Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/373 tat-18 ta’ Frar 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Polonja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/373@2025-02-18/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 awtorizzat lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali, li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tirrikjedi li l-fornituri japplikaw mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum obbligatorju (il-miżura speċjali). Il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum obbligatorju jobbliga lill-fornituri (persuni taxxabbli) iħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-fatturi maħruġa b’rabta mal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u li ġeneralment ikunu koperti minn mekkaniżmu tar-reverse charge u minn obbligazzjoni in solidum fil-Polonja, f’kont bankarju separat u mblukkat miftuħ fil-Polonja. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/559 estendiet l-applikazzjoni tal-miżura speċjali sat-28 ta’ Frar 2025.
(2) Bl-ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2024 u fl-1 ta’ Ottubru 2024, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni, f’konformità mal- Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sad-29 ta’ Frar 2028 (it-talba).
(3) Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l- bl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2024. Bl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.
(4) Il-miżura speċjali tapplika għall-merkanzija u s-servizzi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 f’konformità mal-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Prodotti u s-Servizzi. Il-Polonja bħalissa qed tissostitwixxi dik is-sistema ta’ klassifikazzjoni fil-livell nazzjonali bis-sistema tan-Nomenklatura Magħquda, kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 Il-lista fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 għalhekk jenħtieġ li tiġi sostitwita b’lista simplifikata tal-kategoriji ta’ merkanzija u servizzi stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Polonja kkonfermat li s-sostituzzjoni tal-lista ma testendix ilkamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali.
(5) Fit-13 ta’ Novembru 2023,il-Polonja ssottomettiet rapport skont l-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310, dwar l-impatt kumplessiv tal-estensjoni tal-miżura speċjali fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati. Il-Polonja rrapportat li, peress li l-miżura speċjali ġiet estiża, l-applikazzjoni kontinwa tagħha rriżultat fit-tnaqqis, b’mod partikolari, tal-frodi karusell fis-setturi li huma soġġetti għalih, bħall-azzar, ir-ruttam, il-metalli prezzjużi u l-fjuwils. Il-Polonja rrapportat ukoll li, fil-każijiet fejn persuna taxxabli tkun intitolata għal rifużjoni tal-VAT, l-awtoritajiet Pollakki rnexxielhom inaqqsu ż-żmien ta’ rifużjoni għal inqas minn għoxrin jum, sabiex itejbu l-impatt fuq il-fluss tal-flus tal-persuna taxxabbli.
(6) Awtorizzazzjonijiet biex tiġi applikata miżura speċjali ġeneralment jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk il-miżura speċjali hijiex adatta u effettiva. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tiġi estiża sad-29 ta’ Frar 2028. Jekk il-Polonja tixtieq testendi l-miżura speċjali lil hinn mid-29 ta’ Frar 2028, jenħtieġ li tippreżenta talba lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport dwar l-impatt ġenerali tal-miżura speċjali fuq il-livell tal-frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati.
(7) Il-miżura speċjali mhux ser taffettwa b’mod negattiv l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhu ser ikollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT.
(8) Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, id-data tat-28 ta’ Frar 2025 hija sostitwita b’dik tad-29 ta’ Frar 2028.
(2) l-Anness huwa sostitwit bit-test kif jidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025. Għall-Kunsill Il-President A. Domański
ANNEX
ANNESS
ANNESS Lista tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi koperti mill-Artikolu 1
L-Artikolu 1 għandu japplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi:
(1) trasferiment ta’ kwoti għall-emissjoni ta’ gassijiet serra;
(2) xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u assemblaġġ;
(3) azzar u prodotti tal-azzar;
(4) metalli u prodotti magħmulin minn dawn il-metalli;
(5) metalli prezzjużi u prodotti magħmulin minn dawn il-metalli prezzjużi, ġojjellerija, perli, ħaġar prezzjuż;
(6) ċerti prodotti u apparati elettriċi u ċerti prodotti u apparati elettroniċi (b’mod partikolari: tablets, laptops, notebooks, telefons ċellulari, kameras diġitali, proċessuri, konsols u magni tal-logħob vidjo, apparati tal-memorja);
(7) fjuwil;
(8) faħam u prodotti tal-enerġija tal-faħam;
(9) ċerti materjali użati, ruttam, skart;
(10) żjut u xaħmijiet veġetali u tal-annimali;
(11) cartridges għal apparati, inkluż toners, linka u simili;
(12) plastik u oġġetti tal-plastik, b’mod partikolari riti li jiġġebbdu;
(13) parts u aċċessorji għall-vetturi bil-mutur..