Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1921 tad-19 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija (notifikata bid-dokument C(2025)6505) (It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku) Test b’rilevanza għaż-ŻEE

In forceVersion 2025-09-19
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1921@2025-09-19/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Emendi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238
  3. Artikolu 2 Destinatarju
  4. ANNEX
  5. A.
  6. B.

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1) L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja u tikkawża disturb fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2) F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali kaprini jew ovini.

(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882. B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. L-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew li jmissu magħhom.

(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2024/3238 ġiet adottata abbażi tar-Regolament (UE) 2016/429, u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija b’reazzjoni għal tifqigħa kkonfermata fil-25 ta’ Novembru 2024 fil-muniċipalità ta’ Velingrad, fir-reġjun ta’ Pazardzhik. B’mod aktar speċifiku, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri li għandhom jiġu stabbiliti minn dak l-Istat Membru, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jridu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(5) Mill-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/784 il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar dewmien kontinwu fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-kontroll tal-mard meħtieġa li jiġu applikati fil-każ ta’ konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali miżmuma fi stabbiliment f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(6) Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, u tal-ħtieġa urġenti li jittaffa b’mod effettiv ir-riskju tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija kif ukoll fi Stati Membri oħra, huwa kruċjali li tiġi aġġustata d-durata tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard fiż-żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri għall-Bulgarija elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238. Dawn l-aġġustamenti jindirizzaw ir-riskju sinifikanti kkawżat miċ-ċirkolazzjoni kontinwa u t-tixrid potenzjali tal-marda lil hinn miż-żoni attwalment affettwati, sakemm il-miżuri ta’ kontroll tal-mard ma jkunux tlestew.

(7) Id-durata taż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, jitqiesu s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati kif ukoll is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija, u l-livell ta’ riskju għal aktar tixrid ta’ dik il-marda f’dak l-Istat Membru u fl-Unjoni. Barra minn hekk, id-durata tal-miżuri previsti b’din id-Deċiżjoni ġiet iddeterminata fi qbil mal-istandards internazzjonali stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health).

(8) Barra minn hekk, fid-dawl tad-dewmien kontinwu fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard meħtieġa li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ tifqigħa bħal din, huwa neċessarju li l-projbizzjoni fuq il-movimenti tal-annimali ovini u kaprini mit-territorju kollu tal-Bulgarija tiġi estiża lejn Stati Membri oħra, kif previst fl-Artikolu 2, il-punt (d), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238, peress li għaddew aktar minn disa’ xhur mill-konferma tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-reġjun ta’ Pazardzhik. Għaldaqstant, meta jitqies dak id-dewmien fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard, huwa xieraq li dik il-projbizzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(9) Barra minn hekk, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar u l-perjodu li matulu jeħtieġ li japplikaw il-miżuri previsti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiġi estiża sal-31 ta’Jannar 2026.

(10) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Emendi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 hija emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 2, il-punt (d), id-data 30 ta’ Settembru 2025 hija sostitwita bid-data 31 ta’ Diċembru 2025;

2. fl-Artikolu 4, id-data 31 ta’ Diċembru 2025 hija sostitwita b’31 ta’ Jannar 2026;

3. l-Anness huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2025. Għall-Kummissjoni Olivér Várhelyi Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

A.

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata Unità reġjonali u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1 Data sa meta applikabbli Ir-reġjun ta’ Pazardzhik BG–PPR–2024–00001 Żona ta’ protezzjoni: Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Pazardzhik, ġo ċirku b’raġġ ta’ 5 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 bil-koordinati Lat. 42.0156, Lonġ. 23.9989 (2024/1) 22.11.2025 Żona ta’ sorveljanza: Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Pazardzhik, ġo ċirku b’raġġ ta’ 20 kilometru, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 bil-koordinati Lat. 42.0156, Lonġ. 23.9989 (2024/1), esklużi ż-żoni li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni 1.12.2025 Żona ta’ sorveljanza: Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Pazardzhik, ġo ċirku b’raġġ ta’ 20 kilometru, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 bil-koordinati Lat. 42.0156, Lonġ. 23.9989 (2024/1) 23.11.2025–1.12.2025

B.

Żoni ristretti ulterjuri Unità reġjonali Żoni inklużi fiż-żona ristretta ulterjuri stabbilita fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1 Data sa meta applikabbli Ir-reġjun ta’ Pazardzhik 31.12.2025 Ir-reġjun ta’ Blagoevgrad 31.12.2025 Ir-reġjun ta’ Smolyan 31.12.2025 Ir-reġjun ta’ Sofia oblast 31.12.2025

It-territorju kollu tar-reġjun ta’ Pazardzhik

Il-muniċipalitajiet ta’ Razlog, Satovcha, Garmen, Bansko, Belitsa, Yakoruda

Il-muniċipalità ta’ Dospat

Il-muniċipalitajiet ta’ Kostenets u Dolna Banya

Versions

  1. 2025-09-19