Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2499 tad-9 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-apparati ta’ medda qasira u għas-sistemi tal-komunikazzjoni mobbli abbord l-inġenji tal-ajru (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2499@2025-12-09/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
(1) F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-apparat tar-radju li jkun konformi mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, irid ikun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva, koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.
(2) Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376, il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC, European Committee for Electrotechnical Standardization) u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI, European Telecommunications Standards Institute) biex jabbozzaw u jirrevedu l-istandards armonizzati għall-apparat tar-radju b’appoġġ għar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fid-Direttiva 2014/53/UE u koperti mill-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni (it-talba).
(3) Abbażi tat-talba, l-ETSI abbozza l-istandards armonizzati EN 303659 V1.1.1 u EN 305550-6 V1.2.1 li għandhom x’jaqsmu ma’ apparati ta’ medda qasira.
(4) Abbażi tat-talba, l-ETSI rreveda l-istandards armonizzati EN 300220-2 V3.1.1, EN 302480 V2.2.1 u EN 302729 V2.1.1 li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2191. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandards armonizzati EN 300220-2 V3.3.1 relatati ma’ apparati ta’ medda qasira li joperaw fil-medda ta’ frekwenzi 25 MHz sa 1000 MHz, EN 302480 V3.1.1 relatati mal-komunikazzjoni mobbli abbord sistemi tal-inġenji tal-ajru u EN 302729-1 V3.1.1 relatati ma’ apparati ta’ medda qasira li jużaw teknoloġija ta’ medda ultra wiesgħa.
(5) Il-Kummissjoni, flimkien mal-ETSI, ivvalutat jekk dawk l-istandards armonizzati humiex konformi mat-talba.
(6) L-istandards armonizzati EN 303659 V1.1.1, EN 305550-6 V1.2.1, EN 300220-2 V3.3.1, EN 302480 V3.1.1 u EN 302729-1 V3.1.1 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali li għandhom l-għan ikopru u li huma stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(7) L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 jipprovdi r-referenzi għall-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2014/53/UE. Biex ikun żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE jkunu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi għall-istandards armonizzati EN 303659 V1.1.1, EN 305550-6 V1.2.1, EN 300220-2 V3.3.1, EN 302480 V3.1.1 u EN302729-1 V3.1.1 ikunu inklużi f’dak l-Anness.
(8) Għaldaqstant, huwa neċessarju li r-referenzi tal-istandards armonizzati riveduti EN 300220-2 V3.1.1, EN 302480 V2.2.1 u EN 302729 V2.1.1 jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(9) Biex il-manifatturi jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw l-apparat tar-radju tagħhom kopert mill-istandards armonizzati riveduti EN 300220-2 V3.1.1, EN 302480 V2.2.1 jew EN 302729 V2.1.1, huwa neċessarju li l-irtirar tar-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati jiġi differit.
(10) Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 tiġi emendata kif xieraq.
(11) Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dan l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-punt (1) tal-Anness għandu japplika mill-11 ta’ Ġunju 2027.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2025. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
L-Anness I huwa emendat kif ġej:
(1) jitħassru r-ringieli 10, 106 u 125;
(2) ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu f’ordni sekwenzjali: Nru Referenza tal-istandard 10a. EN 300220-2 V3.3.1 Apparati ta’ Medda Qasira (SRD, Short Range Devices) li joperaw fil-medda ta’ frekwenzi minn 25 MHz sa 1000 MHz b’livelli ta’ potenza li jvarjaw sa e.r.p. ta’ 500 mW; Parti 2: Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju għal tagħmir tar-radju mhux speċifiku; 106 a. EN 302480 V3.1.1 Sistemi tal-Komunikazzjoni Mobbli Abbord l-Inġenji tal-Ajru (MCOBA, Mobile Communication On Board Aircraft); Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; 125 a. EN 302729-1 V3.1.1 Apparati ta’ Medda Qasira (SRD) li jużaw teknoloġija Ultra Wide Band (UWB); Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Parti 1: Tagħmir ta’ Radar tal-Kejl tal-Livell (LPR) li jopera fil-medda ta’ frekwenzi 6 GHz sa 8,5 GHz, 24,05 GHz sa 26,5 GHz, 57 GHz sa 64 GHz, 75 GHz sa 85 GHz għal installazzjoni strettament vertikali ’l isfel;
(3) jiżdiedu r-ringieli li ġejjin: Nru Referenza tal-istandard 182. EN 303659 V1.1.1 Apparati ta’ Medda Qasira (SRD) fin-Networks tad-Data; Tagħmir tar-radju għall-użu fil-medda ta’ frekwenzi 865 MHz sa 868 MHz u 915 MHz sa 919,4 MHz; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju 183. EN 305550-6 V1.2.1 Apparati ta’ Medda Qasira (SRD) għall-użu fil-medda ta’ frekwenzi 40 GHz sa 260 GHz; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Parti 6: Applikazzjonijiet speċifiċi għar-radjudeterminazzjoni - Tagħmir ta’ Radar tal-Kejl tal-Livell fit-Tankijiet (TLPR) u Tagħmir ta’ Radar tal-Kejl tal-Livell (LPR) li joperaw fil-meded tal-frekwenza 116 GHz sa 148,5 GHz; 167 GHz sa 182 GHz u 231,5 GHz sa 250 GHz.