur Ewropew jinħatar bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minn fost lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati mħejjija mill-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (il-bord tal-għażla). Il-Prosekuturi Ewropej jinħatru mill-Kunsill minn fost tliet kandidati kwalifikati nnominati minn kull Stat Membru wara li l-Kunsill ikunu irċieva opinjoni motivata mill-bord tal-għażla.
(2) Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2023/133, il-Kunsill ħatar il-membri attwali tal-bord tal-għażla għal perjodu ta’ erba’ snin mill-20 ta’ Jannar 2023.
(3) Is-Sur Marin MRČELA bħalissa huwa membru tal-bord tal-għażla. Fit-8 ta’ April 2024, is-Sur Marin MRČELA informa lill-Kummissjoni li ma setax jibqa’ jservi bħala membru tal-bord tal-għażla u għalhekk iddeċieda li jirriżenja. Il-Kunsill ġie informat dwar dan.
(4) Jenħtieġ li jinħatar membru tal-bord tal-għażla mill-aktar fis biex jissostitwixxi lis-Sur Marin MRČELA, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-bord tal-għażla. Is-Sur Dražen JELENIĆ, Viċi Avukat Ġenerali tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja, jista’ jservi bħala membru tal-bord tal-għażla. Meta pproponiet lis-Sur Dražen JELENIĆ, il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentanza xierqa tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE. Is-Sur Dražen JELENIĆ għalhekk jenħtieġ li jinħatar bħala membru tal-bord tal-għażla biex jissostitwixxi lis-Sur Marin MRČELA.
(5) F’konformità mar-Regola II tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696, jenħtieġ li s-Sur Dražen JELENIĆ jinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur tiegħu.
(6) Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2023/133 tiġi emendata skont dan.
(7) Sabiex jiġi żgurat li s-Sur Dražen JELENIĆ ikun jista’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu u jipparteċipa fl-attivitajiet kontinwi tal-bord tal-għażla b’mod immedjat, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/133, l-isem is-Sur Marin MRČELA huwa sostitwit bl-isem is-Sur Dražen JELENIĆ.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2024. Għall-Kunsill Il-President M.-C. Leroy