Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2024/3178 tat-28 ta’ Novembru 2024 dwar il-ħatra tal-Kmandant tat-Taħriġ Speċjali għall-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2097(EUMAM Ukraine/1/2024)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/3178@2024-11-28/mt
Contents
IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,
Billi:
(1) Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine).
(2) L-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 jipprevedi li Stat Membru għandu jagħmel disponibbli Kmand ta’ Taħriġ Speċjali multinazzjonali li għandu jmexxi attivitajiet ta’ taħriġ fit-territorju tiegħu.
(3) Skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ħatra tal-Kmandanti tal-UE għall-EUMAM Ukraine, inkluż il-Kmandant tat-Taħriġ Speċjali.
(4) Fis-27 ta’ Ottubru 2022, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2097, li taħtar lil-Logutenent Ġeneral Andreas MARLOW bħala l-Kmandant tat-Taħriġ Speċjali għall-EUMAM Ukraine mill-istess data.
(5) Fit-12 ta’ Novembru 2024, l-awtoritajiet Ġermaniżi pproponew il-ħatra tal-Maġġur Ġeneral Olaf ROHDE bħala l-Kmandant tat-Taħriġ Speċjali.
(6) Fl-14 ta’ Novembru 2024, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE appoġġa dik il-ħatra proposta.
(7) Fil-15 ta’ Novembru 2024, il-Kumitat Militari tal-UE qabel li jirrakkomanda li l-Maġġur Ġeneral Olaf ROHDE jinħatar bħala l-Kmandant tat-Taħriġ Speċjali.
(8) Jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-ħatra tal-Maġġur Ġeneral Olaf ROHDE bħala l-Kmandant tat-Taħriġ Speċjali għall-EUMAM Ukraine.
(9) Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2097 titħassar,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Maġġur Ġeneral Olaf ROHDE huwa b’dan maħtur Kmandant tat-Taħriġ Speċjali għall-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine).
Artikolu 2 Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2097 hija b’dan imħassra.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024. Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà Il-President D. Pronk