Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1776 tal-10 ta’ Lulju 2026 li tawtorizza lill-Belġju japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’portijiet, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/1776@2026-07-10/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Jannar 2026, il-Belġju talab l-awtorizzazzjoni biex japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes privati li jintużaw għar-rikreazzjoni, irmiġġati fil-portijiet (elettriku mix-xatt), f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.
(2) Bir-rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa li beħsiebu japplika, il-Belġju għandu l-għan li jippromwovi l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti rmiġġati f’portijiet milli l-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.
(3) Dment li l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn bastimenti rmiġġati f’portijiet, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwarji. B’kont meħud tal-intensità tal-karbonju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Belġju, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti huwa wkoll mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, sustanzi oħra li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Għalhekk, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.
(4) Li jingħata permess lill-Belġju biex japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku ser tibqa’ l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba l-penetrazzjoni fis-suq kurrenti relattivament baxxa tat-teknoloġija rilevanti, huwa improbabbli li l-applikazzjoni ta’ dik ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk mhux ser jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.
(5) F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva trid tkun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal perjodu ta’ sitt snin. Madankollu, jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt li tkun adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.
(6) Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Belġju huwa awtorizzat japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes privati li jintużaw għar-rikreazzjoni, irmiġġati fil-portijiet, dment li jiġu rrispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2032. Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx kompattibbli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026. Għall-Kunsill Il-President S. Harris