Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2876 tat-8 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/2876@2024-11-08/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, kif ukoll f’ konklużjonijiet sussegwenti, ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u tenna l-appoġġ sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha.
(2) Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968, li tistabbilixxi Missjoni Ewropea ta’ Assistenza Militarib’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) bl-objettiv strateġiku li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-Forzi Armati tal-Ukrajna biex jirriġeneraw u biex iwettqu b’mod effettiv operazzjonijiet, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi l-integrità territorjali tagħha fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, teżerċita b’mod effettiv is-sovranità tagħha u tipproteġi liċ-ċivili fl-Ukrajna.
(3) Fl-14 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2243, li nediet l-EUMAM Ukraine.
(4) Fil-21 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew laqa’ ż-żieda fil-kapaċità tal-EUMAM Ukraine.
(5) Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, fakkar fil-konklużjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-appoġġ li jibqa’ jingħata għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u kkonferma mill-ġdid l-impenn sod tal-Unjoni Ewropea li tibqa’ tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn u bl-intensità meħtieġa. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li sabiex tgħin aħjar biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-militar Ukren, l-Unjoni hija lesta li tkompli żżid il-kapaċità tal-EUMAM Ukraine.
(6) Fit-3 ta’ Settembru 2024, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel, fil-kuntest tar-rieżami strateġiku tal-EUMAM Ukraine, li l-EUMAM Ukraine għandha tiġi estiża sal-15 ta’ Novembru 2026. Barra minn hekk, il-KPS qabel li jenħtieġ li l-iskambju meħtieġ ta’ informazzjoni klassifikata jiġi awtorizzat bejn l-EUMAM Ukraine u l-kmand tan-NATO ta’ Assistenza u Taħriġ fil-Qasam tas-Sigurtà għall-Ukrajna b’mod inklużiv, reċiproku u mhux diskriminatorju.
(7) Fit-22 ta’ Ottubru 2024, il-KPS qabel li jenħtieġ li rieżami strateġiku tal-EUMAM Ukraine jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn Jannar 2025 bil-ħsieb għal deċiżjoni biex jissaħħu l-kapaċitajiet u l-effettività tal-EUMAM Ukraine.
(8) Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 tiġi emendata kif meħtieġ,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej: ;
(1)
4. L-EUMAM Ukraine għandha tikkoopera man-NATO, b’mod partikolari l-kmand tan-NATO ta’ Assistenza u Taħriġ fil-Qasam tas-Sigurtà għall-Ukrajna (NSATU), b’rispett sħiħ tal-prinċipji tat-trasparenza, ir-reċiproċità u l-inklużività, kif ukoll l-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet.
(2) fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej: ;
(2)
6. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUMAM Ukraine għall-perjodu mill-14 ta’ Novembru 2024 sal-15 ta’ Novembru 2026 għandu jkun ta’ EUR 408800000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 0 % għall-impenji u 0 % għall-pagamenti.
(3) fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: ;
(3)
2. Ir-RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jgħaddi lill-Ukrajna, lill-Istati Uniti, lir-Renju Unit, lill-Kanada, lill-NSATU u lill-IDCC, f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUMAM Ukraine, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell RESTREINT UE/EU RESTRICTED li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUMAM Ukraine, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. L-arranġamenti neċessarji bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna, l-NSATU u l-IDCC għandhom jitfasslu għal dak il-għan.
(4) fl-Artikolu 14, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
(4)
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika sal-15 ta’ Novembru 2026.
2. Għandha tiġi ppreżentata valutazzjoni strateġika tal-EUMAM Ukraine mhux aktar tard minn Jannnar 2025. Għandu jitwettaq rieżami strateġiku tal-EUMAM Ukraine fi żmien xieraq qabel l-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni..
Artikolu 2 Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mis-16 ta’ Novembru 2024.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2024. Għall-Kunsill Il-President Bóka J.