Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1967 tas-16 ta’ Settembru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1967@2025-09-16/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. Bħalissa hemm 39 Parti għall-Konvenzjoni, inkluż l-Unjoni u 22 Stat Membru.
(2) Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Kumitat tal-Ministri) huwa l-korp deċiżjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Kull wieħed mis-46 membru tal-Kunsill tal-Ewropa huwa intitolat għal rappreżentant wieħed fil-Kumitat tal-Ministri, u kull rappreżentant huwa intitolat għal vot wieħed. L-Istati Membri kollha huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa u b’hekk irrappreżentati fil-Kumitat tal-Ministri.
(3) Skont l-Artikolu 76(1) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet għall-Konvenzjoni u wara li jikseb l-approvazzjoni unanima tagħhom, jiddeċiedi li jistieden lil Stat mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa biex jaderixxi mal-Konvenzjoni. Tali deċiżjoni tirrikjedi maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kumitat tal-Ministri u vot unanimu tar-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni intitolati li jkunu fil-Kumitat tal-Ministri.
(4) Fit-22 ta’ April 2020, il-Kumitat tal-Ministri ddeċieda li jistieden lill-Każakistan jaderixxi mal-Konvenzjoni. F’konformità ma’ dik id-deċiżjoni, l-istedina kienet valida għal ħames snin mill-adozzjoni tagħha, jiġifieri sat-23 ta’ April 2025.
(5) Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ April 2025, il-Każakistan talab estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni ta’ sentejn, jiġifieri sat-23 ta’ April 2027, biex ikun jista’ jlesti l-proċeduri interni tiegħu.
(6) Il-Kumitat tal-Ministri, fil-laqgħa tiegħu f’Settembru 2025, huwa mistenni jadotta deċiżjoni li tagħti lill-Każakistan estensjoni ta’ sentejn tal-iskadenza għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni.
(7) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ministri fir-rigward tal-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni, peress li tali estensjoni jista’ jkollha effetti legali fuq l-Unjoni. L-effett tal-estensjoni jkun it-tiġdid tal-istedina li skadiet tal-Każakistan biex jaderixxi mal-Konvenzjoni, u għalhekk tista’ twassal għall-istabbiliment ta’ relazzjonijiet konvenzjonali bejn l-Unjoni u l-Każakistan fil-qafas tal-Konvenzjoni. L-effetti tal-estensjoni tista’ tinfluwenza wkoll il-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni.
(8) L-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni peress li testendi l-istandards ambizzjużi tal-Konvenzjoni għal dak il-pajjiż. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li l-Każakistan jingħata estensjoni ta’ sentejn tal-iskadenza għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni sabiex il-Każakistan ilesti l-proċeduri interni tiegħu.
(9) Peress li l-Unjoni mhijiex membru tal-Kunsill tal-Ewropa iżda huma l-Istati Membri kollha, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li jaġixxu b’mod konġunt.
(10) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(11) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Settembru 2025, għandha tkun li tiġi appoġġata l-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika sat-23 ta’ April 2027.
Artikolu 2 Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri li huma membri tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2025. Għall-Kunsill Il-President M. Bjerre