Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1315 tas-17 ta’ Ġunju 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni għall-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1315@2025-06-17/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni, kif xieraq, f’organizzazzjonijiet internazzjonali jew il-bordijiet tagħhom jeħtieġ li tiġi deċiża abbażi ta’ analiżi każ b’każ, filwaqt li jitqiesu r-regoli li jikkontrollaw il-kompożizzjoni ta’ tali organizzazzjonijiet jew bordijiet kif ukoll il-kompetenzi speċifiċi tal-Unjoni inkwistjoni.
(2) L-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC – UN Framework Convention on Climate Change) u għall-Ftehim ta’ Pariġi adotattat skont il-UNFCCC u pparteċipat fid-deċiżjonijiet li japprovaw l-istabbiliment ta’ Fond għar-Rispons tat-Telf u l-Ħsara (il-Fond) u l-istrument ta’ governanza ta’ dak il-Fond (l-Istrument ta’ Governanza) meħuda mill-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC u l-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi fit-30 ta’ Novembru 2023.
(3) Skont il-punt 17 tal-Istrument ta’ Governanza, il-Bord tal-Fond (il-Bord) ser jikkonsisti, inter alia, f’12-il membru minn pajjiżi żviluppati. F’konformità mal-paragrafu 8 tal-Istrument ta’ Governanza, il-Partijiet għall-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi ġew mistiedna, permezz tal-gruppi reġjonali u l-kostitwenzi tagħhom, jissottomettu lis-segretarjat tal-UNFCCC malajr kemm jista’ jkun in-nomini għas-sħubija tal-Bord.
(4) L-arranġamenti biex tissejjaħ l-ewwel laqgħa tal-Bord għandhom jinbdew malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu ġew ippreżentati n-nomini kollha tal-membri bid-dritt tal-vot.
(5) Abbażi ta’ pożizzjoni tal-Unjoni maqbula mill-Kunsill u pożizzjoni komuni tal-Istati Membri, kif maqbula mir-rappreżentanti tagħhom fi Frar 2024, l-Unjoni qablet ma’ Partijiet pajjiżi żviluppati oħra li l-UE u l-Istati Membri tagħha ser jinnominaw bħala rappreżentanti seba’ membri u seba’ membri supplenti biex ipoġġu fil-Bord.
(6) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni fil-Bord u dwar il-kondiviżjoni ta’ siġġijiet bejn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri b’mod parallel mal-pożizzjoni komuni li r-rappreżentanti tal-Istati Membri laħqu f’Mejju 2025, peress li n-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni fil-Bord ser ikollha effetti legali. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss in-nomina inizjali ta’ membri tal-Bord u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar l-allokazzjoni tas-siġġijiet fi gruppi, panels jew bordijiet ta’ fondi multilaterali jew inizjattivi oħra, jew għat-tiġdid tal-mandati tar-rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-Bord u fi gruppi, panels jew bordijiet oħra, li ser jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċeduri applikabbli. L-allokazzjoni ta’ siġġijiet fost rappreżentanti ta’ pajjiżi żviluppati fil-kompożizzjoni tal-Bord ma tikkostitwixxix preċedent għal deċiżjonijiet oħra li għandhom jittieħdu meta jiġġeddu l-mandati tal-membri tal-Bord jew f’fora internazzjonali oħra.
(7) Siġġu tal-Unjoni fil-Bord, miżmum minn rappreżentant tal-Kummissjoni, ma jaffetwax jekk tkunx meħtieġa pożizzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet diskussi mill-Bord jew sa liema punt din tkun meħtieġa, u lanqas il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ tali pożizzjoni, u għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera. Ir-rappreżentant tal-Unjoni ser jitkellem u jivvota f’isem u għan-nom tal-Unjoni biss filwaqt li r-rappreżentanti tal-Istati Membri ser jitkellmu u jivvotaw f’isem u għan-nom tal-Istat Membru f’konformità mar-regoli applikabbli. Din id-Deċiżjoni ma tbiddilx id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ deċiżjonijiet oħra meħuda mill-Bord. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja, l-Unjoni għandha l-kompetenza li twettaq attivitajiet u tmexxi politika komuni; madankollu, l-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza ma għandux iwassal biex l-Istati Membri ma jitħallewx jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Din id-Deċiżjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika eżerċizzju ta’ kompetenza tal-Unjoni f’kwistjonijiet koperti mill-Fond li fir-rigward tagħhom l-Unjoni għadha ma eżerċitatx il-kompetenzi kondiviżi tagħha u li għalhekk jibqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri.
(8) Il-proposta li jiġi inkluż siġġu tal-Unjoni fil-Bord ma taffettwax il-kapaċità li l-Istati Membri rappreżentati fil-Bord jesprimu appoġġ għal kwalunkwe pożizzjoni tal-Unjoni maqbula kif xieraq, jew il-pożizzjonijiet tagħhom stess, dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera.
(9) Il-Kummissjoni għandha tirrapporta perjodikament lill-Kunsill dwar il-proċedimenti tal-Bord f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera minqux fit-Trattati.
(10) Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar is-sħubija tal-Bord ma tbiddilx ir-rappreżentanza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-UNFCCC.
(11) Wegħdiet ta’ finanzjament mill-Unjoni lill-Fond għandhom jitħejjew f’konformità mal-proċeduri applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni għall-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara u dwar il-kondiviżjoni tas-siġġijiet bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2025. Għall-Kunsill Il-President P. Hennig-Kloska
ANNEX
Pożizzjoni li għandha tittieħed dwar in-nomina ta’ rappreżentant tal-Unjoni għall-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara (1)(2)
L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha tfittex siġġu fuq il-Bord tal-Fond għal Rispons għal Telf u Ħsara (il-Bord) stabbilit mill-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u għall-Ftehim ta’ Pariġi. Il-kondiviżjoni maqbula tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tas-siġġijiet fil-Bord, bħala seba’ membri u seba’ membri sostituti għall-ewwel mandat ta’ 3 snin tal-Bord hija espressa fl-iskema li ġejja: Membru Franza L-Italja Il-Ġermanja Il-Kummissjoni Il-Portugall Id-Danimarka L-Awstrija Sostitut Franza L-Italja Il-Ġermanja L-Irlanda Spanja Il-Finlandja/ L-Iżvezja Il-Lussemburgu/ Is-Slovenja