Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/2198 tat-28 ta’ Settembru 2026 li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/2198@2026-09-28/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/354/PESK, li kompliet il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) mill-1 ta’ Lulju 2013 ’il quddiem.
(2) Fit-30 ta’ April 2025, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku kkoordinat tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) u tal-EUPOL COPPS, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-mandati taż-żewġ missjonijiet jenħtieġ li jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2027.
(3) Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid, fost affarijiet oħra, l-impenn tal-Unjoni Ewropea għad-dritt internazzjonali u paċi komprensiva, ġusta u dejjiema bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati. L-Unjoni tenniet ir-rieda tagħha li taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Konflitt f’Gaża f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2803, waqt li appellat għall-implimentazzjoni sħiħa mill-partijiet kollha tal-waqfien mill-ġlied u tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-UNSCR 2803, f’konformità mal-UNSCRs u l-prinċipji politiċi u legali internazzjonali.
(4) Fid-29 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1466, li estendiet il-mandat tal-EUPOL COPPS bi tliet xhur sat-30 ta’ Settembru 2026.
(5) B’kont meħud tal-informazzjoni provduta minn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, jenħtieġ li l-EUPOL COPPS tiġi estiża b’disa’ xhur.
(6) Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/354/PESK tiġi emendata skont dan.
(7) Il-EUPOL COPPS ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tfixkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsab fl-Artikolu 21 tat-Trattat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 2013/354/PESK hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) fl-Artikolu 12(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPOL COPPS għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 għandu jkun ta’ EUR 13073635,90. ;
(2) fl-Artikolu 15, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027..
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2026.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2026. Għall-Kunsill Il-President M. Heydon