Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2640 tas-16 ta’ Diċembru 2025 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża

In forceVersion 2025-12-16from 2025-12-18
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2640@2025-12-16/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) L-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) introduċew rekwiżit ġdid għall-ammissjoni u l-parteċipazzjoni ulterjuri fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti, li jippermetti liċ-ċittadini tal-pajjiżi parteċipanti jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti mingħajr viża għal massimu ta’ 90 jum għall-fini ta’ turiżmu jew negozju. Ir-rekwiżit il-ġdid jinvolvi l-konklużjoni ta’ sħubija msaħħa għas-sigurtà tal-fruntieri (l-EBSP, enhanced border security partnership) mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti. Konsegwenza ta’ dan, hemm bżonn ta’ qafas komuni min-naħa tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-EBSP, bil-għan li jiffaċilita u jżid iċ-ċertezza tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-sħab. Għalhekk jenħtieġ jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim qafas bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti dwar l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifika tal-identità tal-vjaġġaturi neċessarji biex jiġi ddeterminat jekk id-dħul jew is-soġġorn ta’ vjaġġatur joħolqux riskju għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku (il-ftehim qafas). Għandu jkun possibbli li l-informazzjoni skambjata biex tappoġġa l-iskrinjar u l-verifika tal-identità tal-vjaġġaturi tintuża sussegwentement, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ oqfsa rilevanti għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Uniti, inkluż dwar l-infurzar tal-liġi u kwistjonijiet kriminali bħall-ftehimiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (il-PCSC) u l-ftehmiet dwar l-assistenza legali reċiproka (ftehmiet dwar l-MLA, mutual legal assistance), u biss meta jkun neċessarju u awtorizzat minn ftehim jew arranġament bilaterali, biex tappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-isforzi sussegwenti tagħhom biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari u jipprevjenu, jidentifikaw u jiġġieldu l-kriminalità serja u r-reati terroristiċi, dment li dawk l-isforzi jkunu qed isiru fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-kontroll tal-fruntieri.

(2) Jenħtieġ li dan il-ftehim qafas ma jaffettwax l-funzjonament ta’ ftehimiet oħra bejn l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti, inkluż ftehimiet dwar il-PCSC għall-infurzar tal-liġi jew ftehimiet dwar l-MLA għal materji kriminali.

(3) Il-ftehim qafas jenħtieġ li jkollu l-għan li jirrifletti l-impenn tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti. Bħala tali, huwa essenzjali għall-Unjoni li tindika b’mod ċar li fid-dawl tal-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehim qafas, l-Istati Uniti jenħtieġ li jivvalutaw biss wara perjodu ta’ żmien xieraq jekk l-Istati Membri jkunux ikkonkludew ftehim jew arranġament bilaterali ta’ EBSP.

(4) Jenħtieġ li l-ftehim qafas jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (il-Karta), b’mod partikolari d-dritt għal-libertà u s-sigurtà rikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża rikonoxxut fl-Artikolu 48 tal-Karta u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni rikonoxxuti fl-Artikolu 49 tal-Karta. Jenħtieġ li l-ftehim qafas jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji u filwaqt li jqis b’mod xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Jenħtieġ li l-ftehim qafas ikun konformi wkoll mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-prinċipji tar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fis-17 ta’ Settembru 2025.

(6) Il-ftehim qafas jenħtieġ li jippermetti l-konklużjoni ta’ arranġamenti u ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet koperti mill-ftehim qafas dment li d-dispożizzjonijiet ta’ tali arranġamenti jew ftehmiet bilaterali jkunu kompatibbli ma’ dawk tal-ftehim qafas u mad-dritt tal-Unjoni. Arranġamenti jew ftehimiet bilaterali dwar kwistjonijiet koperti mill-ftehim qafas u konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim qafas jenħtieġ li jiġu allinjati mal-ftehim qafas.

(7) Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnominata n-negozjatur tal-Unjoni.

(8) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem f’konformità mal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u, soġġett għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati għal ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifika tal-identità tal-vjaġġaturi neċessarji biex jiġi ddeterminat jekk id-dħul jew is-soġġorn tagħhom joħolqux riskju għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku. In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Il-Kummissjoni hija b’dan innominata n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3 In-negozjati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni tal-ĠAI (IXIM) li huwa maħtur bħala kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE, soġġett għal kwalunkwe gwida li l-Kunsill jista’ sussegwentement joħroġ lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar it-twettiq, il-progress u l-eżitu tan-negozjati fuq bażi regolari u kull meta tintalab mill-Kunsill, u għandha tibgħatlu d-dokumenti rilevanti kmieni kemm jista’ jkun sabiex il-membri tal-Kunsill ikollhom żmien raġonevoli biex iħejju ruħhom kif xieraq għad-diskussjonijiet fil-grupp ta’ ħidma dwar in-negozjati li ġejjin tal-ftehim qafas. Fejn adatt, jew meta mitlub mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport bil-miktub.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025. Għall-Kunsill Il-President M. Bjerre

Versions

  1. 2025-12-16