Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/444 tal-5 ta’ Marzu 2025 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-aċidu benżojku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 3 u 4 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2025/444@2025-03-05/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) L-aċidu benżojku ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 3 u 4 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2013, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.
(2) L-approvazzjoni tal-aċidu benżojku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 3 u 4 (l-approvazzjoni) se tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2025. Fil-21 ta’ Diċembru 2023, tressqu applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (l-applikazzjonijiet).
(3) Fis-7 ta’Marzu 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.
(4) L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.
(5) Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(6) Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjonijiet. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet mill-awtorità kompetenti li tevalwa, għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjonijiet tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2027.
(7) Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, l-aċidu benżojku jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 3 u 4, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2013,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-aċidu benżojku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 3 u 4, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2013, hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2025. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen