Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1947 tal-21 ta’ April 2026 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)

In forceVersion 2026-04-21
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/1947@2026-04-21/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1) Fit-8 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583, dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES).

(2) Il-bastimenti u l-persunal li joperaw fil-qafas tal-EUNAVFOR ASPIDES jeħtieġu provvisti u appoġġ, inkluż appoġġ loġistiku u mediku.

(3) Fit-12 ta’ Marzu 2024, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, ir-Repubblika tal-Djibouti (Djibouti) iddeċidiet li l-EUNAVFOR ASPIDES titħalla tiġi skjerata fil-Djibouti biex takkwista l-appoġġ li teħtieġ u li,sakemm jidħol fis-seħħ ftehim internazzjonali dwar dan, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta, konkluż fil-5 ta’ Jannar 2009, japplika għall-EUNAVFOR ASPIDES u l-persunal tagħha fil-Djibouti. Barra minn hekk, dik id-dikjarazzjoni ddikjarat li l-EUNAVFOR ASPIDES titħalla tittrasporta bl-ajru lejn l-ajruport tal-Djibouti apparati militari utli għall-bastimenti tagħha, li taħżen tali apparati militari hemmhekk u tittrasportahom lejn il-port tal-baħar fejn jistgħu jiġu mbarkati abbord il-bastimenti tagħhom.

(4) Fl-4 ta’ April 2024, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Djibouti bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tal-EUNAVFOR ASPIDES. Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Djibouti abbażi ta’ dik id-deċiżjoni.

(5) Jenħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardjata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) jiġi approvat u l-iffirmar tiegħu jiġi awtorizzat sabiex jorbot lill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tissalvagwardata l-libertà tan-navigazzjoni b’rabta mal-kriżi fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) huwa b’dan approvat. L-iffirmar ta’ dak il-Ftehim, li jesprimi l-approvazzjoni tal-Unjoni li tintrabat bih, huwa b’dan awtorizzat.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ April 2026. Għall-Kunsill Il-President K. Kallas

Versions

  1. 2026-04-21