Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1039 tas-16 ta’ Mejju 2025 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Iżvizzera skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu ta’ referenza tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-Ajru Uniku Ewropew (notifikata bid-dokument C(2025) 2923) (It-testi bil-Franċiż, bil-Ġermaniz u bit-Taljan biss huma awtentiċi)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1039@2025-05-16/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas), u b’mod partikolari il-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/2803 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 58(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,
Billi: SFOND
(1) Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 549/2004, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jfasslu pjanijiet, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs, Functional Airspace Blocks), li jinkludu miri ta’ prestazzjoni, għal kull perjodu ta’ referenza tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-pjanijiet għandhom jinkludu miri ta’ prestazzjoni lokali li huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-perjodu ta’ referenza kkonċernat.
(2) Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu ta’ referenza (RP4, 2025-2029) ġew stabbiliti oriġinarjament fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1688.
(3) L-Istati Membri kollha u l-Iżvizzera fasslu u adottaw abbozzi tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni għall-RP4, li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2024. L-Iżvizzera ppreżentat lill-Kummissjoni abbozz ta’ pjan tal-prestazzjoni adottat b’mod konġunt mal-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands (l-Istati Membri tal-UE parti mill-FABEC) fil-livell tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali (FABEC). Wara l-verifika tal-kompletezza tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, il-Kummissjoni talbet lill-FABEC biex jissottometti abbozz aġġornat ta’ pjan tal-prestazzjoni sal-15 ta’ Novembru 2024.
(4) Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni inkluża f’din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-abbozz aġġornat ta’ pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC (l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC) sottomess mill-Iżvizzera u mill-Istati Membri li huma inklużi fil-FABEC.
(5) Il-Korp ta’ Rieżami tal-Prestazzjoni (PRB, Performance Review Body), li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni, ressaq rapport lill-Kummissjoni li jistabbilixxi l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC.
(6) F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni lokali li huma inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, filwaqt li qieset iċ-ċirkostanzi lokali.
(7) Il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha bir-rieżami tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Fir-rigward tal-punt 2.1(d)(vii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li ma wettqitx, bħala parti minn dak ir-rieżami, analiżi dettaljata tal-metodoloġija użata mill-Iżvizzera għall-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u fit-terminal fl-RP4. Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma waslet għall-ebda konklużjoni rigward il-konformità ta’ dik il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet mal-punti (e) u (f) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.
(8) Din id-Deċiżjoni tkopri biss il-miri ta’ prestazzjoni u l-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li japplikaw direttament għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru maħtur biex jipprovdi servizzi fl-ispazju tal-ajru tal-Iżvizzera.
SEJBIET MILL-VALUTAZZJONI
(9) Il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC fir-rigward tal-kost unitarju ddeterminat (DUC, Determined Unit Cost) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tad-DUC matul l-RP4, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul it-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) (RP3) u l-RP4 (2025-2029), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.
(10) Il-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti għaż-żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera għall-RP4, u l-valuri ta’ referenza relatati, huma kif ġej: Żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera Valur ta’ referenza tal-2019 Valur ta’ referenza tal-2024 2025 2026 2027 2028 2029 Il-miri u l-valuri ta’ referenza fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2022) CHF 110,08 CHF 124,74 CHF 131,82 CHF 133,17 CHF 131,03 CHF 128,63 CHF 129,42 EUR 109,54 EUR 124,13 EUR 131,17 EUR 132,51 EUR 130,39 EUR 128,00 EUR 128,79
(11) Fir-rigward tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC tal-Iżvizzera fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +0,7 % matul l-RP4 hija inqas mix-xejra għall-Unjoni kollha ta’ -1,2 % matul l-istess perjodu.
(12) Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC tal-Iżvizzera fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP3 u l-RP4 ta’ +1,8 % hija inqas mix-xejra fit-tul għall-Unjoni kollha ta’ -1,0 % matul l-istess perjodu.
(13) Fir-rigward tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ referenza tad-DUC ta’ EUR 124,13 tal-Iżvizzera, espress f’termini reali fi prezzijiet tal-2022 (EUR2022) huwa 41,8 % ogħla mill-valur ta’ referenza medju ta’ EUR 87,51 f’EUR2022 tal-grupp komparatur rilevanti stabbilit fl-Artikolu 7, il-punt (e), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688.
(14) Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet imsemmija fil-premessi (11), (12) u (13) jistgħux jitqiesu meħtieġa u proporzjonati f’konformità mal-punt 1.4 (d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. B’hekk, il-Kummissjoni vvalutat jekk id-devjazzjonijiet osservati mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha u mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessi (11) u (12) jekk humiex esklużivament dovuti għal kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità jew għall-kostijiet tar-ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (18), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.
(15) Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, l-Iżvizzera tirreferi għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali mġarrba matul l-RP4 mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru Skyguide b’rabta mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità (miżuri tal-kapaċità). Il-miżuri ta’ kapaċità ppreżentati jinkludu l-elementi ewlenin li ġejjin:
(15)
(a) it-taħriġ u r-reklutaġġ minn Skyguide ta’ kontrolluri ġodda tat-traffiku tal-ajru (ATCOs) biex jissostitwixxu l-ATCOs li mistennija jirtiraw matul l-RP4 u biex jakkomodaw it-tkabbir previst tat-traffiku. Dan huwa ppjanat li jirriżulta matul l-RP4 f’żieda ġenerali ta’ madwar 10 % tal-għadd ta’ ATCOs f’operazzjonijiet fiċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona (ACCs) ta’ Ġinevra u Zurich;
(b) investimenti fl-infrastruttura u fis-sistemi biex tiġi appoġġata r-reżiljenza tal-operazzjonijiet, inklużi soluzzjonijiet addizzjonali ta’ kontinġenza u ta’ riżerva;
(c) titjib tekniku tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li jippermetti kapaċità u effiċjenza akbar. Dan it-titjib se jappoġġa l-operazzjonijiet indipendenti mill-post fl-ACCs ta’ Ġinevra u Zurich, li jfisser li l-ispazju tal-ajru Żvizzeru kollu jista’ jiġi kkontrollat minn wieħed minn dawn l-ACCs;
(d) l-użu ta’ għodod għall-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru.
(16) Wara li kkunsidrat l-evalwazzjoni li saret mill-PRB, il-kostijiet addizzjonali rrapportati mill-Iżvizzera għall-miżuri ta’ kapaċità msemmija fil-premessa (15) huma ferm aktar baxxi f’termini monetarji mid-devjazzjonijiet osservati mix-xejriet tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha kkalkulati mill-PRB. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ċerti miżuri ta’ kapaċità invokati mill-Iżvizzera jistgħu jitqiesu bħala parti mill-operazzjonijiet normali tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat jew jistgħu ma jikkontribwixxux direttament għat-titjib tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru. Għalhekk, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż, mingħajr aktar informazzjoni u analiżi dettaljati, dwar jekk il-miżuri tal-kapaċità ppreżentati mill-Iżvizzera jistgħux jitqiesu, fl-intier tagħhom, meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali għall-RP4. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li d-devjazzjonijiet osservati mix-xejriet tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessi (11) u (12) ma jistgħux jiġu attribwiti esklużivament għall-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-miżuri ta’ kapaċità ppreżentati.
(17) Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 ma jitqiesx bħala ssodisfat fir-rigward tal-Iżvizzera.
(18) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Iżvizzera ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ ristrutturar fl-abbozz tal-FABEC tal-pjan ta’ prestazzjoni li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha jew mix-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha skont il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.
(19) Abbażi tas-sejbiet fil-premessi (10) sa (18), il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera jenħtieġ li jitqiesu inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.
(20) F’konformità mal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC billi rrieżaminat il-miżuri biex jintlaħqu l-miri ambjentali inklużi f’dak il-pjan.
(21) Abbażi tar-rieżami msemmija fil-premessa (20), il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar jekk il-miżuri ppreżentati mill-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-UE li huma parti mill-FABEC għall-kisba tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali tal-FABEC humiex adegwati biex jippermettu li dawk il-miri jintlaħqu b’mod effettiv. Wara li kkunsidrat is-sejbiet tal-PRB, il-Kummissjoni tosserva, b’mod partikolari, li l-miżuri ppreżentati minn Franza fir-rigward tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru DSNA mhumiex biżżejjed biex jippermettu t-titjib immirat fl-effiċjenza tat-titjir fl-RP4.
(22) Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-FABEC jenħtieġ li jistabbilixxi miżuri addizzjonali għall-ilħuq tal-miri ambjentali tagħha għall-RP4, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi u l-implimentazzjoni ta’ spazju tal-ajru transfruntier b’rotot ħielsa ma’ Stati Membri ġirien addizzjonali.
(23) F’konformità mal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC billi rrieżaminat il-miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità en route inklużi f’dak il-pjan.
(24) Abbażi tar-rieżami msemmi fil-premessa (23), il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar jekk il-miżuri ppreżentati mill-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-UE li huma parti mill-FABEC għall-kisba tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità en route tal-FABEC humiex adegwati biex jippermettu li dawk il-miri jintlaħqu b’mod effettiv. Wara li kkunsidrat is-sejbiet tal-PRB, il-Kummissjoni tosserva, b’mod partikolari, li l-miżuri ppreżentati mill-Ġermanja fir-rigward tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru DFS mhumiex biżżejjed biex jjilħqu b’mod effettiv id-domanda ta’ traffiku fl-RP4.
(25) Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-UE li huma parti mill-FABEC jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri addizzjonali għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità tagħha għall-RP4, pereżempju fir-rigward tat-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ ATCOs addizzjonali, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, u arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.
(26) F’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni billi rrieżaminat il-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal stabbiliti mill-Iżvizzera fir-rigward l-ajruporti msemmija fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Instab li dawk il-miri jagħtu lok għal tħassib.
(27) L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-miri tal-kapaċità fit-terminal proposti tal-Iżvizzera għall-RP4 iwasslu għal deterjorament tad-dewmien medju tal-ATFM tal-wasla kull sena meta mqabbel mal-RP3. Tabilħaqq, il-miri proposti tal-RP4 huma stabbiliti għal 1,60 minuta għal kull titjira, filwaqt li l-prestazzjoni reali rreġistrata fl-RP3 kienet tvarja minn 0,37 sa 1.50 minuta għal kull titjira.
(28) It-tieni, meta tqassam il-miri tal-kapaċità fit-terminal fil-livell tal-ajruporti, instab li dawk il-miri tal-kapaċità fit-terminal jirriżultaw f’livell ferm agħar ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira għall-ajruporti ta’ Zurich u ta’ Ġinevra mil-livell ta’ prestazzjoni ta’ ajruporti simili identifikat mill-PRB.
(29) Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvizzera jenħtieġ li tiġġustifika aktar il-miri tal-kapaċità fit-terminal għall-RP4 fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (27) u (28), jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri.
(30) F’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni billi rrieżaminat il-miri ta’ prestazzjoni tal-kost-effiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal stabbiliti mill-Iżvizzera rigward l-ajruporti msemmija fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.
(31) Il-Kummissjoni tinnota li l-miri tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Iżvizzera jwasslu għal xejra tad-DUC li qed tiddeterjora ta’ + 1.0 % matul l-RP4. Barra minn hekk, instab li d-DUC medju għall-RP4 tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal fl-ajruporti ta’ Zurich u Ġinevra huwa stmat li huwa ogħla, b’marġni sinifikanti, mid-DUC medjan tal-ajruporti simili identifikati mill-PRB.
(32) Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvizzera jenħtieġ li tiġġustifika aktar il-miri tal-kapaċità fit-terminal għall-RP4 fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (31) u, jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri.
(33) F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni rrieżaminat l-iskemi ta’ inċentivi inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC għall-fini tal-apoġġ biex jinkisbu l-miri ta’ prestazzjoni (“skemi ta’ inċentivi tal-kapaċità). Instab li l-iskemi ta’ inċentivi tal-kapaċità għall-RP4 stabbiliti mill-Iżvizzera għas-servizzi en route u fit-terminal jagħtu lok għal tħassib.
(34) Il-Kummissjoni tinnota li l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route tal-FABEC u l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal tal-Iżvizzera, kif stabbilit fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, jinkludu żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta biss għal 0.50 % tal-kostijiet iddeterminati. Wara li kkunsidrat il-parir espert ipprovdut mill-PRB, il-Kummissjoni tqis li l-iżvantaġġi finanzjarji massimi għal dawk l-iskemi ta’ inċentivi ma jikkonformawx mal-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li jirrikjedi li tali skemi ta’ inċentivi jkollhom impatt materjali fuq id-dħul f’riskju.
(35) Għalhekk, jenħtieġ li l-Iżvizzera, fir-rigward tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, tirrevedi l-iskemi ta’ inċentivi tal-kapaċità tagħha msemmija fil-premessa (34) sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fil-fehma tal-Kummissjoni dik ir-reviżjoni jenħtieġ li twassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu ugwali jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.
KONKLUŻJONIJIET
(36) Fid-dawl ta’ dan kollu, jenħtieġ li ċerti miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC fir-rigward tal-Iżvizzera ma jitqisux konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.
(37) Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 14(3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-FABEC iridu jissottomettu l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni rivedut tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni.
(38) Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Iżvizzera dwar ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 19(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-miri tal-prestazzjoni fir-rigward tal-Iżvizzera elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li huma inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali huma inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1688.
Artikolu 2 L-Iżvizzera għandha tirrevedi ’l isfel il-miri tal-kosteffiċjenza stabbiliti għaż-żona tal-imposti en route tagħha, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (DUC, determined unit cost). Meta tirrevedi l-miri tal-kosteffiċjenza tagħha, l-Iżvizzera għandha: Jekk l-Iżvizzera tinvoka fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni li għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 14(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 devjazzjoni skont il-punt 1.4 (d) tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, hija għandha tiżgura li tali devjazzjoni tkun sostanzjata b’informazzjoni u ġustifikazzjonijiet adegwati. B’mod partikolari, l-Iżvizzera għandha turi li kwalunkwe miżura invokata biex tiġġustifika devjazzjoni mill-miri tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha tkun relatata biss ma’ riżorsi operazzjonali jew kapaċitajiet tekniċi addizzjonali meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità.
Artikolu 2
(a) tiżgura li l-miri riveduti tal-kosteffiċjenza jkunu konsistenti kemm max-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha kif ukoll max-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha, imsemmija, rispettivament, fil-punt 1.4(a) u (b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317;
(b) inaqqsu l-livell tal-kostijiet iddeterminati skont dan, partikolarment fir-rigward tas-sena kalendarja 2029;
(c) jużaw l-aktar tbassir tat-traffiku riċenti, espress f’unitajiet ta’ servizz, f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Konfederazzjoni Żvizzera.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2025. Għall-Kummissjoni Apostolos Tzitzikostas Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
Miri tal-prestazzjoni li nstabu inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu ta’ referenza IL-QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA
Żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera Valur ta’ referenza tal-2019 Valur ta’ referenza tal-2024 2025 2026 2027 2028 2029 Il-miri u l-valuri ta’ referenza fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2022) CHF 110,08 CHF 124,74 CHF 131,82 CHF 133,17 CHF 131,03 CHF 128,63 CHF 129,42 EUR 109,54 EUR 124,13 EUR 131,17 EUR 132,51 EUR 130,39 EUR 128,00 EUR 128,79