Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1806 tal-25 ta’ Ġunju 2024 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/1806@2024-06-25/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Fit-12 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah).
(2) Fit-28 ta’ Frar 2023, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku koordinat tal-EU BAM Rafah u l-EUPOL COPPS, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li jenħtieġ li ż-żewġ Missjonijiet jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2025, fil-forma ta’ żewġ estensjonijiet, kull waħda għal sena.
(3) Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1303, li estendiet l-EU BAM Rafah sat-30 ta’ Ġunju 2024.
(4) Fil-konklużjoni tiegħu tal-21-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata b’mod sod għal paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati u li l-Palestinjani u l-Iżraeljani għandhom dritt ugwali li jgħixu fis-sikurezza, id-dinjità u l-paċi. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew fakkar li l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) u l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) jistgħu jaqdu rwol importanti abbażi ta’ dak il-prinċipju b’appoġġ għal stat Palestinjan futur. Il-Kunsill Ewropew fakkar f’dawk il-konklużjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 u tat-18 ta’ April 2024.
(5) B’kont meħud tal-informazzjoni provduta minn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, f’dan l-istadju jenħtieġ li l-EU BAM Rafah tiġi estiża b’sena, sat-30 ta’ Ġunju 2025.
(6) Għalhekk jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK tiġi emendata skont dan.
(7) L-EU BAM Rafah ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tfixkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 għandu jkun ta’ EUR 3723805,94. ;
(2) fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2025..
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2024.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-25 ta’ Ġunju 2024. Għall-Kunsill Il-President H. Lahbib