Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/730 tas-17 ta’ Marzu 2026 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 Sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fir-rigward tal-emendi 3, 12 u 15 għall-Anness 16, il-Volum I-III, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent

In forceVersion 2026-03-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/730@2026-03-17/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2) L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Attwalment sitt Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3) Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) Internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4) Is-SARPs dwar il-protezzjoni tal-ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(5) Il-Kunsill tal-ICAO, matul il-237 sessjoni tiegħu, għandu jadotta għadd ta’ emendi għall-Anness 16, il-Volum I sa III, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(6) Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-ICAO peress li l-emendi proposti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012.

(7) Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun li tappoġġa l-emendi proposti 3, 12 u 15 għall-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(8) Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri li attwalment huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(9) Jekk l-emendi proposti 3, 12 u 15 għall-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jiġu adottati mill-Kunsill tal-ICAO, l-adozzjoni ta’ dawk l-emendi għandha titħabbar aktar tard mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ Ittra tal-ICAO lill-Istati. F’dak il-każ, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni jenħtieġ li tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li tiġi nnotifikata l-konformità mal-emendi. Fejn id-dritt tal-Unjoni jiddevja mis-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li kwalunkwe differenza bejn id-dritt tal-Unjoni u dawk is-SARPs partikolari tiġi notifikata lill-ICAO. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta ma’ kwalunkwe differenza bħal din tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, fir-rigward tal-emendi 3, 12 u 15 għall-Anness 16, il-Volumi I-III, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti fl-intier tagħhom.

2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-emendi proposti msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr bidliet sostanzjali, għandha tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rilevanti tal-ICAO lill-Istati.

3. F’każ fejn id-dritt tal-Unjoni jiddevja mis-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni tagħhom, kwalunkwe differenza bejn id-dritt tal-Unjoni u dawk is-SARPs partikolari għandha tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. F’każ bħal dan, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe differenza bejn id-dritt tal-Unjoni u dawk is-SARPs partikolari, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu nnotifikati d-differenzi, tippreżenta lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2 Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u (3) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2026. Għall-Kunsill Il-President A. Vafeades

Versions

  1. 2026-03-17