Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2124@2025-10-10/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (il-Ftehim) tejjeb l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali bejn il-Partijiet Kontraenti u tejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.
(2) Ġew approvati bidliet importanti fil-livell internazzjonali fl-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi fis-26 ta’ Awwissu 2022 u ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226, li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE.
(3) Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Prinċipat tal-Liechtenstein (Liechtenstein) għal emenda tal-Ftehim biex jiġu riflessi l-bidliet fis-CRS approvati fil-livell internazzjonali. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (il-Protokoll Emendatorju).
(4) Id-direttivi ta’ negozjati kienu jirrikjedu wkoll li l-Kummissjoni taġġorna r-referenzi għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Partijiet Kontraenti.
(5) It-test tal-Protokoll Emendatorju, li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill.
(6) Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll Emendatorju jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u d-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża mal-Protokoll emendatorju jiġu approvati.
(7) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(8) Il-Liechtenstein, abbażi tas-sħubija tiegħu fiż-Żona Ekonomika Ewropea, implimenta r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-4 ta’ Ottubru 2018,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-iffirmar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll Emendatorju.
Artikolu 2 Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-dħul fis-seħħ u l-effett tal-Protokoll Emendatorju huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2025. Għall-Kunsill Il-President S. Lose