Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/198 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (2023–2027)

In forceVersion 2023-12-11
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/198@2023-12-11/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. PROĊEDURA U KUNDIZZJONIJIET BIEX JIĠU APPROVATI L-EMENDI TAL-PROTOKOLL LI L-KUMITAT KONĠUNT GĦANDU JADOTTA
  4. (1)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) u l-Artikolu 218, il-paragrafu 7,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1476, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Madagascar) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim) u Protokoll ta’ Implimentazzjoni (2023–2027) tiegħu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ Protokoll) ġew iffirmati fit-30 ta’ Ġunju 2023.

(2) Il-Ftehim jissostitwixxi l-Ftehim preċedenti ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar, li ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2007.

(3) Il-Ftehim u l-Protokoll għandhom l-għan li jippermettu lill-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fiż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u li jippermettu lill-Unjoni u lil Madagascar jaħdmu flimkien mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u fl-Oċean Indjan. Din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti fis-settur tas-sajd.

(4) Il-Ftehim u l-Protokoll jenħtieġ li jiġu approvati.

(5) L-Artikolu 14 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 3, tal-Ftehim u l-Artikoli 11 u 12, il-paragrafu 4, tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn il-modifiki, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprovahom f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

(6) Jenħtieġ li jkun il-Kunsill li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki għall-Protokoll. Jenħtieġ li l-emendi proposti jiġu approvati sakemm minoranza ta’ Stati Membri li timblokka ma toġġezzjonax għalihom f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(7) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fl-1 ta’ Ġunju 2023.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar u l-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tiegħu (2023–2027) huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 17 tal-Ftehim u n-notifika prevista fl-Artikolu 18 tal-Protokoll.

Artikolu 3 Skont il-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki tal-Protokoll, adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023. Għall-Kunsill Il-President L. Planas Puchades

ANNEX

ANNESS

PROĊEDURA U KUNDIZZJONIJIET BIEX JIĠU APPROVATI L-EMENDI TAL-PROTOKOLL LI L-KUMITAT KONĠUNT GĦANDU JADOTTA

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi tal-Protokoll skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 3 tal-Ftehim u skont l-Artikoli 11 u 12, il-paragrafu 4, tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni li ssir f’isem l-Unjoni:

(1)

(a) tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b) tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

(c) tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika u bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2) Qabel ma l-Kummissjoni tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissottomettihom lill-Kunsill fi żmien biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3) Il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-emendi proposti jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fil-punt 1.

(4) Sakemm ma jkunx hemm numru ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li joġġezzjonaw għall-emendi proposti, il-Kummissjoni għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

(5) Jekk, waqt laqgħat sussegwenti tal-Kumitat Konġunt, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, anki dak il-ħin stess, il-kwistjoni għandha tintbagħat lura lill-Kunsill f’konformità mal-proċedura stipulata fil-punti 2 sa 4, biex jitqiesu fatturi ġodda fid-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni li tkun trid tieħu l-UE.

(6) Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu, fiż-żmien dovut, il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni ta’ kull proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet oħrajn li ma jirrigwardawx emendi tal-Protokoll skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 3 tal-Ftehim u skont l-Artikoli 11 u 12, il-paragruaf 4, tal-Protokoll, il-pożizzjoni li l-Unjoni trid tieħu fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita skont it-Trattati u skont il-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.

Versions

  1. 2023-12-11