Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1340 tat-8 ta’ Lulju 2025 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati ta’ Cabo Verde
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1340@2025-07-08/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
- 2.
- 3.
- Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
- Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
- 2.
- Artikolu 4 Implimentazzjoni
- Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
- 2.
- Artikolu 6 Rapportar
- Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
- Artikolu 8 Dħul fis-seħħ
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.
(2) L-ibħra biswit il-Punent tal-Afrika għadhom ambjent diffiċli li fihom il-piraterija, is-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, il-ħtif ta’ baħħara, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), il-kuntrabandu u t-traffikar ta’ drogi u armi, kif ukoll il-kriminalità organizzata tranżnazzjonali joħolqu theddida kbira u dejjem akbar għas-sigurtà marittima. Din taffettwa l-libertà tan-navigazzjoni, tipperikola rotot kummerċjali ewlenin, tipperikola l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun kollu u l-għajxien ekonomiku tal-popolazzjoni, u twassal għad-deterjorament tal-ambjent u tal-bijodiversità.
(3) Cabo Verde għadu partikolarment espost għal diversi theddidiet, fosthom il-piraterija marittima, it-terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċiberkriminalità u s-sajd IUU minħabba ż-Żona Ekonomika Esklużiva vasta tiegħu u l-pożizzjoni ġeostrateġika tiegħu f’salib it-toroq tal-Atlantiku, fejn jgħaqqad l-Afrika mal-Ewropa u mal-Amerki. It-tisħiħ tal-Forzi Armati ta’ Cabo Verde huwa element importanti li jippermetti u jappoġġa l-isforzi ta’ sigurtà marittima f’Cabo Verde u fir-reġjuni tal-Atlantiku u tal-Golf tal-Guinea.
(4) Matul it-Tlettax-il Laqgħa Ministerjali fi ħdan is-Sħubija Speċjali bejn l-Unjoni Ewropea u Cabo Verde, li saret fi Brussell fil-31 ta’ Jannar 2025, iż-żewġ sħab affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom taħt il-pilastru tas-sigurtà u l-istabbiltà, bl-għan li jiddefinixxu kunċett intensifikat għas-sigurtà, f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-Unjoni.
(5) Fl-10 ta’ Marzu 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba minn Cabo Verde biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati ta’ Cabo Verde bl-akkwist ta’ tagħmir u servizzi kruċjali, biex jissaħħu l-mezzi tal-Gwardja tal-Kosta ta’ Cabo Verde.
(6) Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjati taħt l-EPF.
(7) Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju ta’ Cabo Verde (il-benefiċjarju) li għandha tiġi ffinanzjata fi ħdan il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-miżura ta’ assistenza).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
2.
(a) li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fuq is-sigurtà u d-difiża bejn l-Unjoni u Cabo Verde;
(b) li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali tas-sigurtà u tad-difiża tal-Forzi Armati ta’ Cabo Verde biex titħares is-sovranità ta’ Cabo Verde fil-baħar u tittejjeb is-sigurtà marittima reġjonali, u b’hekk jitħarsu aħjar il-bastimenti u r-riżorsi marittimi, il-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom; u,
(c) jissaħħaħ il-potenzjal ta’ Cabo Verde b’rabta mas-sehem tiegħu fl-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-Unjoni, u l-kontribut tiegħu għal azzjonijiet konġunti fil-qafas tal-Arkitettura ta’ Yaoundé.
3. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux iddisinjati biex iwasslu forza letali, u l-provvisti u servizzi li ġejjin: Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.
3.
(a) bastiment oċeaniku tal-għassa; u,
(b) korsijiet ta’ taħriġ fit-tekniki ta’ pilotaġġ u/jew fil-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 48 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 12000000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fi ħdan l-EPF.
Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
2.
(a) il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati ta’ Cabo Verde appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;
(b) l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;
(c) il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;
(d) li kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti.
3. L-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4 Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fil-qafas tal-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tar-Repubblika tal-Portugall.
Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jiġi pprovdut għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jingħata kontribut għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati ta’ Cabo Verde appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni ta’ tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
2.
(a) verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;
(b) rapport, li permezz tiegħu l-benefiċjarju għandu jirrapporta fuq bażi annwali dwar l-attivitajiet li jkunu saru bit-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti ddeżinjati sakemm tali rapportar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);
(c) żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6 Rapportar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, kull sitt xhur ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma b’mod regolari lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8 Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025. Għall-Kunsill Il-President S. Lose