Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2578 tal-15 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2578@2025-12-15/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent.
(2) Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489, li taħtar lis-Sur Miroslav LAJČÁK bħala r-RSUE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent.
(3) Il-mandat tar-RSUE ġie estiż bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2021/470, (PESK) 2022/1240 u (PESK) 2024/2085.
(4) In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-mandat tar-RSUE qabżet il-baġit approvat inizjalment. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu koperti l-ispejjeż pendenti sabiex jiġi żgurat l-għeluq ordnat tal-mandat.
(5) L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Jannar 2025 jenħtieġ li jiġi aġġustat.
(6) Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/489, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Jannar 2025 għandu jkun ta’ EUR 6779994,20.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025. Għall-Kunsill Il-President K. Kallas