Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/831 tal-4 ta’ Marzu 2024 li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2024/831@2024-03-04/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2409 awtorizzat lill-Iżvezja tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2023, rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.
(2) Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2023, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji għal perjodu addizzjonali ta’ erba’ snin, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal SEK 96 għal kull MWh. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2023, l-Iżvezja bagħtet informazzjoni u kjarifika addizzjonali.
(3) Fiż-żoni kkonċernati, il-kostijiet tat-tisħinhuma ogħla bħala medja milli huma fil-bqija tal-pajjiż, minħabba l-perjodu tat-tisħin itwal. Għaldaqstant, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’dawn iż-żoni jnaqqas id-diskrepanza bejn il-kostijiet kumplessivi tat-tisħin għall-konsumaturi fit-Tramuntana tal-Iżvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Jenħtieġ li t-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jikkumpensa il-kostijiet addizzjonali tat-tisħin għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja.
(4) Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni jenħtieġ li jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
(5) Fid-dawl tan-natura remota taż-żoni li tapplika għalihom u minħabba li t-tnaqqis fit-taxxa huwa limitat għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi, mingħajr ma jinqabżu l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin fit-Tramuntana tal-Iżvezja, il-miżura mhix mistennija twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(6) Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta. Hija kompatibbli wkoll mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.
(7) F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien. Sabiex tipprovdi lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ erba’snin, kif mitlub. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.
(8) Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil għall-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kkonċernati, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Iżvezja tkun tista’ tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2409. Billi tiġi prevista l-applikazzjoni minn data qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura speċjali, l-aspettattivi leġittimi tal-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kkonċernati huma rrispettati, peress li l-miżura speċjali ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
(9) Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Iżvezja hija b’dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness. It-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa għall-elettriku ma għandux jaqbeż dak meħtieġ biex jikkumpensa l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin minħabba l-pożizzjoni fit-Tramuntana, meta mqabbel mal-bqija tal-Iżvezja, u ma għandux jaqbeż SEK 96 għal kull MWh.
2. Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024. Għall-Kunsill Il-President A. Verlinden
ANNEX
Anx. anness. Reġjuni Muniċipalitajiet Norrbottens län Il-muniċipalitajiet kollha Västerbottens län Il-muniċipalitajiet kollha Jämtlands län Il-muniċipalitajiet kollha Västernorrlands län Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik Gävleborgs län Ljusdal Dalarnas län Malung-Sälen, Mora, Orsa, Älvdalen Värmlands län Torsby
ANNESS
Reġjuni Muniċipalitajiet Norrbottens län Il-muniċipalitajiet kollha Västerbottens län Il-muniċipalitajiet kollha Jämtlands län Il-muniċipalitajiet kollha Västernorrlands län Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik Gävleborgs län Ljusdal Dalarnas län Malung-Sälen, Mora, Orsa, Älvdalen Värmlands län Torsby