Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2642 tat-19 ta’ Diċembru 2025 dwar l-istabbiliment tar-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà għall-2026

In forceVersion 2025-12-19from 2026-01-05
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2642@2025-12-19/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. ANNEX

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2024 dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, u b'mod partikolari l-Artikolu 57(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Sabiex jiġi żgurat tqassim ġust tar-responsabbiltà, jenħtieġ li r-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 tagħti appoġġ effettiv lill-Istati Membri taħt pressjoni migratorja kif iddeterminat fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323.

(2) Jenħtieġ li r-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 tindirizza s-sitwazzjoni migratorja fl-2026 b'mod ibbilanċjat u effettiv u tirrifletti l-ħtiġijiet ta' solidarjetà annwali proġettati. L-evalwazzjoni ta’ dawk il-ħtiġijiet għall-2026 u n-numri ta' referenza għall-kalkolu tas-sehem ġust għal kull Stat Membru huma bbażati fuq il-kriterji u l-analiżi kwantitattivi u kwalitattivi li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-11 ta’ Novembru mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, imsemmi Ir-Rapport Ewropew Annwali (2025) dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni (ir-Rapport Annwali) għall-perjodu ta' rappurtar mill-1 ta' Lulju 2024 sat-30 ta' Ġunju 2025 u fuq il- proġezzjoni għall-2026, kif ukoll fuq ir-rata medja tar-rata ta' rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni, u r-rata medja ta' ritorn fil-livell tal-Unjoni. Dik l-informazzjoni kollha ntużat mill-Kummissjoni biex adottat id-Deċiżjoni (UE) 2025/2323.

(3) Ir-Rapport Annwali għall-perjodu ta’ rappurtar mill-1 ta' Lulju 2024 sat-30 ta' Ġunju 2025 jevalwa s-sitwazzjoni tal-ażil, l-akkoljenza u l-migrazzjoni matul il-perjodu tat-12-il xahar, jiġifieri mill-1 ta' Lulju 2023 sat-30 ta' Ġunju 2024, fir-rotot migratorji kollha, u jagħti stampa strateġika tas-sitwazzjoni u proġezzjoni għas-sena d-dieħla.

(4) Fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tagħha (UE) 2025/2323, il-Kummissjoni, li taġixxi f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2024/1351, identifikat lill-Greċja, Spanja, l-Italja u Ċipru bħala Stati Membri taħt pressjoni migratorja. Il-pressjoni migratorja fi Spanja u l-Italja hija ddeterminata fid-dawl tal-għadd kbir ta' żbarki wara operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ. Jenħtieġ li dawk l-erba’ Stati Membri jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar jekk humiex biħsiebhom jużaw ir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026, u jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar it-tip u l-livell ta' miżuri ta' solidarjetà meħtieġa biex jindirizzaw is-sitwazzjoni. Wara dak, jenħtieġ li dawk l-erba’ Stati Membri jingħatalhom aċċess għall-miżuri ta' solidarjetà stabbiliti mir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 u ma jkunux obbligati jimplimentaw il-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà mwiegħda.

(5) Barra mis-sitwazzjoni ġenerali fl-erba' Stati Membri identifikati bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' solidarjetà tal-Istati Membri taħt pressjoni migratorja tqis il- proġezzjoni ta’ żviluppi imniżżla fir-Rapport Annwali u l-impatt mistenni fuq l-Istati Membri identifikati bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja.

(6) L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' solidarjetà tqis ukoll l-appoġġ mogħti mill-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Ażil u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), kif ukoll l-għajnuna mill-fondi li l-Istati Membri taħt pressjoni migratorja rċevew matul il-perjodu ta' rappurtar. Dawn huma miżuri ewlenin ta' appoġġ inklużi fis-Sett ta' Għodod Permanenti tal-UE b'Appoġġ għall-Migrazzjoni stabbilit bl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

(7) Sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' solidarjetà b'mod ibbilanċjat u effettiv, jeħtieġ ukoll li jitqies il-livell eżistenti ta' movimenti mhux awtorizzati li, minkejja li naqsu, komplew joħolqu sfida għall-Unjoni.

(8) Barra minn dan, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' solidarjetà tqis is-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, inkluż il-fatt li hemm 12-il Stat Membru f'riskju ta' pressjoni migratorja, jiġifieri l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, u l-Finlandja), u sitt Stati Membri li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ migrazzjoni sinifikanti, jiġifieri l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Kroazja, l-Awstrija u l-Polonja..

(9) L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' solidarjetà tqis ukoll l-obbligu stabbilit skont l-Artikoli 63(3), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/1351 dwar il-livell minimu ta' solidarjetà li jeħtieġ jintlaħaq.

(10) Il-ħtiġijiet ta' solidarjetà għall-2026 għar-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati bħala 21000 għar-rilokazzjonijiet u bħala EUR 420 miljun għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji, li jirrifletti l-fatt li l-ewwel ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-Unjoni u l-wegħdiet ta' solidarjetà korrispondenti ser jibdew jiġu implimentati mit-12 ta' Ġunju 2026 kif ukoll id-distribuzzjoni mhux ugwali tal-wasliet irregolari fl-Istati Membri benefiċjarji matul is-sena, li ġeneralment tirriżulta fi kwantità akbar ta' wasliet irregolari fit-tieni nofs tas-sena.

(11) Peress li s-sehem tal-wasliet wara l-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ fi Spanja u fl-Italja mill-wasliet irregolari kollha fl-Istati Membri ddeterminati bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja huwa ta' 42 %, jenħtieġ li l-perċentwal indikattiv tar-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 li jrid ikun disponibbli għall-Italja u Spanja jirrifletti dak is-sehem.

(12) Skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 ir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 għandha tistipula l-kontribuzzjonijiet kif imwiegħda mill-Istati Membri matul laqgħa tal-Forum ta' Livell Għoli tal-UE dwar is-Solidarjetà. Il-Forum ta' Livell Għoli tal-UE dwar is-Solidarjetà tlaqqa' fit-13 ta' Novembru 2025, u kellu laqgħat fit-18 ta' Novembru u fis-27 ta' Novembru 2025, fejn f’dawn il-laqgħat l-Istati Membri wiegħdu l-kontribuzzjonijiet tagħhom ta' solidarjetà.

(13) It-tliet tipi ta' miżuri ta' solidarjetà previsti taħt l-Artikolu 5692) tar-Regolament (UE) 2024/1351, notament ir-riallokazzjoni, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-miżuri alternattivi ta' solidarjetà, jitqiesu li huma ta' valur ugwali. Għalhekk huwa għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema tip ta' miżura ta' solidarjetà jwiegħed, inkluż li jagħmel użu mil-possibbiltà li jwiegħed taħlita ta' tipi varji ta' miżuri ta' solidarjetà, kif ukoll li jwiegħed biss miżuri ta' solidarjetà alternattivi. Fl-implimentazzjoni tar-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026, bħala l-ewwel riżerva annwali ta’ solidarjetà, il-wegħdiet tal-Istati Membri għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu aġġustati forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà.

(14) Kien hemm għadd kbir ta' movimenti mhux awtorizzati rreġistrati fl-Unjoni fil-perjodu ta' rappurtar mill-1 ta' Lulju 2024 sat-30 ta' Ġunju 2025 u fil-fażi ta' tranżizzjoni lejn il-funzjonament sħiħ tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà, jeħtieġ li dik is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri titqies biex jiġi appoġġat l-istabbiliment effiċjenti tar-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026. Matul din il-fażi inizjali ta' tranżizzjoni, li tikkorrispondi għall-perjodi ta' rappurtar li ma jkunux qiesu s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni ladarba r-regoli sostantivi li jinsabu fir-Regolament (UE) 2024/1351 ikunu saru applikabbli kompletament, hemm potenzjal sinifikanti li jinkisbu s-solidarjetà ġenerali u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà billi jiġu rikonoxxuti kif xieraq u jittieħed kont tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li, fil-perjodu ta' rappurtar mill-1 ta' Lulju 2024 sat-30 ta' Ġunju 2025 ikunu ċċaqalqu minn Stati Membri benefiċjarji lejn Stati Membri kontribwenti, u applikaw għall-protezzjoni internazzjonali f’dan ta’ l-aħħar. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri kontribwenti kollha jistgħu jikkontribwixxu għas-solidarjetà anke permezz ta' forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà, fosthom dawk li jirriżultaw f'responsabbiltà għall-Istati Membri kontribwenti f']dak il-perjodu ta' rappurtar. Jenħtieġ li tali forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà jiġu maqbula bilateralment mill-Istati Membri kontribwenti u benefiċjarji u jenħtieġ li jitqiesu fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sabiex jirriflettu s-sehem ġust obbligatorju tal-Istati Membri kontribwenti, filwaqt li jiġi żgurat li, skont il-każijiet rilevanti, l-Istati Membri kollha jistgħu jimplimentaw forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà b'mod ġust u effettiv, fejn il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE jiffaċilita l-interazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni bbilanċjata u effettiva tagħha.

(15a) Jenħtieġ li din ir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026, l-ewwel riserva annwali ta’ Solidarjetà tirrifletti l-fatt li hija bbażata fuq wegħdiet magħmula mill-Istati Membri fi żmien meta r-regoli sostantivi li jinsabu fir-Regolament (UE) 2024/1351 għadhom mhux applikabbli, u li l-ewwel ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-Unjoni u l-wegħdiet ta' solidarjetà ser jibdew jiġu implimentati mit-12 ta' Ġunju 2026. Sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà f’dan il-kuntest, partikolarment fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' dawk l-Istati Membri identifikati skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2025/2323 bħala li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut b'mod eċċezzjonali li l-wegħdiet ta' dawk l-Istati Membri jistgħu jiġu aġġustati kif xieraq.

(16) Jenħtieġ li l-għan ta' din id-Deċiżjoni ta' implimentazzjoni jkun li tikkontribwixxi għall-kisba ta' approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-livell tal-Unjoni, billi tiżgura l-ewwel pass essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, inkluż ir-Regolament (UE) 2024/1351, u billi trawwem azzjoni koeżiva kumplessiva f'oqsma ta' prijorità konnessi direttament, partikolarment dawk li jirrigwardaw l-istabbiliment ta' sistema Ewropea komuni għar-ritorni u ta' lista tal-Unjoni ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pressjoni ġenerali fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri u tappoġġa l-funzjonament tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

(17) F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat, b’ ittra tas-27 ta' Ġunju 2024, li tixtieq taċċetta u tintrabat bir-Regolament (UE) 2024/1351. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2088 ikkonfermat il-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2024/1351. L-Irlanda għalhekk qed tieħu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(18) F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Ir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026, kif tinsab fl-Anness, hija b'dan stabbilita.

2. In-numru ta' referenza tar-rilokazzjonijiet għar-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 huwa 21000.

3. In-numru ta' referenza tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għar-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà għall-2026 huwa EUR 420000000.

4. Il-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà kif imwiegħda minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1351 jinsabu fl-Anness.

5. Il-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà ta' kull Stat Membru jidhru bħala ċifri aggregati li jikkorrispondu għall-miżuri ta' solidarjetà msemmija fl-Artikolu 56(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1351.

6. B'mod indikattiv 42 % tan-numri ta' referenza msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri identifikati bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja minħabba l-għadd kbir ta' wasliet li jirriżultaw mill-iżbarki rikorrenti wara operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-12 ta’ Ġunju 2026.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-19 ta’ Diċembru 2025. Għall-Kunsill Il-President M. Bjerre

ANNEX

ANNESS

1. L-Istati Membri li jinsabu taħt pressjoni migratorja skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2025/2323 Stat Membru Sehem Ġust Rilokazzjoni jew forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà Kontribuzzjonijiet finanzjarji (EUR) Miżuri alternattivi ta' solidarjetà (valuri f’EUR) Greċja 1,8585 % 7800000 Spanja 10,0106 % 42040000 Italja 12,8565 % 54000000 Ċipru 0,2048 % 43

2. L-Istati Membri li qed jiffaċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2025/2323 Stat Membru Sehem Ġust Rilokazzjoni jew forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà Kontribuzzjonijiet finanzjarji (EUR) Miżuri alternattivi ta' solidarjetà (valuri f’EUR) Bulgarija 1,0180 % 214 Ċekja 2,1358 % 0 Estonja 0,2677 % 280000 280000 Kroazja 0,6858 % 0 Awstrija 2,4076 % 0 Polonja 6,6160 % 0

3. Stati Membri oħra Stat Membru Sehem Ġust Rilokazzjoni jew forom oħra ta' appoġġ ta' solidarjetà Kontribuzzjonijiet finanzjarji (EUR) Miżuri alternattivi ta' solidarjetà (valuri f’EUR) Belġju 3,0767 % 12920000 Ġermanja 21,6890 % 4555 Irlanda 2,2049 % 9260000 Franza 16,0021 % 3361 Latvja 0,3234 % 1360000 Litwanja 0,5474 % 58 1140000 Lussemburgu 0,3212 % 15 1040000 Ungerija 1,6604 % ebda wegħda Malta 0,1295 % 14 260000 Netherlands 5,2154 % 21900000 Portugall 2,0108 % 8440000 Rumanija 3,1480 % 661 Slovenja 0,4306 % 1800000 Slovakkja 0,9856 % ebda wegħda Finlandja 1,4160 % 5940000 Żvezja 2,7807 % 11680000

Versions

  1. 2025-12-19