Direttiva (UE) 2023/2123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/directive/2023/2123@2023-10-04/mt
Contents
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistipula regoli armonizzati għall-protezzjoni u għall-moviment liberu ta’ data personali pproċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tad-detezzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. F’konformità ma’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jipproċessaw id-data personali b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali. Dik id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tirrevedi atti legali rilevanti oħra adottati mill-Unjoni sabiex tivvaluta l-ħtieġa li tallinjahom ma’ dik id-Direttiva u tagħmel, fejn xieraq, il-proposti meħtieġa biex temenda dawk l-atti biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali li taqa’ fl-ambitu ta’ dik id-Direttiva.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tistipula regoli speċifiċi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tiġi allinjata mad-Direttiva (UE) 2016/680. B’mod partikolari, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tispeċifika, b’mod li jkun konsistenti mad-Direttiva (UE) 2016/680, il-fini tal-ipproċessar tad-data personali u tindika l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet ikkonċernati.
(3) Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li r-referenzi li jinsabu fid-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI għall-istrumenti legali li jirregolaw l-operat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jiġu aġġornati.
(4) L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI, li tinvolvi l-ipproċessar, inkluż l-iskambju u l-użu sussegwenti, ta’ informazzjoni dwar reati terroristiċi, tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali. Fl-interessi tal-konsistenza u tal-protezzjoni effettiva ta’ tali data personali, huwa importanti li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq skont id-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680, u jkun f’konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà, mas-salvagwardji u mal-garanziji tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni li fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż ir-Regolamenti (UE) 2016/794 u (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll id-dritt nazzjonali.
(5) F’konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, kif anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda mhix marbuta bir-regoli stipulati f’din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew tal-Kapitolu 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE fejn l-Irlanda mhix marbuta bir-regoli li jirregolaw il-forom ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jew kooperazzjoni tal-pulizija li jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi tal-Artikolu 16 tat-TFUE.
(6) Skont l-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex marbuta bir-regoli stipulati f’din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew tal-Kapitolu 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE, u lanqas ma hi soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom.
(7) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fil-25 ta’ Jannar 2022,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
(1)
(a) il-punt (b) jitħassar;
(b) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
(b)
(d) grupp jew entità: grupp terroristiku kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2017/541 u l-gruppi u entitajiet elenkati fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK.
(2) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(2)
(a) l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej: Trasmissjoni ta’ informazzjoni lill-Europol u lill-Istati Membri dwar reati terroristiċi;
(b) jiżdied il-paragrafu li ġej: ;
(b)
3a. Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data personali tiġi pproċessata skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali oħra li għalihom hija kompetenti l-Europol, kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/794. Tali pproċessar għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/794.
(c) fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej: Il-kategoriji ta’ data personali li għandhom jiġu trażmessi lill-Europol għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 3a għandhom jibqgħu limitati għal dawk imsemmija fit-Taqsima B, il-punt 2, tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2016/794.;
(d) fil-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej: Il-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati bejn l-Istati Membri għall-finijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jibqgħu limitati għal dawk imsemmija fit-Taqsima B, il-punt 2, tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2016/794.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Novembru 2025. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta’ Ottubru 2023. Għall-Parlament Ewropew Il-President R. Metsola Għall-Kunsill Il-President J. M. Albares Bueno