Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1879 tal-24 ta’ Lulju 2026 dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-assistenza għall-appoġġ tal-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna skont l-Artikolu 13(11) tar-Regolament (UE) 2026/467
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/1879@2026-07-24/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027, u b’mod partikolari l-Artikolu 13, il-paragrafu 11 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 13(11) tar-Regolament (UE) 2026/467, il-Kunsill jista’ jadotta att ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ pajjiż terz għajr l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna. L-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni hija soġġetta għal dak il-pajjiż terz li ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u li ma jkunx ikkonkluda ftehim mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106. F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kunsill jiddetermina li dak il-pajjiż terz jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 13(11), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2026/467, u jispeċifika l-prodotti tad-difiża li għalihom japplika dak l-att ta’ implimentazzjoni. Bħala konsegwenza, dak il-pajjiż terz huwa inkluż fost l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għall-finijiet tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2026/467 fir-rigward tal-prodotti tad-difiża speċifikati f’dak l-att ta’ implimentazzjoni.
(2) Permezz ta’ ittra datata l-4 ta’ Mejju 2026, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) esprima l-interess tiegħu li jiġi inkluż fost l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għall-fini tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2026/467 fir-rigward tal-prodotti tad-difiża li għandhom jiġu speċifikati f’konformità mal-Artikolu 13(11) ta’ dak ir-Regolament.
(3) Ir-Renju Unit daħal fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża mal-Unjoni fid-19 ta’ Mejju 2025.
(4) Fit-13 ta’ Lulju 2026, l-Unjoni u r-Renju Unit iffirmaw Ftehim ta’ Kontribuzzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (il-UK) relatat mal-kontribuzzjoni għas-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self skont ir-Regolament (UE) 2026/467 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027 (il-Ftehim ta’ Kontribuzzjoni).
(5) Ir-Renju Unit qed jipprovdi appoġġ finanzjarju u militari sinifikanti lill-Ukrajna. Abbażi tal-informazzjoni uffiċjali kkomunikata f’dak ir-rigward, ir-Renju Unit, sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, impenja ruħu li jipprovdi appoġġ militari u finanzjarja sostanzjali lill-Ukrajna. B’mod partikolari, sa minn Frar 2022 ‘l hawn, ir-Renju Unit alloka sa GBP 21,8 biljun f’appoġġ għall-Ukrajna, inkluż GBP 13- il biljun f’appoġġ militari, sa GBP 5,3 biljun f’appoġġ mhux militari u limitu ta’ kopertura ta’ GBP 3,5 biljun f’finanzjament għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, ir-Renju Unit huwa parteċipant attiv fil-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna u fl-oqfsa tal-G7 li jipprovdu appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna.
(6) Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiddetermina li r-Renju Unit jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 13(11), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2026/467 u, b’konsegwenza ta’ dan, f’konformità mal-Artikolu 13(11), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, ir-Renju Unit jitqies li huwa inkluż fost l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għall-fini tal-Artikolu 13(4) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-prodotti tad-difiża speċifikati f’din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax rekwiżiti oħra ta’ eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2026/467 jew kwalunkwe kundizzjonijiet oħra stipulati f’dak ir-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikoli 17 u 20 tiegħu.
(7) Meta titqies is-sitwazzjoni estremament diffiċli tas-sigurtà tal-Ukrajna, l-implikazzjonijiet tagħha għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u għalhekk il-ħtieġa li tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha tal-Artikolu 13(11) tar-Regolament (UE) 2026/467 fir-rigward tar-Renju Unit sabiex tiġi appoġġata l-prontezza industrijali fil-qasam tad-difiża tal-Ukrajna b’rispons għall-ħtiġijiet urġenti tagħha għall-prodotti tad-difiża u sabiex jiġu rrispettati kif xieraq l-aspettattivi leġittimi, jixraq li din id-Deċiżjoni tiġi applikata b’mod retroattiv fir-rigward tal-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament u relatati mal-prodotti tad-difiża speċifikati f’din id-Deċiżjoni mit-13 ta’ Lulju 2026, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kontribuzzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(11), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2026/467 huma ssodisfati fir-rigward tar-Renju Unit u għalhekk, skont l-Artikolu 13(11), it-tielet subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, ir-Renju Unit jitqies li huwa inkluż fost l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għall-fini tal-Artikolu 13(4) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-prodotti tad-difiża speċifikati fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni għal attivitajiet, nefqiet u miżuri li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal attivitajiet, nefqiet u miżuri appoġġati skont ir-Regolament (UE) 2026/467 u relatati ma’ prodotti tad-difiża li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:
Artikolu 2
(a) kategorija wieħed: munizzjon u missili; sistemi tal-artillerija, inklużi kapaċitajiet ta’ attakki profondi bi preċiżjoni; kapaċitajiet ta’ kumbattiment fuq l-art u s-sistemi ta’ appoġġ tagħhom, inkluż tagħmir tas-suldati u armi tal-infanterija; droni żgħar (il-klassi 1 tan-NATO) u sistemi kontra d-droni relatati; protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi; ċiberspazju; u l-mobbiltà militari inkluż il-kontromobbiltà;
(b) kategorija tnejn: sistemi ta’ difiża kontra attakki mill-ajru u l-missili; kapaċitajiet marittimi tal-wiċċ u ta’ taħt l-ilma; droni għajr id-droni żgħar (il-klassijiet 2 u 3 tan-NATO) u sistemi kontra d-droni relatati; faċilitaturi strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, trasport bl-ajru strateġiku, riforniment ta’ fjuwil fl-ajru, sistemi C4ISTAR kif ukoll assi u servizzi spazjali; protezzjoni tal-assi spazjali; intelliġenza artifiċjali u gwerra elettronika.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika fir-rigward tal-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2026/467 u relatati mal-prodotti tad-difiża speċifikati fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni mit-13 ta’ Lulju 2026.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2026. Għall-Kunsill Il-President T. Byrne