Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2150 tal-25 ta’ Settembru 2026 li tippermetti liċ-Ċekja tawtorizza prodotti bijoċidali li jkun fihom l-ossidu tal-etilen għall-protezzjoni tal-wirt kulturali (notifikata bid-dokument C(2026) 6691) (It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/2150@2026-09-25/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 55(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) L-ossidu tal-etilen fit-tip ta’ prodott 2 (diżinfettanti u algiċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew l-annimali), kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie inkluż fil-programm ta’ ħidma għall-eżaminazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija f’dak ir-Regolament, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014. Fl-1 ta’ Diċembru 2009 tressqet applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-ossidu tal-etilen fit-tip ta’ prodott 2.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1074 sabet li l-prodott rappreżentattiv inkluż fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni ma kienx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u li, għaldaqstant, kien jixraq li l-ossidu tal-etilen ma jiġix approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2.
(3) F’konformità mal-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-5 ta’ Frar 2026, iċ-Ċekja ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal deroga mill-Artikolu 19(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament biex titlob li titħalla tawtorizza prodotti bijoċidali li fihom l-ossidu tal-etilen għall-protezzjoni tal-wirt kulturali.
(4) Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja, l-użu tal-ossidu tal-etilen hu essenzjali għall-protezzjoni tal-artefatti tal-wirt kulturali, b’mod partikolari l-oġġetti bbażati fuq il-polisakkaridi (primarjament iċ-ċelluloża) u l-proteini (primarjament il-kollaġen), bħal materjal tal-arkivji, kollezzjonijiet tal-libreriji, esebizzjonijiet tal-mużewijiet, oġġetti tal-wirt fotografiku u ċinematografiku, għax jidher li hu l-unika teknika effiċjenti li tikkontrolla varjetà ta’ pesti li jistgħu jheddu dawk l-oġġetti. Skont iċ-Ċekja, id-diżinfezzjoni bl-ossidu tal-etilen fil-kmamar tal-fumigazzjoni hi l-aktar proċedura effettiva ta’ diżinfezzjoni għall-protezzjoni tal-oġġetti tal-wirt kulturali, mhux biss minħabba l-possibbiltà ta’ trattament fuq skala kbira tal-kollezzjonijiet, iżda speċjalment minħabba l-kapaċità kbira tagħha ta’ penetrazzjoni, l-effikaċja tagħha fir-rigward ta’ spettru wiesa’ (kontra l-batterji, il-viruses, il-fungi u l-ispori, inkluż speċijiet reżistenti li metodi oħra ma jistgħux jeqirdu), it-temperatura baxxa meħtieġa għat-trattament ta’ materjali sensittivi għas-sħana, bħal ħafna mill-materjali organiċi, kif ukoll il-kompatibbiltà tagħha mal-materjali trattati, li tikkawża ħsara materjali minima.
(5) Skont iċ-Ċekja, m’hemm l-ebda alternattiva xierqa għat-trattament tal-oġġetti tal-wirt kulturali. Ħafna sostituti kimiċi juru biss effett funġistatiku jew batterjostatiku li jwaqqaf temporanjament it-tkattir tal-mikroorganiżmi, aktar milli effett bijoċidali li jiżgura t-tneħħija għalkollox tagħhom. Dawk il-metodi juru penetrazzjoni inadegwata f’materjali voluminużi jew iħallu impatti negattivi fuq l-istabbiltà u l-kulur tal-pigmenti. Skont iċ-Ċekja, il-metodu tal-anossija hu effettiv kontra l-insetti iżda mhux effettiv kontra l-moffa u l-batterji. Ir-radjazzjoni gamma hija teknika għalja ħafna u diffiċli biex tiġi replikata għax teħtieġ tagħmir speċifiku. Skont iċ-Ċekja, għalkemm ir-radjazzjoni gamma għandha tkun l-unika alternattiva teoretika fuq skala kbira, jidher li din tikkawża degradazzjoni sinifikanti taċ-ċelluloża, u b’hekk tnaqqas ferm l-istabbiltà u d-durabbiltà tad-dokumenti, filwaqt li t-tekniki b’temperatura baxxa (iffriżar) jistgħu jwaqqfu t-tkattir tal-moffa iżda mhumiex effettivi kontra l-ispori.
(6) Kif indikat miċ-Ċekja fl-applikazzjoni, id-diżinfezzjoni bl-ossidu tal-etilen issir biss minn persunal imħarreġ f’faċilitajiet speċjalizzati u mibnija apposta, wara proċess strett u kkontrollat. Wara d-diżinfezzjoni, ikun hemm fażi b’diversi stadji ta’ ventilazzjoni/arjazzjoni biex jitneħħew ir-residwi tal-gass mill-oġġetti. Livelli għoljin tas-sikurezza għall-operaturi huma żgurati b’monitoraġġ kontinwu tal-konċentrazzjonijiet residwi tal-gass desorbit fl-istadji kollha tal-proċess bi kromatografija tal-gass. Biex jiġi evitat ir-rilaxx tal-gass fl-atmosfera, kull faċilità hija mgħammra b’unità għar-rimi tal-gassijiet skartati, magħrufa bħala abatur, li tuża teknoloġija ta’ kombustjoni katalitika biex tiddekomponi l-ossidu tal-etilen fi fwar tal-ilma u dijossidu tal-karbonju.
(7) L-informazzjoni u l-ġustifikazzjoni li hemm fl-applikazzjoni taċ-Ċekja juru li l-użu tal-ossidu tal-etilen hu essenzjali għall-protezzjoni tal-artefatti tal-wirt kulturali fiċ-Ċekja u li bħalissa m’hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli. L-alternattivi mhumiex effettivi biżżejjed kontra l-organiżmi fil-mira jew jistgħu jikkawżaw ħsara lill-materjali trattati
(8) Abbażi tal-informazzjoni u l-ġustifikazzjoni taċ-Ċekja, jixraq jiġi konkluż li l-ossidu tal-etilen hu essenzjali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fiċ-Ċekja u li bħalissa m’hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli. Għaldaqstant, iċ-Ċekja jenħtieġ li titħalla tawtorizza prodotti bijoċidali li fihom l-ossidu tal-etilen għall-protezzjoni tal-wirt kulturali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Iċ-Ċekja tista’ tawtorizza prodotti bijoċidali li jkun fihom l-ossidu tal-etilen għall-protezzjoni tal-wirt kulturali sal-31 ta’ Lulju 2031.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2026. Għall-Kummissjoni Olivér Várhelyi Membru tal-Kummissjoni