Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1964 tat-22 ta’ Settembru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar it-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

In forceVersion 2025-09-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1964@2025-09-22/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16(2) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fl-4 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju tan-Norveġja (in-Norveġja) għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar it-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR, Passenger Name Record) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (il-Ftehim). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fid-9 ta’ April 2025.

(2) Il-Ftehim jipprevedi għat-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru mill-Unjoni għan-Norveġja b’rispett sħiħ tad-drittijiet previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikoli 7 u 8, b’mod rispettiv, tagħha. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta’ data personali trasferita skont dan.

(3) Il-Ftehim irawwem il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u dawk tal-Istati Membri kif ukoll il-Europol u l-Eurojust, bl-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jsaħħu l-fruntieri esterni tal-Unjoni u tan-Norveġja, kif ukoll jiżguraw b’mod effettiv is-sigurtà interna fin-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen.

(4) F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda nnotifikat b’ittra tad-29 ta’ Lulju 2025, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(6) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta l-Opinjoni tiegħu 16/2025 fl-24 ta’ Lulju 2025.

(7) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar it-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2025. Għall-Kunsill Il-President J. Jensen

Versions

  1. 2025-09-22