Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/442 tal-24 ta’ Jannar 2024 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea (notifikata bid-dokument C(2024) 344) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

In forceVersion 2024-01-24
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/442@2024-01-24/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1) Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2023.

(2) L-objettiv tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa li jistieden lill-Kummissjoni tipproponi projbizzjoni legali vinkolanti fuq prattiki ta’ konverżjoni mmirati lejn ċittadini LGBTQ+ fl-Unjoni Ewropea. L-inizjattiva tiddefinixxi dawn il-prattiki bħala interventi mmirati lejn it-tibdil, ir-repressjoni jew it-trażżin tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tal-ġeneru tal-persuni LGBTQ+. L-organizzaturi jqisu li l-Kummissjoni għandha: tipproponi direttiva li żżid il-prattiki ta’ konverżjoni mal-lista ta’ reati b’dimensjoni tal-UE u/jew temenda d-direttiva attwali dwar l-ugwaljanza (2008) biex tinkludi projbizzjoni fuq dawn il-prattiki; tinforza riżoluzzjoni mhux vinkolanti li tappella għal projbizzjoni mifruxa tal-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni; u temenda d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tistabbilixxi tali standards minimi għall-vittmi ta’ prattiki ta’ konverżjoni. L-organizzaturi jiddikjaraw ukoll li l-Istati Membri kollha għandhom jintroduċu projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni jew jirrevedu dawk attwali tagħhom.

(3) L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-kuntest tal-inizjattiva. Huwa jispjega li l-prattiki ta’ konverżjoni huma magħmula minn grupp varjat ta’ manipulazzjonijiet mentali u fiżiċi, indottrinazzjonijiet psikoipnotiċi (normalment ippreżentati lill-pubbliku bħala terapiji), interventi mediċi u omoeopatiċi, eżorċiżmu u trattamenti oħra ppromulgati bl-għan li jbiddlu l-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità u l-Espressjoni tal-Ġeneru. L-Anness jipprovdi data minn għadd ta’ rapporti, li abbażi tagħhom l-organizzaturi jikkalkulaw bejn wieħed u ieħor li 5 % taċ-ċittadini tal-UE LGBTQ+ saritilhom pressjoni biex jagħmlu prattiki ta’ konverżjoni. L-organizzaturi jelenkaw ukoll rakkomandazzjonijiet għal projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni mir-rapport tal-2023 Conversion Practices on LGBT+ People, mitlub mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew.

(4) Fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li titlob projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni abbażi tal-Artikoli 83(1) u 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jew l-Artikoli 19 u 292 TFUE.

(5) Il-Kummissjoni tista’ tipproponi wkoll miżuri relatati ma’ prattiki ta’ konverżjoni abbażi tal-Artikolu 19 TFUE, dment li r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jkunu debitament ġustifikati u b’mod partikolari li l-prattiki ta’ konverżjoni jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali skont it-tifsira tad-dispożizzjoni msemmija.

(6) Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tipproponi ż-żieda ta’ ċerti prattiki ta’ konverżjoni furzata mal-lista ta’ reati tal-UE abbażi tal-Artikolu 83(1) TFUE, dment li r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jkunu debitament ġustifikati u b’mod partikolari li tali prattiki ta’ konverżjoni jistgħu jitqiesu li jammontaw għal reati kriminali partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni.

(7) Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ prattiki ta’ konverżjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi emendi għad-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE.

(8) Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(9) Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(10) Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. Inħolqot entità ġuridika speċifikament għall-fini tal-ġestjoni tal-inizjattiva f’konformità mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2019/788.

(11) L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(12) Għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea tiġi rreġistrata.

(13) Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn Mattéo GARGUILO u Robin NOËL li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2024. Għall-Kummissjoni Věra Jourová Viċi President

Versions

  1. 2024-01-24