Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1132 tat-18 ta’ Mejju 2026 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/1132@2026-05-18/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa, f’isem l-Unjoni Ewropea, fin-negozjati dwar ir-reviżjoni jew l-emendar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (il-Konvenzjoni), bil-ħsieb li tiġi modifikata d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi inkluża fil-Konvenzjoni. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (il-Protokoll).
(2) Fid-9 ta’ Lulju 2025, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta l-Protokoll u ħa nota tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tiegħu. Fl-10 ta’ Diċembru 2025, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa qabel li jiftaħ il-Protokoll għall-iffirmar fis-26 ta’ Mejju 2026 fi Strażburgu, Franza.
(3) Il-Protokoll huwa konsistenti mal-objettivi tas-sigurtà tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż it-terroriżmu.
(4) Il-Protokoll jemenda l-Konvenzjoni billi jemenda d-definizzjoni ta’ reat terroristiku stabbilita fl-Artikolu 1 tagħha (id-definizzjoni emendata).
(5) Id-definizzjoni emendata tindirizza l-ħtieġa li fil-Kunsill tal-Ewropa tiġi adottata definizzjoni legali usa’ u aktar xierqa ta’ reat terroristiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kurrenti u futuri relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.
(6) Id-definizzjoni emendata għandha l-għan li toffri valur miżjud sostantiv għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-effetti negattivi tiegħu, kif ukoll għall-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-assistenza legali reċiproka u t-talbiet għall-estradizzjoni fost l-Istati Parti għall-Protokoll u għall-Konvenzjoni.
(7) Bil-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati, f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni żgurat il-kompatibbiltà tal-Protokoll mar-regoli rilevanti tal-Unjoni. B’mod partikolari, id-definizzjoni emendata hija kompatibbli u konsistenti mad-definizzjoni ta’ reat terroristiku pprovduta fil-liġi tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(8) Il-Preambolu tal-Protokoll jafferma mill-ġdid li jenħtieġ li l-miżuri kollha meħuda għall-prevenzjoni jew is-soppressjoni ta’ reati terroristiċi f’il-Protokoll ikunu f’konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rilevanti, b’mod partikolari dawk minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll obbligi oħra skont id-dritt internazzjonali, inkluż, fejn applikabbli, id-dritt umanitarju internazzjonali. Dan huwa konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-obbligi tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali.
(9) Peress li l-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni, il-Protokoll huwa miftuħ għall-iffirmar u r-ratifika mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni ssir parti għall-Protokoll flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkondividu l-kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni li l-Protokoll jemenda. L-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/541. Fl-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sakemm il-Protokoll ma jaffettwax ir-regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iffirmar tal-Protokoll mill-Istati Membri, skont il-proċeduri interni tagħhom.
(10) L-iffirmar rapidu tal-Protokoll mill-Unjoni huwa maħsub biex jenfasizza l-appoġġ tal-Unjoni għal definizzjoni pan-Ewropea komuni ta’ reat terroristiku li hija mistennija li ssaħħaħ l-isforzi reġjonali u internazzjonali kontra t-terroriżmu. L-iffirmar rapidu tal-Protokoll huwa maħsub biex jiffaċilita wkoll id-dħul fis-seħħ f’waqtu tal-Protokoll.
(11) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(12) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(13) Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-iffirmar tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu f’isem l-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Protokoll.
Artikolu 2 Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2026. Għall-Kunsill Il-President K. Kallas