Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/349 tal-21 ta’ Frar 2025 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-ispinosad għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2025-02-21from 2025-03-16
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/349@2025-02-21/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1) L-ispinosad iddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie għalhekk ikkunsidrat bħala approvat skont dak ir-Regolament sal-31 ta’ Ottubru 2022 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

(2) Fis-27 ta’ April 2021 u fit-28 ta’ April 2021, ġew sottomessi żewġ applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-ispinosad għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (l-applikazzjonijiet).

(3) Fit-13 ta’ Settembru 2021, l-awtorità kompetenti li tevalwa tan-Netherlands għarrfet lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4) L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data mitluba jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5) Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1489 ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-ispinosad għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 għat-30 ta’ April 2025, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet.

(7) Fis-26 ta’ Settembru 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa infurmat lill-Kummissjoni li hija meħtieġa estensjoni addizzjonali tal-approvazzjoni minħabba dewmien fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, u pproponiet estensjoni ulterjuri tad-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni għal 2,5 snin addizzjonali.

(8) Għaldaqstant, għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tal-applikanti, l-approvazzjoni x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk huwa xieraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjonijiet. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet mill-awtorità kompetenti li tevalwa, u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-ispinosad għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Ottubru 2027.

(9) Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, l-ispinosad jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-ispinosad għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1489 hija posposta għall-31 ta’ Ottubru 2027.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2025. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2025-02-21