Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2073 tal-11 ta’ Settembru 2026 li tapprova derogi mir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-prodotti tad-difiża għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna

In forceVersion 2026-09-11from 2026-09-15
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/2073@2026-09-11/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1) F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2026/467, l-Ukrajna trid tfassal skeda għal kull attività, nefqa jew miżura relatata ma’ prodott tad-difiża jew prodott ieħor għal finijiet tad-difiża li għalih ikun beħsiebha tirċievi assistenza, biex tappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tagħha, skont l-Artikolu 8(2), il-punt (a)(iii), tar-Regolament (UE) 2026/467.

(2) Tali skeda għandha tistabbilixxi deskrizzjoni tal-prodott tad-difiża jew ta’ prodott ieħor għall-finijiet tad-difiża u informazzjoni dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2026/467.

(3) L-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2026/467 jistabbilixxi derogi mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-prodotti tad-difiża għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna. Il-Kummissjoni għandha tapprova tali derogi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis il-parir, l-għarfien espert u l-appoġġ tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, u sakemm il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament jagħti opinjoni pożittiva.

(4) Fit-18 ta’ Awwissu 2026, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2026/467, l-Ukrajna ppreżentat lill-Kummissjoni skeda tal-prodotti (id-dsatax-il skeda tal-prodotti), ikklassifikata f’livell ekwivalenti għal RESTREINT UE/EU RESTRICTED f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444, relatata ma’ droni żgħar (il-prodotti tad-difiża kkonċernati).

(5) Għall-prodotti tad-difiża kkonċernati, l-Ukrajna talbet li tibbenefika mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 13(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2026/467, fir-rigward tal-kost tal-komponenti ta’ tali prodotti li joriġinaw barra mill-Unjoni, mill-Istati taż-ŻEE-EFTA, u mill-Ukrajna, stabbilit fl-Artikolu 13(4), il-punt (g), ta’ dak ir-Regolament.

(6) B’appoġġ għat-talba tagħha, l-Ukrajna pprovdiet informazzjoni biex turi li għandha bżonn b’mod urġenti l-prodotti tad-difiża kkonċernati biex twieġeb għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. L-Ukrajna insistiet b’mod partikolari fuq l-importanza ta’ dawn il-prodotti f’kuntest ta’ attakki intensifikati mir-Russja fuq miri ċivili u infrastruttura kritika, l-intensifikazzjoni tal-kapaċità tal-manifattura tar-Russja, u l-mobilizzazzjoni ulterjuri tal-persunal militari li mistennija tagħmel ir-Russja. Ma’ din il-pressjoni jiżdied id-defiċit ta’ assistenza fil-qasam tad-difiża lill-Ukrajna, iġġenerat mit-tnaqqis ta’ appoġġ bilaterali min-naħa tal-pajjiżi sħab fl-2026. Għalhekk, il-prodotti tad-difiża kkonċernati jippermettu lill-Ukrajna tiġġieled l-attakki intensifikati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, tiggarantixxi protezzjoni aħjar tal-infrastruttura ċivili u kritika, kif ukoll tirċievi prodotti indispensabbli fil-livell operazzjonali u strateġiku.

(7) L-Ukrajna pprovdiet ukoll informazzjoni biex turi li ma hemm l-ebda prodott ekwivalenti li jwieġeb għall-ħtieġa urġenti tagħha li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(4), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2026/467, li jkun disponibbli fl-iskala meħtieġa. Huwa rilevanti li wieħed iqis li l-Ukrajna qed takkwista, fi proċedura parallela, xi sistemi u prodotti tad-difiża ekwivalenti li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(4), inkluż dwar il-kost tal-komponenti. L-Ukrajna spjegat li l-provvista ta’ prodotti li jindirizzaw il-ħtiġijiet operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 13(4), il-punt (g) tar-Regolament għat-tip speċifiku ta’ droni żgħar, ġiet eżawrita u li fornituri alternattivi ma jkunux jistgħu jikkonsenjaw l-iskala meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet urġenti tal-Ukrajna.

(8) Dwar iż-żmien meħtieġ għall-konsenja tal-prodotti tad-difiża kkonċernati, l-Ukrajna wriet li dan ikun proporzjonat mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mal-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna. L-iskeda tal-prodotti tipprevedi żminijiet qosra għall-konsenja, bil-konsenji kollha mistennija li jitlestew sa tmiem l-2026.

(9) Fis-26 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, stabbilit abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2026/467, dwar it-talba tal-Ukrajna għal deroga u rċeviet il-parir tiegħu fl-istess data.

(10) Fid-dawl taċ-ċirkostanzi msemmijin hawn fuq u filwaqt li tqis il-parir tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2026/467 huma ssodisfati. Konsegwentement, jenħtieġ li d-deroga mitluba mill-Ukrajna fit-18 ta’ Awwissu 2026 tiġi approvata.

(11) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2026/467.

(12) Fid-dawl tal-urġenza biex l-Ukrajna takkwista l-prodotti tad-difiża kkonċernati u sabiex tkun possibbli implimentazzjoni rapida tad-deroga, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Kummissjoni tapprova l-użu tad-derogi f’konformità mal-Artikolu 13(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2026/467 kif mitlub mill-Ukrajna fid-dsatax-il skeda tal-prodotti tagħha li waslet għand il-Kummissjoni fit-18 ta’ Awwissu 2026.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2026. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2026-09-11