Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/714 tas-17 ta’ Marzu 2026 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-237 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-adozzjoni tal-emenda prevista għall-Anness 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

In forceVersion 2026-03-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/714@2026-03-17/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2) L-Istati Membri kollha huma Stati kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Chicago (Stati kontraenti) u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Sitt Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3) Skont l-Artikolu 54, is-subparagrafu l) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4) Il-Kunsill tal-ICAO, fil-237 sessjoni tiegħu, ser jadotta l-Emenda 20 għall-Anness 13 — Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (Emenda 20).

(5) L-għan ewlieni tal-Emenda 20huwa li tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiġi żgurat livell għoli ta’ effiċjenza, espedjenza u kwalità tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

(6) In-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-Settur tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) stabbilit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa responsabbli, inter alia biex jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-aspetti kollha tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-politiki u r-regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u mal-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti. ENCASIA kkontribwixxa għall-iżvilupp tal-proposta tal-Emenda 20.

(7) Jixraq tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO, billi l-Emenda 20, ladarba tiġi adottata, ser tkun torbot skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90, is-subparagrafu a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, u kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 996/2010. Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-Emenda 20, sa fejn dak il-kontenut ikun ta’ qasam li diġà huwa kopert fil-biċċa l-kbira tiegħu minn regoli komuni tal-UE. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-avjazzjoni.

(8) Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 20 tkun ta’ appoġġ għall-adozzjoni ta’ dik l-Emenda 20. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(9) Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jenħtieġ li kwalunkwe Stat kontraenti li jqisha mhux prattikabbli għalih li jikkonforma għalkollox ma’ standard jew proċedura internazzjonali, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali wara l-emenda ta’ din tal-aħħar, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

(10) Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Anness imsemmi fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-ICAO.

(11) Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 20 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, li ser titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO bil-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, sa fejn dak il-kontenut jaqa’ f’qasam li diġà huwa kopert mir-regoli komuni tal-UE, tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tikkonforma mal-Emenda 20. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tvarja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li differenza minn dawk is-SARPs partikolari tiġi notifikata lill-ICAO. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ differenza bħal dik tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għal diskussjoni u approvazzjoni. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, għandha tkun li tappoġġa l-Emenda 20 proposta għall-Anness 13 — Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (l-Emenda 20).

2. Dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr bidla sostanzjali l-emenda 20, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tkun li ma tirreġistra l-ebda diżapprovazzjoni u li tinnotifika l-konformità mal-Emenda 20 adottata bi tweġiba għall-Ittra rilevanti lill-Istati tal-ICAO. F’każ li l-leġiżlazzjonital-Unjoni tkun tvarja mill-istandards stabbiliti fl-Anness 13 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards, li tkun teħtieġ in-notifika lill-ICAO ta’ differenza minn dawk l-istandards partikolari, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu notifikati d-differenzi, għandha tippreżenta lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni

Artikolu 2 Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. Il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2026. Għall-Kunsill Il-President A. Vafeades

Versions

  1. 2026-03-17