Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2998 tal-5 ta’ Novembru 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjoni li temenda l-Appendiċijiet III u IIIa ta’ dik il-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tal-Georgia
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/2998@2024-11-05/mt
Contents
KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta' tranżitu (il-Konvenzjoni) ġiet konkluża permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/415/KEE u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1988.
(2) Skont l-Artikolu 15(3)(a) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 14 ta’ dik il-Konvenzjoni (il-Kumitat Konġunt UE-CTC) għandu jadotta l-emendi tal-Appendiċijiet III u IIIa tal-Konvenzjoni bid-deċiżjonijiet.
(3) Il-Georgia esprimiet ix-xewqa li taderixxi mal-Konvenzjoni, u ġiet mistiedna tagħmel dan mill-Kumitat Konġunt UE-CTC.
(4) L-adeżjoni tal-Georgia ser ikollha bżonn l-adattament tad-dokumenti ta' garanzija previsti mit-Titolu II tal-Konvenzjoni, kif ukoll l-inserzjoni ta' ċerti termini tekniċi bil-lingwa tal-Georgia fil-Konvenzjoni.
(5) L-Istati Membri kollha tal-Unjoni esprimew l-opinjoni pożittiva tagħhom rigward l-emendi li ġew proposti fil-Grupp ta' Ħidma tal-UE- u l-Pajjiżi ta’ Tranżitu Komuni dwar it-tranżitu komuni stabbilit permezz tal-Artikolu 17 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt UE-CTC.
(6) Billi d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-CTC ser temenda l-Konvenzjoni, jixraq li din tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.
(7) Fi ħdan il--Kumitat Konġunt UE-CTC, l-Unjoni trid tiġi rappreżentata mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emenda proposta jenħtieġ li tkun imsejsa fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (il-Kumitat Konġunt UE-CTC) rigward l-emendi għall-Appendiċijiet III u IIIa ta' dik il-Konvenzjoni, għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-CTC mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-CTC jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.
Artikolu 2 Wara l-adozzjoni tagħha, id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-CTC imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024. Għall-Kunsill Il-President Varga M.