Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/2654 tas-17 ta’ Settembru 2025 dwar it-tiġdid tad-determinazzjoni li r-reġim tas-solvenza fis-seħħ fil-Brażil, fil-Ġappun u fil-Messiku applikabbli għal impriżi bl-uffiċċju prinċipali tagħhom f’dawk il-pajjiżi terzi huwa proviżorjament ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/2654@2025-09-17/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II), u partikolarment l-Artikolu 227(6) tagħha,
Billi:
(1) Fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290 u fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2016/310, ġie ddeterminat li r-reġim tas-solvenza fis-seħħ fil-Brażil, fil-Ġappun u fil-Messiku u applikabbli għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b’uffiċċji prinċipali f’dawk il-pajjiż terzi, irid jitqies bħala proviżorjament ekwivalenti għar-reġim stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, tad-Direttiva 2009/138/KE. Dawk l-ekwivalenzi proviżorji ngħataw mill-1 ta’ Jannar 2016, u għal perjodu ta’ 10 snin. L-Artikolu 227(6), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2009/138/KE jipprevedi l-possibbiltà li tiġġedded ekwivalenza proviżorja għal perjodu ulterjuri ta’ 10 snin, dment li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 227(5) ta’ dik id-Direttiva jibqgħu jiġu ssodisfati u soġġett għal att delegat tal-Kummissjoni għal dak l-għan. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA, European Insurance and Occupational Pensions Authority) trid tassisti lill-Kummissjoni meta tieħu tali deċiżjoni.
(2) Fil-Brażil, id-Digriet Amministrattiv dwar l-Assigurazzjoni Nru 73/1966 jirrikjedi li l-assiguraturi, jiggarantixxu l-obbligi kollha tagħhom, jistabbilixxu riżervi tekniċi, fondi u riżervi speċjali f’konformità mal-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Assigurazzjoni Privata (CNSP, National Council of Private Insurance). Skont ir-Riżoluzzjoni CNSP 3162/2014, ir-Rekwiżit Kapitali Minimu (RKM) huwa l-ogħla bejn il-Kapital ta’ Bażi u l-Kapital ta’ Riskju. Il-Kapital ta’ Bażi huwa ammont fiss marbut mat-tip ta’ entità u r-reġjuni li fihom ġiet awtorizzata li topera, kif ukoll il-Kapital ta’ Riskju, li huwa s-somma tar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskji ta’ sottoskrizzjoni, ta’ kreditu, operazzjonali u tas-suq. Għall-maġġoranza tal-assiguraturi, il-Kapital ta’ Riskju huwa ogħla mill-Kapital ta’ Bażi, u b’hekk jikkostitwixxi r-RKM. Ir-Riżoluzzjoni CNSP 432/2021 tistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ mudell intern bħala alternattiva għal formula standard biex jiġi kkalkulat ir-RKM. Hemm rekwiżiti minimi ta’ governanza korporattiva applikabbli. L-assiguraturi jrid ikollhom kontrolli interni fuq l-attivitajiet, is-sistemi ta’ informazzjoni u l-konformità mar-rekwiżiti legali tagħhom. Is-Superintendência de Seguros Privados (SUSEP) hija responsabbli għas-superviżjoni tal-industrija tal-assigurazzjoni Brażiljana. Is-SUSEP topera taħt il-Ministeru tal-Finanzi bħala l-organu eżekuttiv tar-regolamenti stabbiliti mis-CNSP. Il-kunsill maniġerjali tagħha għandu l-awtorità indipendenti li jistabbilixxi il-politiki ġenerali tas-SUSEP għar-regolamentazzjoni u l-konformità mar-riżoluzzjonijiet tas-CNSP fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu. L-assiguraturi huma meħtieġa jibagħtu data dwar il-kapital, l-assi, l-obbligazzjonijiet, id-dħul u n-nefqa lis-SUSEP kull xahar, kif ukoll dettalji dwar l-operazzjonijiet, il-karta tal-bilanċ, u kont tal-profitt u t-telf fuq bażi trimestrali. L-assiguraturi għandhom ukoll jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom, li jkun fihom informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva. Is-SUSEP tista’ tidħol fi ftehimiet u tiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet superviżorji barranin, u ilha firmatarja għall-MtQM tal-IAIS mill-2014. L-informazzjoni tista’ tintuża biss għal finijiet superviżorji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-funzjonijiet superviżorji tas-SUSEP. Barra minn hekk, informazzjoni miksuba minn awtorità oħra tintuża biss għall-finijiet ta’ dik it-talba. Il-liġi torbot lill-persunal preżenti u l-ex persunal tas-SUSEP bil-kunfidenzjalità.
(3) Fil-Messiku, l-att li jistipula qafas prudenzjali tal-assigurazzjoni rivedut, il-Ley de Instituciones de Seguros y de Fianzas (LISF), daħal fis-seħħ fl-4 ta’ April 2015. Skont il-LISF, japplika r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (RKS), li jkopri riskji tas-sottoskrizzjoni u riskji finanzjarji u tal-kontroparti. It-testijiet għall-istress isiru tal-anqas darba fis-sena (test dinamiku tas-solvenza). Ir-reġim Messikan jippermetti l-użu jew ta’ formola standard jew ta’ mudell intern għall-kalkolu tar-RKS. Il-Comisión Nacional de Seguros y Fianzas (CNSF) huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-assiguraturi tal-ħajja u mhux tal-ħajja fil-Messiku. Għandu setgħa indipendenti li jilliċenzja jew jirtira l-liċenzja ta’ impriżi tal-assigurazzjoni. L-assiguraturi jridu jirrapportaw data dwar l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet, il-kontabbiltà, l-investiment u l-kapital tagħhom lis-CNSF mill-inqas fuq bażi trimestrali. L-assiguraturi jridu jiżvelaw ukoll l-objettivi, il-politiki u l-prattiki tagħhom fir-ritenzjoni, it-trasferiment jew il-mitigazzjoni tar-riskju, u jridu jippubblikaw informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-operazzjonijiet, is-sitwazzjoni teknika u finanzjarja u r-riskji tagħhom. Is-CNSF jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni ma’ superviżuri barranin jekk ikun hemm ftehim ta’ skambju ta’ informazzjoni. Għadd ta’ ftehimiet bħal dawn huma fis-seħħ u s-CNSF ilu firmatarju tal-MtQM tal-IAIS mill-2010. Fejn jeżisti ftehim ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn is-CNSF u superviżur barrani, is-CNSF irid jitlob il-kunsens tas-superviżur barrani qabel ma jiżvela informazzjoni li dan ikun ipprovda. Il-persunal preżenti u l-ex persunal tas-CNSF ma huwiex permess jiżvela informazzjoni kunfidenzjali. Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali huma stabbiliti fid-dritt nazzjonali u kwalunkwe ksur tas-segretezza professjonali jwassal għal sanzjonijiet.
(4) Fil-Ġappun, ir-reġim tas-solvenza Ġappuniż huwa stabbilit fl-Att dwar in-Negozju tal-Assigurazzjoni u l-Ordinanza dwar in-Negozju tal-Assigurazzjoni. Il-Ġappun għandu superviżur tal-assigurazzjoni indipendenti bis-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-Aġenzija Ġappuniża għas-Servizzi Finanzjarji (JFSA, Japanese Financial Services Agency). Il-JFSA ilha taħdem fuq l-introduzzjoni tar-reġim tas-solvenza l-ġdid ibbażat fuq il-Proporzjon tas-Solvenza bbażat fuq il-Valur Ekonomiku (ESR, Economic Value-based Solvency Ratio) b’kalkolu tas-solvenza bbażat fuq ir-reġim il-ġdid li effettivament jibda fis-sena fiskali li tintemm fil-31 ta’ Marzu 2026. L-assiguraturi u r-riassiguraturi jridu jippreżentaw materjal ta’ rapportar estensiv lill-JFSA, u l-JFSA għandha firxa wiesgħa ta’ setgħat għar-ristrutturar jew għall-istralċ tal-assiguraturi u r-riassiguraturi f’diffikultajiet. Kemm għal impriżi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja, l-intervent superviżorju jista’ jkun skattat minn tliet limiti differenti, definiti bħala Proporzjonijiet ta’ Marġni ta’ Solvenza (SRM, Solvency Margin Ratios), espressi bħala proporzjon doppju ta’ fondi proprji diviżi bir-rekwiżit kapitali msejjaħ ir-Riskju Totali. Il-metrika tar-Riskju Totali tkopri r-riskji ta’ sottoskrizzjoni, ir-riskji tar-rata tal-imgħax u tas-suq, ir-riskju operazzjonali u r-riskju ta’ katastrofi. Il-mudelli interni huma aċċettati għar-riskju ta’ katastrofi u ta’ garanzija minima. Il-JFSA għandha s-setgħa li timponi ċerti miżuri ta’ rimedju anke jekk l-ogħla limitu għal intervent superviżorju ma jinkisirx, inkluż billi titlob lill-assiguraturi jadottaw miżuri sabiex itejbu l-profittabbiltà, ir-riskju ta’ kreditu, ir-riskju ta’ stabbiltà jew ta’ likwidità tagħhom. Meta l-SRM ikun inqas minn 0 %, il-JFSA tista’ tordna sospensjoni totali jew parzjali tan-negozju. Il-JFSA ilha wkoll firmatarja tal-MtQM tal-IAIS minn Ġunju 2011. Fit-30 ta’ Jannar 2023, l-EIOPA ffirmat qafas ta’ kooperazzjoni mal-JFSA dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni. Il-persunal tal-JFSA huwa soġġett għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali stretta. Ir-regoli u l-prattiki tal-JFSA jipproteġu biżżejjed l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn superviżuri barranin. Il-persunal kollu tal-JFSA preżenti jew l-ex persunal huwa mitlub iżomm kwalunkwe informazzjoni li jirċievi matul it-twettiq tad-dmirijietu kunfidenzjali. Divulgazzjoni mhux awtorizzata tista’ tirriżulta f’sanzjonijiet dixxiplinarji, investigazzjonijiet kriminali u pieni. L-informazzjoni li waslet mingħand is-superviżuri barranin u indikata bħala kunfidenzjali tiġi ttrattata kif meħtieġ, u tintuża biss għall-finijiet miftiehma mas-superviżur barrani.
(5) Abbażi tal-assistenza tal-EIOPA u fid-dawl tar-rekwiżiti tas-solvenza applikabbli fil-Brażil, fil-Ġappun u fil-Messiku, huwa ċar li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 227(5) tad-Direttiva 2009/138/KE jibqgħu jiġu ssodisfati mir-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fil-Brażil, fil-Ġappun u fil-Messiku applikabbli għal impriżi bl-uffiċċju prinċipali tagħhom f’dawk il-pajjiżi terzi. Għalhekk huwa xieraq li tiġġedded id-determinazzjoni, stabbilita fid-Deċiżjoni Delegata (UE) 2015/2290 u fid-Deċiżjoni Delegata (UE) 2016/310, li dawk ir-reġimi tas-solvenza huma proviżorjament ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, tad-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin meta l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja li tiġi vvalutata mill-ġdid l-ekwivalenza ddeterminata minn din id-Deċiżjoni, inklużi l-iżviluppi internazzjonali. Dawn ir-rieżamijiet regolari jew speċifiċi jistgħu jwasslu għall-emenda jew għat-tħassir ta’ din id-Deċiżjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tissorvelja, bl-assistenza tal-EIOPA, l-evoluzzjoni tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fil-Brażil, fil-Ġappun u fil-Messiku u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Ir-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fil-Brażil, fil-Ġappun u fil-Messiku, u applikabbli għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b’uffiċċji prinċipali f’dawk il-pajjiżi terzi, għandhom ikomplu jitqiesu bħala proviżorjament ekwivalenti għar-reġim stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, tad-Direttiva 2009/138/KE.
Artikolu 2 It-tiġdid tal-ekwivalenza proviżorja qed jingħata mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2035.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2025. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen