Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2141 tal-25 ta’ Settembru 2026 li tagħti lok għall-estensjoni tal-azzjoni meħuda mis-Servizz Pubbliku Federali Belġjan tas-Saħħa, is-Sikurezza tal-Katina Alimentari u l-Ambjent, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Recrute Pro u Recrute HD f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2026) 6678) (It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

In forceVersion 2026-09-25from 2026-09-29
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/2141@2026-09-25/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1) Fis-27 ta’ Awwissu 2025, is-Servizz Pubbliku Federali Belġjan tas-Saħħa, is-Sikurezza tal-Katina Alimentari u l-Ambjent (l-awtorità kompetenti Belġjana) adotta, f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, deċiżjoni li tippermetti, sat-23 ta’ Frar 2026, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Recrute Pro u Recrute HD fil-park tal-annimali Pairi Daiza (l-azzjoni). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti Belġjana infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha.

(2) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti Belġjana, l-azzjoni kienet meħtieġa minħabba periklu għall-ambjent li ma setax jiġi kkontrollat b’mezzi oħra. Wara l-importazzjoni ta’ materjal tal-injam min-Nofsinhar ta’ Franza, xi serer fil-park tal-annimali Pairi Daiza ġew infestati bit-termiti tal-ispeċi Reticulitermes flavipes. L-infestazzjoni b’din it-tip ta’ termita hija ta’ periklu għall-ambjent, peress li dawn l-organiżmi ta’ ħsara invażivi jistgħu jkomplu jinxterdu fil-park tal-annimali u barra minnu.

(3) Recrute Pro u Recrute HD huma prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra), kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Huma prodotti ta’ lixka li fihom l-eżaflumuron bħala sustanza attiva, li taġixxi bħala inibitur tas-sinteżi tal-kitina. Attwalment, l-eżaflumuron hija l-unika sustanza attiva approvata li hija inibitur tas-sinteżi tal-kitina, iżda l-ebda prodott bijoċidali li fih dik is-sustanza attiva ma ġie awtorizzat sa issa.

(4) Kif spjegat l-awtorità kompetenti Belġjana, jidher li t-trattament bil-prodotti Recrute Pro u Recrute HD huwa l-uniku mezz kif jiġu eradikati t-termiti f’Pairi Daiza. Il-ġlieda kontra t-termiti tal-ispeċi Reticulitermes flavipes tista’ titwettaq biss billi jiġu applikati sistemi ta’ lixka. Twettaq trattament bi prodott bijoċidali li fih sustanza attiva differenti (diflubenżuron) fil-park tal-annimali Pairi Daiza qabel l-azzjoni, iżda ma rnexxiex. L-eżaflumuron hija l-unika sustanza attiva attwalment approvata fl-Unjoni għall-użu kontra t-termiti u fil-Portugall, attwalment qed tiġi evalwata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti Recrute Pro u Recrute HD.

(5) Fit-8 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti Belġjana għall-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Kif spjegat l-awtorità kompetenti Belġjana, il-programm ta’ eradikazzjoni tar-Reticulitermes flavipes fil-park tal-annimali Pairi Daiza ma setax jitlesta matul il-perjodu ta’ 180 tad-deċiżjoni inizjali li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Recrute Pro u Recrute HD fil-park tal-annimali Pairi Daiza. Hija meħtieġa l-kontinwazzjoni mhux interrotta tal-azzjoni, biex dan ikun jista’ jitlesta u jiġi pprevenut ir-riskju li t-termiti jkomplu jinxterdu.

(6) Il-preżenza tar-Reticulitermes flavipes fil-park tal-annimali Pairi Daiza toħloq periklu għall-ambjent li ma jistax jiġi kkontrollat b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk, jixraq li l-awtorità kompetenti Belġjana titħalla testendi l-azzjoni għal perjodu ta’ 550 jum.

(7) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Is-Servizz Pubbliku Federali Belġjan tas-Saħħa, is-Sikurezza tal-Katina Alimentari u l-Ambjent jista’ jestendi, mill-24 ta’ Frar 2026 sat-28 ta’ Awwissu 2027, l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Recrute Pro u Recrute HD għall-eradikazzjoni tat-termiti tal-ispeċi Reticulitermes flavipes fil-park tal-annimali Pairi Daiza, dment li jiżgura li l-prodott jintuża biss taħt is-superviżjoni tiegħu.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lis-Servizz Pubbliku Federali Belġjan tas-Saħħa, is-Sikurezza tal-Katina Alimentari u l-Ambjent.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2026. Għall-Kummissjoni Olivér Várhelyi Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2026-09-25