Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/619 tad-19 ta’ Marzu 2026 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-ossidu tar-ram għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2026-03-19from 2026-04-09
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/619@2026-03-19/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1) L-ossidu tar-ram iddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie għalhekk ikkunsidrat bħala approvat skont dak ir-Regolament sal-31 ta’ Jannar 2024 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

(2) Fis-27 ta’ Lulju 2022, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-ossidu tar-ram għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (l-applikazzjoni).

(3) Fil-21 ta’ Marzu 2023, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ta’ Franza infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4) L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont kif ikun xieraq, tirrikjedi lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż 180 jum b’kollox sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5) Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-Aġenzija) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2100 ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-ossidu tar-ram għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 għall-31 ta’ Lulju 2026, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni.

(7) Fit-8 ta’ Ottubru 2025, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni infurmat lill-Kummissjoni li l-evalwazzjoni ddewmet. L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tistenna li tibgħat ir-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fl-ewwel trimestru tal-2028.

(8) Konsegwentement, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex tkun tista’ tiġi eżaminata l-applikazzjoni. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-ossidu tar-ram għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Lulju 2029.

(9) Wara l-posponiment ulterjuri tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, l-ossidu tar-ram jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-ossidu tar-ram għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2100 hija posposta għall-31 ta’ Lulju 2029.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2026. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2026-03-19