Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2336 tas-7 ta’ Novembru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fid-disa’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi, rigward emenda għat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2336@2025-11-07/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (il-Ftehim) ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1999.
(2) Skont l-Artikolu X, il-paragrafu 5, tal-Ftehim, il-Laqgħa tal-Partijiet tista’ tadotta emendi għall-Annessi tal-Ftehim.
(3) Matul id-disa’ sessjoni tagħha, li se sseħħ mill-11 sal-14 ta’ Novembru 2025, il-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim (il-MOP) hija mistennija tadotta riżoluzzjoni dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Annessi tal-Ftehim. Jekk tiġi adottata, l-emenda proposta għat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-ispeċi Pluviera Griża (Pluvialis squatarola squatarola) tkun teħtieġ emenda tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għalhekk, l-emenda proposta ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-emendi li jistgħu jiġu approvati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2006/871/KE flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha.
(4) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-MOP rigward l-emenda proposta tat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim dwar il-Pluviera Griża, peress li dik l-emenda ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/147/KE..
(5) L-emenda proposta għat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim, sottomessa mir-Renju Unit u stabbilita fl-abbozz tar-Riżoluzzjoni 9.1 tal-MOP dwar il-Pluviera Griża, jenħtieġ li tiġi approvata f’isem l-Unjoni, peress li se tgħin biex jinkiseb grad ogħla ta’ protezzjoni tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi li qed jonqsu. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2006/871/KE, il-Kummissjoni jenħtieġ li ddaħħal riżerva fir-rigward tal-emenda proposta, peress li din teħtieġ emenda tad-Direttiva 2009/147/KE, li ma tkunx possibbli fi żmien 90 jum mid-data tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 9.1 mil-MOP.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fid-disa’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (il-Ftehim) għandha tkun li tapprova l-emenda għat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim, sottomessa mir-Renju Unit u stabbilita fl-abbozz tar-Riżoluzzjoni 9.1 tad-disa’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim, dwar il-Pluviera Griża (Pluvialis squatarola squatarola).
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2025. Għall-Kunsill Il-President M. Bjerre