Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2390 tat-28 ta’ Novembru 2025 dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Contrac Blox u Roban Oktablok f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2025) 8051) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2390@2025-11-28/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu, flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor,
Billi:
(1) Fl-1 ta’ Jannar 2024, il-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tar-Renju Unit, huwa u jaġixxi f’isem il-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Irlanda ta’ Fuq (l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit) adotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li sat-30 ta’ Ġunju 2025 tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Contrac Blox u Roban Oktablok għall-far kannella (Rattus norvegicus) fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, speċifikament fiż-żoni miftuħa tal-gżira ta’ Rathlin, bħala parti mill-proġett LIFE Raft (l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha.
(2) Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, l-azzjoni kienet meħtieġa biex jitħares l-ambjent. Il-gżira ta’ Rathlin tospita għasafar tal-baħar, mammiferi żgħar u invertebrati mhedda u ġiet iddeżinjata bħala Żona ta’ Protezzjoni Speċjali, skont l-Artikolu 4(1), it-tieni paragrafu, tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, minħabba l-kolonji tagħha tal-mus geddumu rqiq, tal-purċinell tal-baħar, tal-margun tat-toppu, tal-edredun u ta’ għasafar tal-baħar oħrajn. Huwa maħsub li l-firien kannella invażivi kienu raġuni ewlenija għat-tnaqqis sinifikanti ta’ ħafna mill-għasafar tal-baħar tal-gżira. Il-proġett LIFE Raft għandu l-għan li jeqred il-firien mill-gżira u jistabbilixxi passi biex titnaqqas il-probabbiltà tar-ritorn tagħhom. Il-prodotti bijoċidali Contrac Blox u Roban Oktablok jintużaw bħala parti mill-proġett LIFE Raft.
(3) Contrac Blox u Roban Oktablok fihom il-bromadiolon u d-difenacoum, rispettivament, bħala sustanzi attivi, u huma prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 14, jiġifieri rodentiċidi, kif definiti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-użu fuq barra fit-territorju tar-Renju Unit, u għalhekk tal-Irlanda ta’ Fuq, tneħħa mill-awtorizzazzjoni tagħhom. Il-permess temporanju mogħti mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit jippermetti tali użu fuq barra b’mod ikkontrollat fuq il-gżira ta’ Rathlin. Skont l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, ir-rodentiċidi antikoagulanti tat-tieni ġenerazzjoni, bħal Contrac Blox u Roban Oktablok, huma l-aktar prodotti bijoċidali effettivi għall-qerda tal-firien kannella fuq gżejjer li jospitaw kolonji ta’ għasafar tal-baħar. Ir-rodentiċidi antikoagulanti tal-ewwel ġenerazzjoni disponibbli fis-suq u rodentiċidi potenzjalment xierqa b’modi oħra ta’ azzjoni (pereżempju, il-kolekalċiferol) urew li mhumiex effettivi f’kuntest ta’ qerda, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, filwaqt li l-użu ta’ nases mekkaniċi jista’ jkun effettiv biss fuq gżejjer żgħar ħafna.
(4) Fil-15 ta’ Mejju 2025, f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit biex l-azzjoni tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit spjegat li, skont il-protokoll segwit għall-proġett ta’ qerda, il-lixka tneħħiet mill-istazzjonijiet kollha tal-lixka f’April 2025. Madankollu, l-operaturi fuq il-post għandhom evidenza ta’ attività persistenti tar-rodituri, li jfisser li l-operazzjoni ta’ qerda ma kinitx kompletament ta’ suċċess. Huwa maħsub li jitwettaq programm ta’ monitoraġġ f’Settembru 2025, segwit minn tqegħid ulterjuri ta’ lixki. Għalhekk hija meħtieġa estensjoni tal-permess temporanju għal Contrac Blox u Roban Oktablok għal biżżejjed żmien biex il-proġett ta’ eradikazzjoni jkun jista’ jitlesta, f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni inkluża fit-talba motivata, kif deskritt hawn fuq.
(5) Il-qerda mhux kompluta tal-firien kannella fuq il-gżira ta’ Rathlin tista’ tipperikola l-kolonji tal-għasafar tal-baħar fuq il-gżira u dak il-periklu ma jistax jiġi kkontrollat b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk jixraq li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit titħalla testendi l-azzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
(6) Peress li l-azzjoni skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2025, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv.
(7) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tar-Renju Unit, huwa u jaġixxi f’isem il-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Irlanda ta’ Fuq, jista’ jestendi sat-2 ta’ Jannar 2027, il-permess għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-prodotti bijoċidali Contrac Blox u Roban Oktablok għall-użu fiż-żoni fil-miftuħ fuq il-gżira ta’ Rathlin.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tar-Renju Unit, li jaġixxi f’isem il-Kumitat Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Irlanda ta’ Fuq. Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2025. Għall-Kummissjoni Olivér Várhelyi Membru tal-Kummissjoni