Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/444 tad-29 ta’ Jannar 2024 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp fil-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

In forceVersion 2024-01-29
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/444@2024-01-29/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2) Skont l-Artikolu X:9 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tista’ tiddeċiedi b’konsensus biex tinkorpora ftehim fl-Anness 4 mal-Ftehim tad-WTO.

(3) It-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO, li se ssir mis-26 sad-29 ta’ Frar 2024, tista’ tadotta deċiżjoni dwar l-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO.

(4) Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO, billi d-deċiżjoni hija vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5) In-negozjati għall-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp tnedew formalment f’Settembru 2020. Il-Kummissjoni mexxiet in-negozjati f’isem l-Unjoni. In-negozjati ġew konklużi fis-6 ta’ Lulju 2023.

(6) Peress li mhux il-Membri kollha tad-WTO pparteċipaw fin-negozjati, l-intenzjoni tal-Membri tad-WTO li pparteċipaw fin-negozjati hija li jippreżentaw talba biex il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp jiġi inkorporat bħala ftehim plurilaterali fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO. Jenħtieġ li l-Unjoni tipparteċipa f’dik it-talba bħala pass preparatorju lejn deċiżjoni possibbli tal-Konferenza Ministerjali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO għandha tkun li tingħaqad mal-konsens milħuq fost il-Membri tad-WTO fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2024. Għall-Kunsill Il-President H. Lahbib

Versions

  1. 2024-01-29