Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/994 tal-4 ta’ Mejju 2026 li tagħti lir-Repubblika Portugiża deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-Suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE fir-rigward tas-sistema iżolata żgħira tal-gżira ta’ Berlenga (notifikata bid-dokument C(2026) 2789) (It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

In forceVersion 2026-05-04from 2020-07-29
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2026/994@2026-05-04/mt

Contents
  1. Preamble
  2. (27)
  3. Artikolu 3

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tagħha,

Billi: PROĊEDURA

(1) Fil-15 ta’ Novembru 2019, il-Viċi Ministru u s-Segretarju tal-Istat Portugiż għall-Enerġija (il-Ministeru għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika) issottometta lill-Kummissjoni applikazzjoni għal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward tal-gżira ta’ Berlenga, f’konformità mal-Artikolu 66(1) ta’ dik id-Direttiva.

(2) Fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat informazzjoni dwar l-applikazzjoni għal deroga fuq is-sit web tagħha u infurmat lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1), it-tielet subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944. Il-perjodu għas-sottomissjoni tal-kummenti kien miftuħ sat-30 ta’ April 2021. L-ebda osservazzjoni ma ġiet sottomessa.

(3) L-adozzjoni tad-deċiżjoni finali ġiet posposta minħabba l-kriżi tal-enerġija u l-kuntest politiku fil-Portugall, inklużi bidliet leġiżlattivi fil-Portugall fl-2022 u fl-2023. Fl-4 ta’ Ġunju 2025, l-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom għal deroga u pprovdew ħarsa ġenerali aġġornata tas-sitwazzjoni dwar Berlenga.

IL-GŻIRA KKONĊERNATA MILL-APPLIKAZZJONI GĦAL DEROGA

(4) Il-gżira ta’ Berlenga hija parti mill-arċipelagu ta’ Berlenga, grupp ta’ gżejjer li fl-2011 ġew deżinjati bħala riżerva bijosfera mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco, United Nations Educational, Scientific and Cultural Organisation). Il-gżira tinsab 10 km ’il barra mill-kontinent Portugiż u tifforma parti mill-muniċipalità ta’ Peniche. Din tinkludi żoni ta’ rikreazzjoni kklassifikati bħala riżervi parzjali, filwaqt li l-bqija hija riżerva sħiħa tan-natura aċċessibbli biss għar-riċerka xjentifika u għall-monitoraġġ ambjentali. Il-gżira hija abitata biss għal ftit xhur kull sena, u l-konsum tal-enerġija tagħha huwa baxx u staġunali.

(5) Il-gżira ta’ Berlenga ma hijiex konnessa mas-sistema tal-enerġija kontinentali tal-Portugall. Fl-applikazzjoni tiegħu, il-Portugall jiddikjara li l-konnessjoni tan-network tal-gżira mal-kontinent ma tkunx ekonomikament fattibbli. Il-konsum annwali tal-elettriku tal-gżira huwa ta’ madwar 30 MWh u baqa’ relattivament l-istess għal dawn l-aħħar 30 sena. Il-konsum tal-elettriku ġie kopert minn tliet ġeneraturi tad-diżil fuq il-post li joperaw b’mod alternat.

(6) Minħabba l-miżuri ta’ protezzjoni ambjentali stabbiliti fil-gżira, ma hija permessa l-ebda kostruzzjoni ulterjuri, ħlief għall-proġett biex il-provvista tal-enerġija tal-gżira tiġi kkonvertita għal sistema rinnovabbli. Dan il-proġett huwa soġġett għal restrizzjonijiet stretti fuq l-enerġija, l-ispazju u l-kostruzzjoni, kif approvati mill-Instituto da Conservação da Natureza e das Florestas (Istitut għall-Konservazzjoni tan-Natura u l-Foresti).

Is-sistema tal-elettriku fuq il-gżira

(7) E-REDES, kumpanija ta’ distribuzzjoni legalment separata, hija l-uniku fornitur tal-elettriku fil-gżira u bħalissa tipprovdi servizzi tal-elettriku taħt kuntratt ta’ konċessjoni. Din hija wkoll l-operatur ewlieni tas-sistema ta’ distribuzzjoni b’vultaġġ baxx fil-Portugall kontinentali, b’278 kuntratt ta’ konċessjoni muniċipali għal grilji b’vultaġġ baxx, u l-uniku operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni b’vultaġġ medju u għoli, b’kuntratt ta’ konċessjoni pubbliku.

(8) Il-kuntratt ta’ konċessjoni msemmi fil-premessa 7 huwa kuntratt storiku għad-distribuzzjoni b’vultaġġ baxx fil-muniċipalità ta’ Peniche. Dan ġie mġedded fid-29 ta’ Ottubru 2001 fil-forma ta’ kuntratt qafas għal 20 sena, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fiż-żmien tat-tiġdid, il-gvern kien għadu azzjonist fil-konċessjonarju (E-REDES), sakemm il-kumpanija ġiet isseparata fl-2007.

(9) B’riżultat ta’ emenda tal-2017, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi li l-kuntratti ta’ konċessjoni għad-distribuzzjoni assenjati lill-muniċipalitajiet jinġabru flimkien u jiġu offruti flimkien sabiex jinħatar detentur ta’ konċessjoni ġdid (il-Liġi Nru 31/2017). Peress li l-kuntratt ta’ konċessjoni skada fit-28 ta’ Ottubru 2021, għandu jiġi konkluż kuntratt ġdid, wara proċedura pubblika tal-offerti. Il-kuntratt ta’ konċessjoni l-ġdid jenħtieġ li jkun validu għal 20 sena. Minħabba bidla fil-gvern u dewmien proċedurali, il-kuntratt ta’ konċessjoni l-ġdid għadu ma bediex. Sadanittant, il-kuntratt preċedenti jibqa’ fis-seħħ bis-saħħa ta’ estensjoni awtomatika prevista fl-Artikolu 285, il-paragrafu 1 tad-Digriet Amministrattiv Nru 15/2022 tat-14 ta’ Jannar 2022. Dak id-digriet liġi estenda l-kuntratti ta’ konċessjoni muniċipali kollha għal networks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ baxx. L-estensjoni ġenerali se tiskadi ladarba l-operaturi futuri jibdew joperaw dawk il-konċessjonijiet, wara t-tlestija tal-proċedura tal-offerti skont l-Ordinanza (Portaria) Nru 397/2023 ippubblikata fit-28 ta’ Novembru 2023. Fl-ewwel stadju ta’ dik il-proċedura legali tal-offerti, ġew stabbiliti r-rekwiżiti legali u tekniċi għall-għoti ta’ konċessjonijiet għad-distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ baxx fil-Portugall kontinentali. Barra minn hekk, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 27/2024 tat-23 ta’ Frar 2024, stabbiliet il-prinċipji u l-iskeda għall-għoti ta’ konċessjonijiet muniċipali għad-distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ baxx. Dik ir-riżoluzzjoni stabbiliet it-30 ta’ Ġunju 2025 bħala l-iskadenza għar-rappreżentant tal-grupp ta’ entitajiet kontraenti biex iniedi l-proċedura tal-offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet għad-distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ baxx fil-Portugall.

(10) Sakemm titnieda proċedura tal-offerti, il-kuntratt preċedenti, imsemmi fil-premessa 8, ġie estiż abbażi tad-Digriet Amministrattiv Nru 15/2022 u l-Liġi Nru 31/2017.

(11) Fi tmiem il-kuntratt ta’ konċessjoni kurrenti msemmi fil-premessi 7 sa 9, l-assi relatati kollha se jiġu rritornati lill-muniċipalità ta’ Peniche u sussegwentement jistgħu jsiru disponibbli għall-konċessjonarju l-ġdid. Dan jinkludi l-assi koperti mill-proġett li għalih tintalab id-deroga. E-REDES hija l-konċessjonarja tal-grilja lokali, li tifforma parti mill-konċessjoni muniċipali tal-grilja b’vultaġġ baxx ta’ Peniche, u tipposjedi u topera n-network ta’ distribuzzjoni u l-assi ta’ ġenerazzjoni fuq il-gżira sakemm tiskadi l-konċessjoni tal-grilja b’vultaġġ baxx.

(12) Id-deroga tikkonċerna l-involviment tal-konċessjonarja kurrenti (E-REDES) u, eventwalment, konċessjonarju ġdid ladarba l-kuntratt ta’ konċessjoni l-ġdid ikun ġie ffirmat f’attivitajiet li jmorru lil hinn mid-distribuzzjoni tal-elettriku. B’mod partikolari, dan jinkludi l-ġenerazzjoni tal-elettriku u s-sjieda u l-operazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ ħżin fuq il-gżira ta’ Berlenga.

L-APPLIKAZZJONI SOTTOMESSA MILL-PORTUGALL

(13) L-applikazzjoni titlob deroga mill-Artikoli 4, 5, 6, 35 u 36 tad-Direttiva (UE) 2019/944 għall-gżira ta’ Berlenga.

(14) Id-deroga qed tintalab bl-iskop li jiġi implimentat proġett biex tiġi modernizzata s-sistema tal-elettriku tal-gżira u biex il-ġenerazzjoni tal-enerġija fossili tiġi sostitwita b’soluzzjonijiet aktar sostenibbli mil-lat ambjentali u rinnovabbli.

Il-proġett Berlenga Sostenibbli

(15) Sabiex il-ġenerazzjoni tal-elettriku tiġi dekarbonizzata bis-sħiħ fil-gżira u jiġu eliminati r-riskji ambjentali u ta’ sikurezza assoċjati mas-sistema kurrenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-Portugall nieda l-proġett Berlenga Sostenibbli. Il-kostruzzjoni tlestiet u l-proġett ġie inawgurat fid-29 ta’ Lulju 2020. L-iskop tal-proġett huwa li jipprovdi provvista alternattiva tal-elettriku li tkun ambjentalment sostenibbli u teknikament vijabbli billi l-ġenerazzjoni li taħdem bid-diżil tiġi sostitwita b’sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-proġett jinkludi l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi solari b’kapaċità ta’ 70 kWp u ħżin tal-batteriji b’kapaċità ta’ 150 kWh, u ġeneratur tad-diżil ta’ riżerva. L-arranġamenti tas-suq fuq il-gżira, kif deskritti fil-premessa 5, jibqgħu l-istess sakemm jiskadi l-kuntratt ta’ konċessjoni kurrenti.

(16) Skont l-awtoritajiet Portugiżi, E-REDES tipposjedi u topera l-assi tal-ħżin koperti mill-proġett Berlenga Sostenibbli, li jappoġġaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija solari, jaħżnu elettriku żejjed u jinjettawh fil-grilja meta l-ġenerazzjoni fotovoltajka solari ma tkunx biżżejjed. Għaldaqstant, il-faċilità tal-ħżin mhux se tintuża biss għal skopijiet ta’ network, iżda wkoll bħala parti mill-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u għal skopijiet ta’ bbilanċjar, biex jiġi żgurat li l-provvista tal-elettriku fuq il-gżira ma tiġix imfixkla.

(17) Peress li l-proġett Berlenga Sostenibbli ma għandux data tat-tmiem u għandu l-għan li jiżgura l-provvista tal-enerġija fit-tul fuq il-gżira ta’ Berlenga, l-awtoritajiet Portugiżi qed japplikaw għal deroga għall-perjodu massimu permess mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

VALUTAZZJONI Bażi legali tal-applikazzjoni

(18) F’konformità mal-Artikolu 66(1), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V u VI jekk l-Istat Membru li jkun qed japplika għal tali deroga jkun jista’ juri li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni ta’ sistemi iżolati żgħar jew ta’ sistemi konnessi żgħar.

(19) F’konformità mal-Artikolu 66(1), it-tieni subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944, sistemi iżolati żgħar jistgħu japplikaw ukoll għal deroga mill-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dik id-Direttiva.

(20) F’konformità mal-Artikolu 66(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944, ħlief fil-każ ta’ reġjuni ultraperiferiċi, id-deroga trid tkun limitata fiż-żmien u soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku. Fl-aħħar nett, l-għan tad-deroga għandu jkun li tiżgura li ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons tad-domanda.

Sistemi iżolati żgħar

(21) Fl-applikazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Portugiżi jiddikjaraw li l-gżira ta’ Berlenga hija sistema iżolata żgħira skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/944.

(22) Skont l-Artikolu 2, il-punt (42) tad-Direttiva (UE) 2019/944, sistema iżolata żgħira hija kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra.

(23) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Portugiżi, il-gżira ta’ Berlenga għandha konsum annwali tal-elettriku ta’ madwar 30 MWh, li baqa’ relattivament l-istess għal dawn l-aħħar 30 sena.

(24) Ma hemm l-ebda interkonnessjoni bejn il-gżira u s-sistema tal-elettriku kontinentali tal-pajjiż. Is-sistema tal-elettriku fil-gżira hija relattivament bażika, u taqdi biss ftit klijenti b’konsum annwali totali baxx.

(25) Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-gżira ta’ Berlenga hija sistema iżolata żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (42) u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistema

(26) Il-formulazzjoni tal-Artikolu 66(1), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944 hija wiesgħa ħafna, u tirreferi għal problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistema. It-terminu problemi sostanzjali ma huwiex definit legalment u l-Kummissjoni lanqas ma pprovdiet definizzjoni fil-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha. Il-formulazzjoni miftuħa tippermetti lill-Kummissjoni tqis il-problemi potenzjali kollha relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ sistemi żgħar, sakemm dawn ikunu sostanzjali u mhux sempliċement marġinali. Tali problemi jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-partikolaritajiet ġeografiċi, il-produzzjoni u x-xejriet tal-konsum tas-sistema, u skont l-iżviluppi tekniċi bħall-ħżin tal-elettriku u l-ġenerazzjoni fuq skala żgħira.

(27) L-applikazzjoni tenfasizza l-problemi sostanzjali li ġejjin għall-operazzjoni ta’ sistemi iżolati żgħar:

(27)

(a) id-diffikultà, jew saħansitra l-impossibbiltà, li jiġi stabbilit suq kompetittiv għall-elettriku, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-gżira u d-daqs żgħir u l-livell baxx ħafna ta’ konsum tal-elettriku;

(b) id-daqs żgħir u s-sitwazzjoni unika tal-gżira ta’ Berlenga (bħall-interruzzjonijiet staġunali u ta’ kuljum tal-provvista, distanza ta’ 10 km mill-kontinent b’inaċċessibbiltà frekwenti, u r-restrizzjonijiet ambjentali li jipprojbixxu kostruzzjoni ġdida), li jagħmlu investimenti f’assi ta’ ġenerazzjoni u ħżin minn kumpaniji għajr E-REDES jew il-konċessjonarju eventwali l-ġdid improbabbli. Huwa improbabbli li kwalunkwe attività tas-suq fil-ġenerazzjoni jew fil-provvista tkun fattibbli, u wisq inqas profittabbli;

(c) id-daqs tas-suq, li ma huwiex probabbli li jattira applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet jew prezzijiet għal offerti. Il-konsum ivarja ħafna matul is-sena u huwa baxx ħafna u staġunali;

(d) il-kundizzjonijiet stretti applikabbli għall-attività tal-bniedem fil-gżira, li jirriżultaw kemm mil-leġiżlazzjoni ambjentali Portugiża kif ukoll mill-Qafas Statutorju tal-Unesco tan-Network Dinji tar-Riżervi tal-Bijosfera;

(e) id-distanza lejn il-kontinent, li, flimkien mal-problemi elenkati fil-punti (a) sa (d), tagħmilha ekonomikament mhux fattibbli li n-network tal-gżira jiġi konness mal-kontinent permezz ta’ kejbil tal-enerġija taħt l-ilma;

(f) in-nuqqas ta’ abitazzjoni ċivili permanenti f’Berlenga, li jagħmel il-kompetizzjoni mhux fattibbli. Il-provvista tal-elettriku hija ristretta ħafna f’termini ta’ disponibbiltà (limitata għal matul il-jum) u domanda (output massimu limitat tal-ġenerazzjoni). Is-servizzi tal-elettriku ma humiex kontinwi matul il-jum u joperaw biss matul l-eqqel staġun turistiku. Dawn il-karatteristiċi jipprevjenu l-ħolqien ta’ kompetizzjoni fil-livell tal-konsumatur.

(28) Meta jitqiesu r-raġunijiet kollha stabbiliti fil-premessa 27, il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżistu problemi sostanzjali fl-operazzjoni tas-sistema tal-elettriku fil-gżira ta’ Berlenga bħala sistema iżolata żgħira u li l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas regolatorju tista’ toħloq problemi għall-operazzjoni ta’ dik is-sistema.

(29) L-applikazzjoni tiddikjara li, minħabba restrizzjonijiet ġeografiċi u l-iżolament tal-gżira mis-sistema tal-elettriku kontinentali, il-konsum tal-elettriku fil-gżira s’issa kien kopert minn tliet ġeneraturi tad-diżil fuq il-post li joperaw b’mod alternat. It-trasport tad-diżil bil-baħar u l-ħatt tiegħu f’kundizzjonijiet tat-temp diffiċli joħolqu riskji ambjentali minħabba aċċidenti potenzjali. Is-sistema l-ġdida tkun aktar favur l-ambjent, u tillimita l-użu tal-ġeneraturi tad-diżil għall-funzjonijiet ta’ riżerva.

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

(30) Il-Kummissjoni tqis li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proġett Berlenga Sostenibbli, id-deroga mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 13 tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 66(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

L-ebda xkiel għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons tad-domanda

(31) L-Artikolu 66(2), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li deroga ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà jew rispons tad-domanda.

(32) L-iskop tad-deroga applikata mill-Portugall huwa li tkun permessa l-implimentazzjoni ta’ proġett biex jiżdied l-użu ta’ sorsi rinnovabbli u jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet ta’ provvista tal-enerġija aktar ekoloġika fil-gżira. Id-deroga tqis ukoll il-miżuri stretti ta’ protezzjoni ambjentali fuq il-gżira, li jirrestrinġu b’mod sinifikanti kostruzzjoni ġdida fiż-żona. Għalhekk, din ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġiji rinnovabbli.

(33) Id-deroga lanqas ma għandha impatt notevoli fuq l-elettromobbiltà jew fuq ir-rispons tad-domanda.

Limitazzjoni tad-deroga fiż-żmien u l-kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku

(34) L-Artikolu 66(2), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944 jipprevedi espressament li d-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien u għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku.

(35) Fl-applikazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Portugiżi jitolbu deroga għat-tul massimu permess mil-liġi tal-Unjoni. Peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tispeċifikax perjodu ta’ żmien għall-validità tad-derogi, it-tul ta’ żmien ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jqis il-kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi u s-sitwazzjoni tas-suq fil-gżira. L-awtoritajiet Portugiżi speċifikaw ukoll li qed japplikaw għal deroga għal 20 sena mid-data tal-inawgurazzjoni, jiġifieri mid-29 ta’ Lulju 2020 sad-29 ta’ Lulju 2040.

(36) L-applikazzjoni tiddikjara li l-kundizzjonijiet speċifiċi fuq il-gżira jagħmluha improbabbli li jsiru investimenti u li tinħoloq il-kompetizzjoni, minħabba interess baxx mill-parteċipanti fis-suq.

(37) In-natura temporanja tad-deroga jenħtieġ li tirrifletti l-possibbiltà ta’ żviluppi futuri tas-suq fil-gżira. L-awtoritajiet Portugiżi jenħtieġ li jkomplu jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għall-ħolqien tal-kompetizzjoni jew għall-integrazzjoni fis-suq intern tal-elettriku. Id-deroga hija marbuta direttament mal-proċedura tal-offerti għall-kuntratt ta’ konċessjoni l-ġdid imsemmi fil-premessa 9. Għalhekk, filwaqt li l-kompetizzjoni fis-suq ta’ Berlenga ma hijiex possibbli, il-proċess tal-offerti tal-inqas jiżgura kompetizzjoni għas-suq.

(38) Il-Kummissjoni tqis li jixraq li tingħata d-deroga għall-perjodu ta’ 20 sena li l-awtoritajiet Portugiżi applikaw għalih, biex ikun hemm konformità mal-perjodu ta’ konċessjoni msemmi fil-premessa 9. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti d-deroga mid-29 ta’ Lulju 2020 sad-29 ta’ Lulju 2040. Madankollu, il-perjodu ta’ deroga huwa bbażat fuq il-qafas tekniku u regolatorju applikabbli fiż-żmien meta l-applikazzjoni ġiet sottomessa mill-awtoritajiet Portugiżi fil-15 ta’ Novembru 2019 u kkonfermata f’Ġunju 2025, u dan jista’ jevolvi. Għalhekk, id-deroga jenħtieġ li ma tibqax tapplika għas-sistema iżolata żgħira tal-gżira ta’ Berlenga jekk il-gżira ssir interkonnessa mas-sistema kontinentali, jew jekk iseħħu xi żviluppi kbar li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet li taħthom tkun ingħatat id-deroga. L-awtoritajiet Portugiżi jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żvilupp bħal dan.

(39) Id-deroga jenħtieġ li tippermetti lil E-REDES, jew lill-konċessjonarju l-ġdid eventwali wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ konċessjoni l-ġdid, li jipposjedi u jopera assi ta’ ġenerazzjoni biss għall-iskopijiet tal-proġett Berlenga Sostenibbli. L-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) jenħtieġ li [tkun tista’] tosserva u timmonitorja l-kostijiet ta’ din l-attività.

(40) Ir-rekwiżiti tas-separazzjoni tal-kontabbiltà stabbiliti fl-Artikolu 56 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jenħtieġ li japplikaw għall-proġett Berlenga Sostenibbli, u E-REDES, jew il-konċessjonarju l-ġdid, jenħtieġ li jżomm kontijiet separati għas-sjieda u għall-operat tal-assi ta’ ġenerazzjoni. Sabiex jiġu evitati sussidji inkroċjati, l-awtoritajiet Portugiżi jenħtieġ li jiżguraw li l-kostijiet tal-proġett Berlenga Sostenibbli ma jiġux irkuprati permezz ta’ tariffi tan-network ta’ distribuzzjoni iżda permezz ta’ riżorsi separati.

Proċedura ta’ estensjoni

(41) Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk id-deroga tibqax meħtieġa fid-dawl ta’ kwalunkwe kjarifika u bidla futuri possibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq fuq il-gżira ta’ Berlenga, l-awtoritajiet Portugiżi jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni mill-inqas sena qabel it-tmiem tal-perjodu tad-deroga jekk iqisux li tkun meħtieġa estensjoni. Dan jippermetti li ssir analiżi bir-reqqa tal-applikazzjoni għall-estensjoni u jipprovdi informazzjoni bikrija lill-parteċipanti fis-suq dwar il-qafas regolatorju futur applikabbli għall-gżira ta’ Berlenga.

(42) Biex jitqiesu biżżejjed il-bidliet fil-qafas regolatorju u l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, kwalunkwe estensjoni li tingħata jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien.

Effett retroattiv

(43) Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni għad-deroga qabel il-bidu tal-proġett Berlenga Sostenibbli. Sabiex jiġu evitati bidliet rapidi u imprevedibbli fil-qafas regolatorju, li jistgħu jfixklu serjament il-funzjonament tas-suq fil-gżira ta’ Berlenga, u sabiex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dak il-proġett, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun applikabbli mid-29 ta’ Lulju 2020,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Tingħata deroga lir-Repubblika Portugiża mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5, 6, 35 u 36 tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward tas-sistema iżolata żgħira tal-gżira ta’ Berlenga.

Artikolu 2 Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika sad-29 ta’ Lulju 2040. L-awtoritajiet Portugiżi jistgħu japplikaw għand il-Kummissjoni għal estensjoni tal-perjodu tad-deroga, sakemm dawn jinfurmaw lill-Kummissjoni biżżejjed qabel it-tmiem tal-perjodu tad-deroga msemmi fl-ewwel paragrafu jekk iqisux li tkun meħtieġa estensjoni. Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 ma għandhiex tibqa’ tapplika għas-sistema iżolata żgħira tal-gżira ta’ Berlenga jekk il-gżira ssir interkonnessa mas-sistema kontinentali, jew jekk iseħħu xi żviluppi kbar li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet li taħthom tkun ingħatat id-deroga. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żvilupp bħal dan.

Artikolu 3 Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika biss għall-iskopijiet tal-proġett Berlenga Sostenibbli. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

Artikolu 3

(a) il-proġett Berlenga Sostenibbli jiġi implimentat skont kundizzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni tas-suq intern u li ma jxekklux it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà jew ir-rispons tad-domanda;

(b) l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) tkun tista’ tosserva u timmonitorja l-kostijiet tal-proġett Berlenga Sostenibbli;

(c) ir-rekwiżit tas-separazzjoni tal-kontijiet stabbilit fl-Artikolu 56 tad-Direttiva (UE) 2019/944 japplika wkoll għall-proġett Berlenga Sostenibbli, u E-REDES jew konċessjonarju ġdid iżomm kontijiet separati għas-sjieda u għall-operat tal-assi ta’ ġenerazzjoni;

(d) il-kostijiet tal-proġett Berlenga Sostenibbli ma jiġux irkuprati permezz ta’ tariffi tan-network ta’ distribuzzjoni sabiex jiġu evitati sussidji inkroċjati, iżda permezz ta’ riżorsi separati.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-29 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2026. Għall-Kummissjoni Dan Jørgensen Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2026-05-04