Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3135 tas-17 ta’ Diċembru 2024 li tapprova, f’isem l-Unjoni Ewropea, emenda tal-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/3135@2024-12-17/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,
Billi:
(1) F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123, rigward il-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli (SFPA, Sustainable Fisheries Partnership Agreement) bejn l-Unjoni u l-Mauritania u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ġew iffirmati fil-15 ta’ Novembru 2021 u ġew applikati b’mod provviżorju minn dakinhar ’l hawn.
(2) L-Artikolu 14(3)(c) tal-SFPA jawtorizza lill-Kumitat Konġunt japprova l-emendi tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u tal-Annessi tiegħu fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tekniċi li skonthom il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 14(5) tal-SFPA, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jittieħdu permezz ta’ skambju ta’ ittri.
(3) L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 14 tal-SFPA f’konformità mal-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni.
(4) Skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, il-flotta tal-Unjoni għandha obbligi ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord fil-portijiet tal-Mauritania, kif spjegat fil-Kapitolu V tal-Anness I tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.
(5) Fir-rigward tal-obbligi ta’ ħatt l-art, il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni jinnotifika lill-Gwardja Kostali tal-Mauritania (MCG, Mauritanian Coastal Guard) u lill-awtoritajiet tal-port tal-Mauritania li fih jixtieq iħott il-qabdiet tiegħu, mill-inqas 24 siegħa qabel il-ħatt l-art. Bi tweġiba għan-notifika, l-MCG jinnotifika, fit-12-il siegħa ta’ wara, il-kunsens tiegħu lill-kaptan tal-bastiment jew lir-rappreżentant tal-kaptan billi jwieġeb il-fax jew l-email tagħhom.
(6) Fir-rigward tat-trażbord, il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni jinnotifika lill-MCG u lill-awtoritajiet tal-port li fih jixtieq jittrażborda l-qabda tiegħu, mill-inqas 24 siegħa (48 siegħa għall-bastimenti tat-tonn) qabel it-trażbord. Bi tweġiba għan-notifika ta’ hawn fuq, l-MCG jinnotifika, fit-12-il siegħa ta’ wara, il-kunsens tiegħu lill-kaptan tal-bastiment jew lir-rappreżentant tal-kaptan billi jwieġeb il-fax jew l-email tagħhom.
(7) Sa mill-bidu tal-2023, l-industrija tas-sajd tal-Unjoni infurmat ripetutament li l-MCG ma setax jinnotifika l-kunsens tiegħu fil-ħin, minħabba l-konġestjoni fil-portijiet tal-Mauritania u l-inabbiltà tagħhom li jipprovdu s-servizzi tekniċi u operazzjonali. Id-dewmien li rriżulta poġġa l-prodotti tal-industrija tas-sajd tal-Unjoni f’riskju. Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Mauritania qed jaħdmu biex itejbu s-sitwazzjoni, bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Mauritania ġie diskuss li sakemm tinstab soluzzjoni biex jiġi solvut id-dewmien, għal dawn il-każijiet jenħtieġ li tiġi prevista deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art.
(8) Fit-8 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Konġunt li jopera skont l-SFPA u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni qabel li jeżamina proposta għal deroga mill-obbligi ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord, li tippermetti lill-operaturi jħottu l-prodotti tagħhom f’portijiet oħra f’każijiet ta’ dewmien konsiderevoli, sabiex jindirizzaw ir-riskji għall-kwalità tal-prodotti tas-sajd.
(9) Il-Kummissjoni ħejjiet proposta li temenda l-Kapitolu V tal-Anness I billi inkludiet taqsima ġdida li tipprevedi eċċezzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord f’każ li l-istennija għall-operazzjonijiet ta’ ħatt l-art jew ta’ trażbord taqbeż l-24 siegħa mid-data u l-ħin speċifikati fin-notifika.
(10) Il-proposta għall-emenda ġiet ippreżentata lill-Kunsill f’konformità mal-punt 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1448 fl-14 ta’ Mejju 2024. Il-Kunsill ivvaluta l-proposta f’konformità mal-punt 3 ta’ dak l-anness u ma oġġezzjonax għaliha.
(11) Id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex l-operaturi jkunu jistgħu jħottu l-prodotti tagħhom f’portijiet oħra f’każijiet ta’ dewmien konsiderevoli u jindirizzaw kwalunkwe riskju għall-kwalità tal-prodotti tas-sajd.
(12) Il-Kumitat Konġunt iddeċieda li japprova l-emenda proposta permezz ta’ skambju ta’ ittri. L-ittri ġew skambjati fis-6 ta’ Settembru u fit-30 ta’ Settembru 2024 rispettivament.
(13) Din l-emenda tal-Protokoll jenħtieġ li tiġi approvata f’isem l-Unjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1 L-emenda tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, adottata mill-Kumitat Konġunt permezz ta’ skambju ta’ ittri fis-6 ta’ Settembru u fit-30 ta’ Settembru 2024 rispettivament, hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni. L-emenda tal-Protokoll hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2024. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
Fl-Anness I, il-Kapitolu V, tal-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija Sostenibbli mal-Mauritania,
L-intestatura tal-punt 3 hija fformulata mill-ġdid kif ġej: “Derogi mill-obbligi tal-ħatt l-art, fil-każ ta’ force majeure;
Jiżdied il-punt 4 li ġej:
pt_2
4. Derogi mill-obbligi tal-ħatt l-art jew tat-trażbord fil-każ ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-ħatt l-art jew tat-trażbord ta’ iktar minn 24 siegħa mid-data u l-ħin speċifikati fin-notifika tat-talba tal-ħatt l-art jew tat-trażbord mill-operatur f’konformità mal-punt 1.6 jew 2.5;
4.
1. B’deroga mill-punti 1 u 2, l-operaturi kkonċernati jistgħu jħottu l-qabdiet tagħhom l-art jew jittrażbordawhom f’port tal-Mauritania jew f’port barra l-Mauritania fil-każ ta’ diffikultajiet tekniċi jew loġistiċi li jwasslu għal dewmien fl-operazzjonijiet tal-ħatt l-art fuq il-moll jew tat-trażbord ta’ bastiment tal-UE fil-port, ta’ iktar minn 24 siegħa mid-data u l-ħin speċifikati fin-notifika tat-talba tal-ħatt l-art jew tat-trażbord mill-operatur f’konformità mal-punt 1.6 jew 2.5. Għal dan il-għan, l-operaturi kkonċernati jistgħu jattivaw b’mod eċċezzjonali l-proċedura ta’ deroga li ġejja:
1.
(a) l-operatur jinforma mill-aktar fis lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu, lill-awtoritajiet tal-Unjoni (id-Delegazzjoni tal-UE għall-Mauritania u d-DĠ MARE tal-Kummissjoni Ewropea) u lill-GCM (il-Gwardja tal-Kosta tal-Mauritania) b’dan id-dewmien kif indikat hawn fuq;
(b) l-awtoritajiet tal-Unjoni jitolbu lill-Ministru għas-Sajd u l-Ekonomija Marittima jibda l-proċedura ta’ deroga u jibgħat il-lista tal-bastimenti kkonċernati tal-Unjoni lill-GCM;
(c) malajr kemm jista’ jkun, l-awtoritajiet tal-Mauritania jibdew il-proċedura ta’ deroga;
(d) ladarba tinbeda din il-proċedura ta’ deroga, l-operatur jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni tal-GCM biex jittrażborda l-qabdiet ta’ prodotti f’port tal-Mauritania jew biex iħotthom l-art f’port li jiġi identifikat bi qbil komuni;
(e) il-GCM taħtar malajr kemm jista’ jkun l-uffiċjali biex jispezzjonaw il-bastimenti kkonċernati f’port tal-Mauritania jew ittella’ abbord spetturi li jakkumpanjaw il-bastiment lejn il-port tal-ħatt l-art; fi tmiem l-operazzjonijiet tal-ħatt l-art, l-ispetturi jittieħdu lura fil-post fejn inizjalment ikunu ttellgħu abbord mill-operatur;
(f) hija r-responsabbiltà tal-operatur, bi qbil mal-GCM, li jorganizza u jiżgura l-proċeduri amministrattivi meħtieġa għall-ivvjaġġar tal-uffiċjali;
(g) hija r-responsabbiltà tal-operatur li jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u li jkopri kwalunkwe spiża possibbli relatata mal-ivvjaġġar tal-uffiċjali.
2. Dik il-proċedura għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet l-oħra previsti fl-Anness I tal-Protokoll, il-Kapitolu V, il-punti 1.2, 1.4, 1.5, 2.4 u l-punt 3.
3. Meta tiġi applikata din il-proċedura ta’ deroga, iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu wkoll dwar l-arranġamenti prattiċi għall-ħatt l-art relatati mal-kontribuzzjoni in natura prevista fl-Anness I tal-Protokoll, il-Kapitolu III, il-paragrafu 2, inkluża l-possibbiltà li l-ħatt l-art ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet kumulattivi jiġi pospost għall-vjaġġ li jkun imiss bi trażbord f’port tal-Mauritania.
4. Id-deroga għandha tapplika dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.