Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1968 tat-28 ta’ April 2025 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talba mill-Italja biex ma jiġix applikat ir-rekwiżit li tiġi installata GSM-R f’mina, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (notifikata bid-dokument C(2025) 2437) (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/1968@2025-04-28/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,
Billi:
(1) Fil-11 ta’ Diċembru 2023, l-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 għall-mina l-ġdida fuq il-linja Mungivacca – Noicattaro sal-31 ta’ Diċembru 2029 (it-talba). It-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/797.
(2) Il-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-komunikazzjoni bir-radju bejn il-ferrovija u ċ-ċentru tal-kontroll tal-maniġer tal-infrastruttura għandha tiġi pprovduta f’kull mina b’tul ta’ aktar minn 1 km permezz tas-Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli – Linja Ferrovjarja (GSM-R, Global System for Mobile Communications – Railway).
(3) Il-proġett imsemmi fit-talba jikkonsisti fil-bini ta’ mina ġdida b’tul ta’ 3155 m minn km 7 + 304 sa km 10 + 459 bħala parti minn proġett akbar biex jiġi rduppjat il-binarju tal-linja ferrovjarja Bari – Taranto bejn Mungivacca u Noicattaro.
(4) Skont id-dokumenti mressqa mill-Italja, il-konformità mal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 tkun tinvolvi kost addizzjonali ta’ EUR 4 miljun, peress li madwar 60 km ta’ binarju fiż-żona tal-madwar jeħtieġu jkunu mgħammra b’GSM-R.
(5) Bħala dispożizzjoni alternattiva, l-Italja tipproponi li tapplika l-punt 1.1.1 tal-Anness 2, l-Ewwel Parti, tal-Ordni Ministerjali tat-28 ta’ Ottubru 2005 – Sikurezza fil-mini ferrovjarji (Sistema ta’ komunikazzjoni bir-radju), li jistabbilixxi li għandha tiġi pprovduta sistema li tippermetti l-komunikazzjoni bir-radju bejn il-persunal abbord il-ferroviji u bejniethom u ċ-ċentru tal-kontroll. Din ir-regola nazzjonali ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji skont l-Artikolu 14(1)(c), tad-Direttiva (UE) 2016/797, skont ir-regola IT-FI-1586-1-A.
(6) Fil-prattika, tintuża infrastruttura tal-komunikazzjoni mobbli b’sinjali fil-banda ewlenija tal-GSM li kapaċi tirrepeti s-sinjali lill-erba’ operaturi mobbli ewlenin kif ukoll infrastruttura tas-sigurtà bi frekwenza ultragħolja b’sinjali fil-banda ta’ 400-470 MHz, li sservi għat-timijiet tas-servizzi tat-tifi tan-nar. Skont id-dokumentazzjoni pprovduta mill-Italja, l-adegwatezza ta’ dawk l-arranġamenti alternattivi ġiet ivvalutata b’mod pożittiv mill-Aġenzija Nazzjonali għas-Sikurezza tal-Linji Ferrovjarji u tal-Infrastruttura tat-Toroq u tal-Awtostradi.
(7) Abbażi tal-ġustifikazzjoni għat-talba pprovduta mill-Italja u tad-dispożizzjonijiet alternattivi proposti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati għall-mina l-ġdida fuq il-linja Mungivacca – Noicattaro. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tiġi aċċettata.
(8) Is-sikurezza, kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2016/797, hija rekwiżit essenzjali li għandu jiġi ssodisfat mis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, mis-subsistemi u mill-kostitwenti tal-interoperabbiltà, inklużi l-interfaċċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata kwalunkwe informazzjoni li tindika li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jista’ jikkomprometti s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.
(9) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 It-talba tal-Italja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 għall-mina l-ġdida fuq il-linja Mungivacca – Noicattaro hija aċċettata bil-kundizzjoni li tiġi applikata d-dispożizzjoni alternattiva proposta mill-Italja. L-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed fil-każ li jkollha informazzjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni jista’ jikkomprometti b’mod raġonevoli s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana. Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2025. Għall-Kummissjoni Apostolos Tzitzikostas Membru tal-Kummissjoni