Direttiva (UE) 2024/2823 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar il-protezzjoni legali tad-disinji (riformulazzjoni) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/directive/2024/2823@2024-10-23/mt
Contents
- Preamble
- KAPITOLU 1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
- Artikolu 1 Kamp ta’ Applikazzjoni
- 1.
- Artikolu 2 Definizzjonijiet
- (4)
- KAPITOLU 2 LIĠI SOSTANTIVA DWAR ID-DISINji
- Artikolu 3 Rekwiżiti tal-protezzjoni
- 3.
- Artikolu 4 Novità
- Artikolu 5 Karattru individwali
- Artikolu 6 Żvelar
- 2.
- Artikolu 7 Disinji dettati mill-funzjoni teknika tagħhom u disinji ta’ interkonnessjonijiet
- Artikolu 8 Disinji kontra l-interess pubbliku jew il-moralità
- Artikolu 9 Ambitu tal-protezzjoni
- Artikolu 10 Bidu u l-perjodu tal-protezzjoni
- Artikolu 11 Dritt tad-disinn reġistrat
- Artikolu 12 Preżunzjoni favur id-detentur reġistrat tad-disinn
- Artikolu 13 Raġunijiet għan-nonreġistrabbiltà
- 1.
- Artikolu 14 Raġunijiet għall-invalidità
- 1.
- 3.
- 6.
- Artikolu 15 Oġġett ta’ protezzjoni
- Artikolu 16 Drittijiet mogħtija mid-dritt tad-disinn
- 2.
- Artikolu 17 Preżunzjoni tal-validità
- Artikolu 18 Limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tad-disinn
- 1.
- Artikolu 19 Klawżola ta’ tiswija
- Artikolu 20 Eżawriment tad-drittijiet
- Artikolu 21 Drittijiet tal-użu preċedenti fir-rigward ta’ dritt ta’ disinn reġistrat
- Artikolu 22 Relazzjoni ma’ forom oħra ta’ protezzjoni
- Artikolu 23 Relazzjoni mad-drittijiet tal-awtur
- Artikolu 24 Simbolu tar-reġistrazzjoni
- KAPITOLU 3 PROĊEDURI
- Artikolu 25 Rekwiżiti tal-applikazzjoni
- 1.
- Artikolu 26 Rappreżentazzjoni tad-disinn
- Artikolu 27 Applikazzjonijiet multipli
- Artikolu 28 Data tal-preżentazzjoni
- Artikolu 29 Ambitu tal-eżami sostantiv
- Artikolu 30 Differiment tal-pubblikazzjoni
- Artikolu 31 Proċedura għal dikjarazzjoni tal-invalidità
- 2.
- 3.
- Artikolu 32 Tiġdid
- Artikolu 33 Komunikazzjoni mal-uffiċċju
- KAPITOLU 4 KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
- Artikolu 34 Kooperazzjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni, l-amministrazzjoni u l-invalidità tad-disinji
- Artikolu 35 Kooperazzjoni f’oqsma oħra
- KAPITOLU 5 DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- Artikolu 36 Traspożizzjoni
- Artikolu 37 Revoka
- Artikolu 38 Dħul fis-seħħ
- Artikolu 39 Destinatarji
- ANNEX
- ANNESS I Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali (imsemmija fl-Artikolu 37)
- ANNESS II Tabella ta’ korrelazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Għandhom isiru għadd ta’ emendi għad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi riformulata.
(2) Id-Direttiva 98/71/KE armonizzat id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi sostantiva tal-Istati Membri dwar id-disinji li fil-mument tal-adozzjoni tagħha kienu meqjusin bħala dawk li jaffettwaw l-aktar direttament il-funzjonament tas-suq intern billi jxekklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni.
(3) Il-protezzjoni tad-disinji fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri teżisti flimkien mal-protezzjoni disponibbli fil-livell tal-Unjoni permezz tad-disinji tal-Unjoni Ewropea (disinji tal-UE) li għandhom karattru unitarju u li huma validi fl-Unjoni kollha kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002. Il-koeżistenza u l-bilanċ tas-sistemi ta’ protezzjoni tad-disinji fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali jikkostitwixxu l-pedament tal-approċċ tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.
(4) F’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Mejju 2015 bit-titolu Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE u l-impenn tagħha li tirrieżamina l-politiki tal-UE regolarment, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni, li involviet valutazzjoni ekonomika u legali komprensiva, appoġġata minn sensiela ta’ studji.
(5) Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2020 dwar il-politika dwar il-proprjetà intellettwali u r-reviżjoni tas-sistema tad-disinji industrijali fl-Unjoni, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u tad-Direttiva 98/71/KE. Ir-reviżjoni ntalbet minħabba l-ħtieġa li jiġu modernizzati s-sistemi tad-disinji industrijali u li l-protezzjoni tad-disinji ssir aktar attraenti għad-disinjaturi u għan-negozji individwali, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). B’mod partikolari, dik ir-reviżjoni ntalbet tindirizza u tikkunsidra emendi li għandhom l-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-relazzjoni tal-komplementarjetà bejn is-sistemi ta’ protezzjoni tad-disinji tal-Unjoni u dawk nazzjonali u reġjonali, u għandha tinvolvi aktar sforzi biex jitnaqqsu d-diverġenzi fis-sistema ta’ protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni.
(6) Abbażi tar-riżultati finali ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ħabbret fil-komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 2020 bit-titolu Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE - Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE li, wara r-riforma b’suċċess tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trademarks, hija ser tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinji, bil-ħsieb li tissimplifika s-sistema u tagħmilha aktar aċċessibbli u effiċjenti, u bil-ħsieb li taġġorna l-qafas regolatorju fid-dawl tal-iżviluppi fir-rigward ta’ teknoloġiji ġodda fis-suq.
(7) Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE, il-Parlament Ewropew laqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li timmodernizza l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinji sabiex tappoġġa aħjar it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali, sostenibbli u ekoloġika, stieden lill-Kummissjoni tkompli tarmonizza l-proċeduri tal-applikazzjoni u tal-invalidazzjoni fl-Istati Membri, u ssuġġerixxa li ssir riflessjoni dwar l-allinjament tad-Direttiva 98/71/KE u r-Regolament (KE) Nru 6/2002 bl-għan li tinħoloq ċertezza legali akbar. F’dik ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew iddikjara wkoll li s-sistema ta’ protezzjoni tad-disinji tal-UE jenħtieġ li tkun allinjata mas-sistema tat-trademarks tal-UE sabiex id-detenturi tad-disinji jkunu jistgħu jipprevjenu oġġetti li jiksru d-disinji milli jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni u stieden lill-Kummissjoni tagħmilha possibbli għas-sidien tal-marki li jwaqqfu l-kontrafatti tad-disinji li jgħaddu mill-Unjoni. Innota wkoll li l-protezzjoni tad-disinji għall-partijiet użati għat-tiswija ta’ prodotti kumplessi kienet biss parzjalment armonizzata u li dan kien qed joħloq frammentazzjoni fis-suq intern u inċertezza legali.
(8) Il-konsultazzjoni u l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni wrew li, minkejja l-armonizzazzjoni preċedenti tal-liġijiet nazzjonali, għad hemm oqsma fejn aktar armonizzazzjoni jista’ jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetittività u t-tkabbir, b’mod partikolari, bħala riżultat taż-żieda fl-aċċessibbiltà li l-SMEs ikollhom għas-sistema tal-protezzjoni tad-disinji.
(9) Sabiex jiġi żgurat suq intern li jiffunzjona tajjeb, u biex jiġu ffaċilitati, fejn xieraq, l-akkwist, l-amministrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-disinn fl-Unjoni għall-benefiċċju tat-tkabbir u l-kompetittività tan-negozji fl-Unjoni, b’mod partikolari l-SMEs, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-interessi tal-konsumaturi, jeħtieġ li l-approssimazzjoni tal-liġijiet miksuba bid-Direttiva 98/71/KE tiġi estiża għal aspetti oħra tal-liġi sostantiva dwar id-disinji li tirregola d-disinji protetti permezz tar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 6/2002.
(10) Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li r-regoli proċedurali jiġu approssimati sabiex jiġu ffaċilitati l-akkwist, l-amministrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-disinn fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu allinjati ċerti regoli proċedurali prinċipali fil-qasam tar-reġistrazzjoni tad-disinji fl-Istati Membri u fis-sistema tad-disinji tal-UE. Fir-rigward tal-proċeduri skont il-liġi nazzjonali, ikun biżżejjed li jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew liberi sabiex jistabbilixxu regoli aktar speċifiċi.
(11) Din id-Direttiva ma teskludix l-applikazzjoni għal disinji ta’ liġi li tipprevedi protezzjoni minbarra dik mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni bħala disinn, bħal liġi tal-Unjoni marbuta mad-drittijiet ta’ disinji mhux reġistrati, jew liġi tal-Unjoni jew nazzjonali marbuta mat-trademarks, il-privattivi u l-mudelli tal-utilità, il-kompetizzjoni inġusta jew ir-responsabbiltà ċivili.
(12) Huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-kumulazzjoni tal-protezzjoni skont liġi speċifika għall-protezzjoni tad-disinji reġistrati u skont il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, fejn id-disinji protetti bid-drittijiet tad-disinn jenħtieġ li jkunu eliġibbli wkoll biex jiġu protetti bħala xogħlijiet bi drittijiet tal-awtur, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur.
(13) Biex jintlaħqu l-objettivi tas-suq intern jeħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ dritt ta’ disinn reġistrat ikunu armonizzati fl-Istati Membri kollha. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu stipulati definizzjonijiet unitarji tal-kunċetti ta’ disinn u ta’ prodott, li jkunu ċari, trasparenti u teknoloġikament aġġornati filwaqt li titqies ukoll il-miġja ta’ disinji ġodda li mhumiex inkorporati fi prodotti fiżiċi. Mingħajr ma l-lista tal-prodotti rilevanti tkun maħsuba li tkun eżawrjenti, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn il-prodotti inkorporati f’oġġett fiżiku, prodotti viżwalizzati fi grafika, jew prodotti li huma evidenti mill-arranġament spazjali ta’ oġġetti maħsuba biex jiffurmaw ambjent intern jew estern. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li l-animazzjoni, bħall-moviment jew it-tranżizzjoni, tal-karatteristiċi ta’ prodott, jistgħu jikkontribwixxu għad-dehra tad-disinji, b’mod partikolari disinji li mhumiex inkorporati f’oġġett fiżiku. Barra minn hekk, hemm bżonn li tingħata definizzjoni unitarja tar-rekwiżiti tan-novità u tal-karattru individwali li magħhom jenħtieġ li jikkonformaw id-drittijiet ta’ disinji reġistrati.
(14) Sabiex ikun faċilitat il-moviment ħieles tal-prodotti, jeħtieġ li jkun żgurat fil-prinċipju li drittijiet ta’ disinji reġistrati jagħtu protezzjoni lid-detenturi tad-dritt li tkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha.
(15) Il-protezzjoni tingħata lid-detenturi tad-dritt, permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn, għal dawk il-karatteristiċi tad-disinn ta’ prodott, kollu jew parti minnu, li jintwerew b’mod viżibbli f’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ tali disinn u jsiru disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ pubblikazzjoni jew konsultazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti relatata mal-applikazzjoni.
(16) Minbarra li jintwerew b’mod viżibbli f’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-karatteristiċi tad-disinn ta’ prodott ma għandhomx għalfejn ikunu viżibbli f’xi ħin jew sitwazzjoni ta’ użu partikolari sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-disinn. Bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, il-protezzjoni jenħtieġ li ma tkunx estiża għal dawk il-partijiet komponenti li ma jkunux viżibbli waqt l-użu normali ta’ prodott kumpless, jew għal dawk il-karatteristiċi ta’ dik il-parti li ma jkunux jidhru meta l-parti tkun immuntata, jew li weħidhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fir-rigward tan-novità jew tal-karattru individwali. Għaldaqstant, dawk il-karatteristiċi tad-disinn ta’ partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawk ir-raġunijiet jenħtieġ li ma jitqisux biex jiġi eżaminat jekk hemmx karatteristiċi oħra tad-disinn li jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jiksbu l-protezzjoni.
(17) Filwaqt li jenħtieġ li indikazzjoni tal-prodotti tkun parti minn applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn, jenħtieġ li din ma taffettwax l-ambitu tal-protezzjoni tad-disinn bħala tali. Flimkien mar-rappreżentazzjoni tad-disinn, l-indikazzjonijiet tal-prodotti jistgħu madankollu jservu biex tiġi ddeterminata n-natura tal-prodott li huwa inkorporat fih id-disinn jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet tal-prodotti jtejbu l-kapaċità tat-tiftix tad-disinji fir-reġistru tad-disinji miżmuma minn uffiċċju tal-proprjetà industrijali u jżidu t-trasparenza u l-aċċessibbiltà ta’ reġistru. Għalhekk, qabel ir-reġistrazzjoni, l-indikazzjonijiet tal-prodotti jeħtieġ li jkunu preċiżi, mingħajr ma jinħoloq piż żejjed fuq l-applikanti għal disinn reġistrat.
(18) Il-valutazzjoni dwar jekk disinn għandux karattru individwali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq jekk l-impressjoni ġenerali mogħtija lil utent informat li qed jara d-disinn tkunx differenti minn dik mogħtija lil dak l-utent minn disinji oħra li jiffurmaw parti mid-disinji kollha eżistenti; dik il-valutazzjoni għandha tqis in-natura tal-prodott li għalih jiġi applikat id-disinn jew li jkun inkorporat fih id-disinn, u partikolarment is-settur industrijali tiegħu u kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn.
(19) L-innovazzjoni teknoloġika jenħtieġ li ma tixxekkilx billi tingħata protezzjoni tad-disinn lil disinji li jikkonsistu esklużivament minn karatteristiċi jew l-arranġament ta’ karatteristiċi ddettati biss minn funzjoni teknika. Din tinftiehem li disinn ma għandux għalfejn ikollu kwalità estetika. Dritt ta’ disinn reġistrat jista’ jiġi ddikjarat invalidu meta l-ebda kunsiderazzjonijiet oħra għajr il-ħtieġa li dak il-prodott jaqdi xi funzjoni teknika, b’mod partikolari dawk relatati mal-karatteristiċi tad-dehra, ma kellha rwol fl-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra.
(20) Bl-istess mod, l-interoperabbiltà tal-prodotti ta’ għamliet differenti jenħtieġ li ma tkunx imxekkla billi l-protezzjoni tiġi estiża għad-disinn tal-aċċessorji mekkaniċi.
(21) Madanakollu, l-aċċessorji mekkaniċi tal-prodotti modulari jistgħu jikkostitwixxu element importanti tal-karatteristiċi innovattivi ta’ prodotti modulari u jirrappreżentaw assi ewlieni tal-kummerċjalizzazzjoni u għalhekk jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-protezzjoni.
(22) Jenħtieġ li ma jkunx hemm dritt ta’ disinn għal disinn li jmur kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità. Din id-Direttiva ma tikkostitwix armonizzazzjoni ta’ kunċetti nazzjonali ta’ ordni pubbliku jew prinċipji aċċettati tal-moralità.
(23) Għal funzjonament bla xkiel tas-suq intern hu fundamentali li jiġi unifikat il-perjodu tal-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet ta’ disinji reġistrati.
(24) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(25) Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ir-raġunijiet sostantivi għan-nonreġistrabbiltà u r-raġunijiet sostantivi għall-invalidar ta’ drittijiet ta’ disinji reġistrati fl-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkunu enumerati b’mod eżawrjenti f’din id-Direttiva.
(26) Sabiex jiġi evitat l-użu mhux xieraq ta’ simboli ta’ interess pubbliku partikolari fi Stat Membru, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883 (il-Konvenzjoni ta’ Pariġi), jenħtieġ li l-Istati Membri madankollu jkunu liberi li jipprovdu raġunijiet speċifiċi għan-nonreġistrabbiltà. Sabiex jiġu evitati reġistrazzjoni ħażina u miżapproprjazzjoni ta’ elementi li huma parti minn wirt kulturali li huma ta’ interess nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi wkoll li jipprevedu raġunijiet speċifiċi għan-nonreġistrabbiltà u l-invalidità. Tali elementi ta’ wirt kulturali, ikkunsidrati skont it-tifsira tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Unesco fis-16 ta’ Novembru 1972 jew, sal-punt li jikkostitwixxu manifestazzjoni tanġibbli ta’ wirt kulturali intanġibbli, skont it-tifsira tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Unesco fit-32 sessjoni tagħha fis-17 ta’ Ottubru 2003, jinkludu, pereżempju, monumenti jew grupp ta’ binjiet, artefatti, artiġjanat jew kostumi.
(27) Fid-dawl tal-użu dejjem akbar tat-teknoloġiji tal-istampar 3D f’oqsma differenti tal-industrija, inkluż bl-għajnuna tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll l-isfidi li jiffaċċjaw id-detenturi tad-drittijiet tad-disinn biex jipprevjenu b’mod effettiv l-ikkupjar illeġittimu tad-disinji protetti tagħhom, huwa xieraq li jiġi previst li l-ħolqien, it-tniżżil, l-ikkupjar u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe mezz jew software li jirrekordja d-disinn għall-fini tar-riproduzzjoni ta’ prodott li jikser id-disinn protett, jikkostitwixxi użu tad-disinn li jenħtieġ li jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt.
(28) Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-disinji u biex l-iffalsifikar jiġi miġġieled b’mod aktar effettiv, u f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’mod partikolari l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT tal-1947) dwar il-libertà ta’ tranżitu u, fir-rigward tal-mediċini ġeneriċi, id-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika adottata mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-14 ta’ Novembru 2001, id-detentur ta’ dritt ta’ disinn reġistrat jenħtieġ li jkun intitolat li jipprevjeni lil partijiet terzi milli jġibu prodotti, fil-kors tal-kummerċ, minn pajjiżi terzi fl-Istat Membru fejn id-disinn huwa rreġistrat mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, meta, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt, id-disinn ikun inkorporat jew applikat b’mod identiku f’tali prodotti, jew id-disinn ma jkunx jista’ jiġi distint fl-aspetti essenzjali tiegħu minn prodotti bħal dawn.
(29) Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun permissibbli għad-detenturi tad-drittijiet ta’ disinji reġistrati li jipprevjenu d-dħul ta’ prodotti ta’ ksur u t-tqegħid ta’ tali prodotti fis-sitwazzjonijiet doganali kollha, inkluż, b’mod partikolari, it-tranżitu, it-trażbord, il-ħżin, iż-żoni ħielsa, il-ħżin temporanju, l-ipproċessar attiv jew id-dħul temporanju, anke meta dawk il-prodotti ma jkunux maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat. Fit-twettiq tal-kontrolli doganali, l-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jeżerċitaw is-setgħat u jużaw il-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, inkluż fuq it-talba tad-detentur tad-dritt. B’mod partikolari, l-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jwettqu l-kontrolli rilevanti abbażi ta’ kriterji ta’ analiżi tar-riskju.
(30) Sabiex il-ħtieġa li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-drittijiet tad-disinn tiġi rikonċiljata mal-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil tal-fluss liberu tal-kummerċ tal-prodotti leġittimi, l-intitolament tad-detentur tad-dritt tad-disinn jenħtieġ li jiskadi meta, matul il-proċedimenti mibdija quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew awtorità kompetenti oħra biex tittieħed deċiżjoni sostantiva dwar jekk sarx ksur b’rabta mad-dritt ta’ disinn reġistrat, id-dikjarant jew id-detentur tal-prodotti jkun jista’ juri li s-sid tad-dritt ta’ disinn reġistrat mhux intitolat li jipprojbixxi l-introduzzjoni tal-prodotti fis-suq tal-pajjiż tad-destinazzjoni finali.
(31) Id-drittijiet esklussivi mogħtija minn dritt ta’ disinn reġistrat jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sett xieraq ta’ limitazzjonijiet. Minbarra l-atti mwettqa privatament u għal finijiet mhux kummerċjali u dawk imwettqa għal finijiet sperimentali, dik il-lista tal-użi permissibbli jenħtieġ li tinkludi l-atti ta’ riproduzzjoni għall-finijiet ta’ kwotazzjonijiet jew ta’ tagħlim, l-użu referenzjali fil-kuntest tar-reklamar komparattiv, u l-użu għall-fini ta’ kumment, kritika jew parodija, dment li dawk l-atti jkunu kompatibbli ma’ prattiki tal-kummerċ ġust u ma jippreġudikawx l-isfruttament normali tad-disinn bla bżonn. L-użu ta’ disinn minn partijiet terzi għall-fini ta’ espressjoni artistika jenħtieġ li jitqies li huwa ġust dment li jkun f’konformità ma’ prattiki onesti f’materji industrijali u kummerċjali. Barra minn hekk, din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi applikata b’mod li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni.
(32) Il-protezzjoni tad-disinji għandha l-għan li tagħti drittijiet esklużivi lid-dehra ta’ prodott, iżda mhux monopolju fuq il-prodott bħala tali. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-disinji li ma hemmx alternattiva prattika għalihom twassal għal monopolju tal-prodott. Tali protezzjoni tqarreb lejn abbuż tas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinji. Jekk partijiet terzi jitħallew jipproduċu u jqassmu l-ispare parts, il-kompetizzjoni tinżamm. Jekk il-protezzjoni tad-disinji tiġi estiża għall-ispare parts, tali partijiet terzi jiksru dawk id-drittijiet, il-kompetizzjoni tiġi eliminata, u d-detentur tad-dritt tad-disinn jingħata de facto monopolju tal-prodott.
(33) Meta l-prodott li jinkorpora d-disinn jew li għalih jiġi applikat id-disinn ikun jikkostitwixxi parti komponenti li tiddependi fuq il-forma ta’ prodott kumpless, id-differenzi fil-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu tad-disinji protetti għall-fini li tkun permessa t-tiswija ta’ prodott kumpless ħalli tiġi restawrata d-dehra oriġinali tiegħu, jaffettwaw direttament l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Tali differenzi jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern, u joħolqu inċertezza legali. Il-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti hija fil-qalba ta’ ekonomija sostenibbli, kif enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(34) Għalhekk, għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, jeħtieġ li l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-disinji jiġu approssimati fir-rigward tal-użu tad-disinji protetti għall-fini li tkun tista’ ssir tiswija ta’ prodott kumpless sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali tiegħu, billi tiddaħħal klawżola ta’ tiswija simili għal dik li hemm fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 u li tkun applikabbli għad-disinji tal-UE fil-livell tal-Unjoni iżda li tapplika b’mod espliċitu biss għall-partijiet komponenti li jiddependu fuq il-forma ta’ prodotti kumplessi. Peress li l-effett maħsub ta’ dik il-klawżola ta’ tiswija huwa li d-drittijiet tad-disinn isiru mhux infurzabbli meta d-disinn tal-parti komponenti ta’ prodott kumpless jintuża għall-fini ta’ tiswija ta’ prodott kumpless sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali tiegħu, il-klawżola ta’ tiswija jenħtieġ li tkun waħda mid-difiżi previsti f’din id-Direttiva għall-ksur tad-dritt tad-disinn. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati u jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata bejn prodotti kompetituri li jistgħu jintużaw għat-tiswija, jenħtieġ li jiġi previst b’mod espliċitu li l-klawżola ta’ tiswija ma tistax tiġi invokata minn manifattur jew minn bejjiegħ ta’ parti komponenti li jkunu naqsu milli jinfurmaw kif xieraq lill-konsumaturi dwar l-oriġini kummerċjali, u l-identità tal-manifattur, tal-prodott li għandu jintuża għall-fini ta’ tiswija tal-prodott kumpless. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni dettaljata tiġi pprovduta permezz ta’ indikazzjoni ċara u viżibbli fuq il-prodott jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott, u jenħtieġ li tinkludi mill-inqas it-trademark li taħtha jiġi kkummerċjalizzat il-prodott, u l-isem tal-manifattur.
(35) Bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-effettività tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts mixtieqa minn din id-Direttiva u f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni tal-klawżola ta’ tiswija mill-protezzjoni tad-disinn, il-manifattur jew il-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu d-dmir ta’ diliġenza biex jiżgura, permezz ta’ mezzi xierqa, b’mod partikolari mezzi kuntrattwali, li l-utenti downstream ma jkollhomx l-intenzjoni li jużaw il-partijiet komponenti inkwistjoni għal skopijiet oħra għajr dak tat-tiswija sabiex jirrestawraw id-dehra oriġinali tal-prodott kumpless. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jirrikjedix li l-manifattur jew il-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless jiggarantixxi, b’mod oġġettiv u fiċ-ċirkostanzi kollha, li l-partijiet li jagħmlu jew ibigħu, fl-aħħar mill-aħħar, effettivament jintużaw mill-utenti finali għall-iskop uniku ta’ tiswija sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali ta’ dak il-prodott kumpless.
(36) Sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri rigward l-użu preċedenti li jikkawżaw differenzi fis-saħħa legali tal-istess disinn fi Stati Membri differenti, huwa xieraq li jiġi żgurat li kwalunkwe persuna terza li tista’ tistabbilixxi li qabel id-data tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni tad-disinn jew, jekk tiġi dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità, dik il-persuna terza kienet bdiet tuża in bona fede fi Stat Membru, jew kienet għamlet preparazzjonijiet serji u effettivi biex tibda tuża disinn inkluż fl-ambitu tal-protezzjoni ta’ dritt ta’ disinn reġistrat, li ma jkunx ġie kkupjat minn dan tal-aħħar, tkun intitolata għal sfruttament limitat ta’ dak id-disinn.
(37) Sabiex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’disinn protett, b’mod partikolari mill-SMEs u minn disinjaturi individwali, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-reġimi eżistenti tar-reġistrazzjoni tad-disinji kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, jenħtieġ li jkun disponibbli avviż aċċettat b’mod komuni li jikkonsisti mis-simbolu Ⓓ għall-użu mid-detenturi tad-drittijiet tad-disinn u minn oħrajn bil-kunsens tagħhom.
(38) Sabiex jittejjeb u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-protezzjoni tad-disinji u biex jiżdiedu ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, il-proċedura għar-reġistrazzjoni tad-disinji fl-Istati Membri jenħtieġ li tkun effiċjenti u trasparenti u jenħtieġ li ssegwi regoli simili għal dawk applikabbli għad-disinji tal-UE.
(39) Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komuni essenzjali dwar ir-rekwiżiti u l-mezzi tekniċi għar-rappreżentazzjoni tad-disinji bi kwalunkwe forma ta’ riproduzzjoni viżiva fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-avvanzi tekniċi fir-rigward tal-viżwalizzazzjoni tad-disinji u l-ħtiġijiet tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward ta’ disinji diġitali ġodda. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu standards armonizzati permezz ta’ konverġenza tal-prattiki.
(40) Għal effiċjenza akbar, huwa xieraq ukoll li l-applikanti għal disinji rreġistrati jitħallew jikkombinaw diversi disinji f’applikazzjoni multipla waħda mingħajr ma jkunu soġġetti għall-kundizzjoni li l-prodotti li fihom huma maħsuba li jiġu inkorporati d-disinji, jew li għalihom huma maħsuba li jiġu applikati d-disinji, iridu jkunu jappartjenu kollha għall-istess klassi tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali għad-Disinji Industrijali (Klassifikazzjoni ta’ Locarno), stabbilita mill-Ftehim ta’ Locarno (1968).
(41) Il-pubblikazzjoni tas-soltu wara r-reġistrazzjoni ta’ disinn tista’ f’xi każijiet teqred jew tipperikola s-suċċess ta’ operazzjoni kummerċjali li tinvolvi d-disinn. F’każijiet bħal dawn, il-faċilità ta’ differiment tal-pubblikazzjoni toffri soluzzjoni. Għal raġunijiet ta’ koerenza u aktar ċertezza legali, u għalhekk biex in-negozji jiġu megħjuna jnaqqsu l-kostijiet tal-ġestjoni tal-portafolli tad-disinji, id-differiment tal-pubblikazzjoni jenħtieġ li jkun soġġett għall-istess regoli fl-Unjoni kollha.
(42) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, u jiġi pprovdut l-istess livell ta’ aċċess għall-protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni kollha billi l-piżijiet tar-reġistrazzjoni u piżijiet proċedurali oħra jinżammu kemm jista’ jkun minimi għall-applikanti, jenħtieġ li l-uffiċċji ċentrali kollha tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jillimitaw, bħalma jagħmel l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-livell tal-Unjoni, l-eżami sostantiv tagħhom fuq inizjattiva tagħhom stess għan-nuqqas ta’ raġunijiet tan-nonreġistrabbiltà enumerati b’mod eżawrjenti f’din id-Direttiva.
(43) Għall-fini li jiġi offrut mezz ieħor biex id-drittijiet tad-disinn jiġu ddikjarati invalidi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprevedu proċedura amministrattiva għal dikjarazzjoni tal-invalidità li tkun allinjata sal-punt xieraq għal dak applikabbli għad-disinji reġistrati tal-UE.
(44) Huwa mixtieq li l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jikkooperaw ma’ xulxin u mal-EUIPO fl-oqsma kollha tar-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tad-disinji sabiex jippromwovu l-konverġenza tal-prattiki u l-għodod, bħall-ħolqien u l-aġġornament tal-bażijiet tad-data u l-portali komuni jew konnessi għall-finijiet ta’ konsultazzjoni u tiftix. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tagħhom u l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jikkooperaw ma’ xulxin u mal-EUIPO fl-oqsma l-oħra kollha tal-attivitajiet tagħhom li huma rilevanti għall-protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni.
(45) Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jitrawwem u jinħoloq suq intern li jiffunzjona tajjeb u li jiġu ffaċilitati r-reġistrazzjoni, l-amministrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-disinn fl-Unjoni għall-benefiċċju tat-tkabbir u l-kompetittività fejn xieraq, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(46) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(47) L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali jenħtieġ li jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 98/71/KE. L-obbligu tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li mhumiex mibdula joħroġ minn dik id-Direttiva ta’ qabel.
(48) Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Direttiva,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU 1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1 Kamp ta’ Applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għal:
1.
(a) id-drittijiet tad-disinji reġistrati fl-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri;
(b) id-drittijiet tad-disinji reġistrati fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali;
(c) id-drittijiet tad-disinji reġistrati skont arranġamenti internazzjonali li jkollhom effett fi Stat Membru;
(d) l-applikazzjonijiet tad-drittijiet tad-disinji msemmija fil-punti (a), (b) u (c).
2. Għall-fini ta’ din id-Direttiva, reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tinkludi wkoll il-pubblikazzjoni wara l-preżentazzjoni tad-disinn fl-uffiċċju tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru li fih dik il-pubblikazzjoni jkollha l-effett li ddaħħal dritt tad-disinn fis-seħħ.
Artikolu 2 Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) uffiċċju tfisser l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istat Membru jew l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Individwali, inkarigat bir-reġistrazzjoni tad-disinji;
(2) reġistru tfisser ir-reġistru tad-disinji miżmum minn uffiċċju;
(3) disinn tfisser id-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari l-linji, il-kontorni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjal, tal-prodott innifsu u/jew tat-tiżjin tiegħu, inkluż il-moviment, it-tranżizzjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta’ animazzjoni ta’ dawk il-karatteristiċi;
(4) prodott tfisser kwalunkwe oġġett industrijali jew ta’ artiġjanat, għajr programm tal-kompjuter, irrispettivament minn jekk ikunx inkorporat f’oġġett fiżiku jew minn jekk jimmaterjalizzax f’forma mhux fiżika, inkluż:
(4)
(a) imballaġġ, settijiet ta’ oġġetti, arranġamenti spazjali ta’ oġġetti maħsuba biex jiffurmaw ambjent intern jew estern, u partijiet maħsuba biex jintramaw fi prodott kumpless;
(b) simboli jew xogħlijiet grafiċi, logos, disinji tas-superfiċje, karattri tipografiċi, u interfaċċi grafiċi għall-utenti;
(5) prodott kumpless tfisser prodott li jkun magħmul minn diversi komponenti li jkunu jistgħu jinbiddlu, li b’hekk il-prodott ikun jista’ jiżżarma u jintrama mill-ġdid.
KAPITOLU 2 LIĠI SOSTANTIVA DWAR ID-DISINji
Artikolu 3 Rekwiżiti tal-protezzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jipproteġu d-disinji biss permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dawk id-disinji u għandhom jagħtu d-drittijiet esklussivi lid-detenturi tagħhom f’konformità ma’ din id-Direttiva.
2. Disinn għandu jkun protett minn dritt tad-disinn jekk ikun ġdid u jkollu karattru individwali.
3. Disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jitqies biss li hu ġdid u li għandu karattru individwali:
3.
(a) jekk il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan tal-aħħar; u
(b) sakemm dawk il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jissodisfaw minnhom infushom ir-rekwiżiti tan-novità u tal-karattru individwali.
4. Użu normali skont it-tifsira tal-paragrafu 3, il-punt (a), tfisser użu mill-utent finali, għajr il-manutenzjoni, is-servisjar jew it-tiswija.
Artikolu 4 Novità
Disinn għandu jitqies ġdid jekk ma jkunx hemm disinn identiku disponibbli għall-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew, jekk tkun ġiet dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità. Id-disinji għandhom jitqiesu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss fid-dettalji irrilevanti.
Artikolu 5 Karattru individwali
1. Disinn jitqies li għandu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jagħti lill-utent infurmat tiegħu tkun differenti minn dik li jagħti lil dak l-utent disinn ieħor li kien disponibbli għall-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew, jekk tkun ġiet dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità.
2. Fil-valutazzjoni tal-karattru individwali, għandu jitqies kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn.
Artikolu 6 Żvelar
1. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5, disinn għandu jitqies disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xi mod ieħor, jew jekk ikun ġie esebit, użat fil-kummerċ jew żvelat mod ieħor, għajr meta dawk is-sitwazzjonijiet ma setgħux ikunu raġonevolment magħrufa fil-kors normali tan-negozju fl-oqsma speċjalizzati tas-settur inkwistjoni, li joperaw fl-Unjoni, qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew, jekk tkun ġiet dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità. Id-disinn, iżda, ma għandux jitqies li jkun sar disponibbli għall-pubbliku sempliċiment għax kien ġie żvelat lil persuna terza b’kundizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.
2. L-iżvelar ma għandux jitqies għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 jekk id-disinn żvelat, li jkun identiku jew li ma jvarjax fl-impressjoni ġenerali tiegħu mid-disinn li għalih tiġi dikjarata protezzjoni skont dritt ta’ disinn reġistrat fi Stat Membru, ikun sar disponibbli għall-pubbliku:
2.
(a) mid-disinjatur, mis-suċċessur fit-titolu tad-disinjatur, jew minn persuna terza bħala riżultat ta’ informazzjoni mogħtija jew azzjoni meħuda mid-disinjatur, jew mis-suċċessur fit-titolu tad-disinjatur; u
(b) matul il-perjodu ta’ 12-il xahar qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew, jekk tkun ġiet dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità.
3. Il-paragrafu 2 japplika wkoll jekk id-disinn ikun sar disponibbli għall-pubbliku minħabba xi abbuż kontra d-disinjatur jew is-suċċessur tad-disinjatur fit-titolu.
Artikolu 7 Disinji dettati mill-funzjoni teknika tagħhom u disinji ta’ interkonnessjonijiet
1. Ma jkunux hemm dritt tad-disinn fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott meta dawn ikunu dettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu.
2. Ma jkunx hemm dritt tad-disinn fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott meta jkollhom bilfors jiġu riprodotti fil-forma u fil-qisien eżatti tagħhom biex il-prodott, li jkun inkorporat fih id-disinn jew li għalih ikun applikat id-disinn, ikun jista’ jitqabbad mekkanikament ma’ jew jitqiegħed fi, madwar jew kontra prodott ieħor biex iż-żewġ prodotti jkunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom.
3. Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun hemm dritt tad-disinn, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, meta d-disinn ikollu l-iskop li jippermetti assemblaġġi jew konnessjonijiet multipli ta’ prodotti interkambjabbli b’mod reċiproku f’sistema modulari.
Artikolu 8 Disinji kontra l-interess pubbliku jew il-moralità
M’għandux ikun hemm dritt ta’ disinn għal disinn li jmur kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità.
Artikolu 9 Ambitu tal-protezzjoni
1. L-ambitu tal-protezzjoni mogħtija minn dritt ta’ disinn għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq min jużah b’mod infurmat.
2. Meta jitqies l-ambitu tal-protezzjoni, għandu jitqies kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn tiegħu.
Artikolu 10 Bidu u l-perjodu tal-protezzjoni
1. Il-protezzjoni ta’ dritt ta’ disinn għandha tinħoloq mar-reġistrazzjoni mill-uffiċċju.
2. Disinn għandu jiġi reġistrat għal perjodu ta’ ħames snin ikkalkulat mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Id-detentur tad-dritt jista’ jġedded ir-reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 32, għal perjodu wieħed jew iktar ta’ ħames snin kull wieħed, sa perjodu totali ta’ protezzjoni ta’ 25 sena mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
Artikolu 11 Dritt tad-disinn reġistrat
1. Id-dritt tad-disinn reġistrat għandu jingħata lid-disinjatur jew lis-suċċessur fit-titolu tad-disinjatur.
2. Jekk id-disinn ikun ġie żviluppat b’mod konġunt minn żewġ persuni jew aktar, id-dritt tad-disinn reġistrat għandu jingħata lilhom b’mod konġunt.
3. Madankollu, id-dritt għad-disinn reġistrat għandu jingħata lill-impjegatur fejn disinn jiġi żviluppat minn impjegat waqt il-qadi tad-dmirijiet tal-impjegat jew fuq l-istruzzjonijiet mogħtija mill-impjegatur tal-impjegat, sakemm ma jkunx ġie maqbul mod ieħor bejn il-partijiet ikkonċernati jew stipulat fil-liġi nazzjonali.
Artikolu 12 Preżunzjoni favur id-detentur reġistrat tad-disinn
Il-persuna li f’isimha jkun ġie rreġistrat id-dritt tad-disinn jew, qabel ir-reġistrazzjoni, il-persuna li f’isimha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, għandha titqies bħala l-persuna intitolata li taġixxi fil-proċediment quddiem l-uffiċċju li fit-territorju tiegħu tiġi dikjarata l-protezzjoni, kif ukoll fi kwalunkwe proċedimenti oħra.
Artikolu 13 Raġunijiet għan-nonreġistrabbiltà
1. Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tiġi rifjutata meta:
1.
(a) id-disinn ma jkunx disinn skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (3);
(b) id-disinn imur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati ta’ moralità, kif previsti fl-Artikolu 8; jew
(c) id-disinn ikun jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ xi wieħed mill-oġġetti elenkati fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, sakemm ma jkunx ingħata l-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tiġi rifjutata fejn id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ badges, emblemi u stemmi għajr dawk koperti mill-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li huma ta’ interess pubbliku partikolari fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm il-kunsens tal-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tiegħu ma jkunx ingħata f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tiġi rrifjutata fejn ikun fih riproduzzjoni totali jew parzjali tal-elementi li huma ta’ wirt kulturali li huma ta’ interess nazzjonali.
Artikolu 14 Raġunijiet għall-invalidità
1. Jekk id-disinn ikun ġie rreġistrat, id-dritt tad-disinn għandu jiġi ddikjarat invalidu fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
1.
(a) id-disinn ma jkunx disinn skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (3);
(b) id-disinn ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 3 sa 8;
(c) id-disinn ikun ġie reġistrat bi ksur tal-Artikolu 13(1), il-punt (c) jew tal-Artikolu 13(2);
(d) bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti, id-detentur tad-dritt tad-disinn ma jkunx intitolat għalih skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat;
(e) id-disinn ikun f“kunflitt ma’ disinn preċedenti li jkun sar disponibbli għall-pubbliku qabel jew wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew, jekk tkun ġiet dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità, u li jkun protett minn data qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, jew jekk tintalab prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn:
(e)
(i) b’disinn reġistrat tal-UE, jew b’applikazzjoni għal disinn reġistrat tal-UE soġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu;
(ii) bi dritt ta’ disinn reġistrat tal-Istat Membru kkonċernat, jew b’applikazzjoni għal dak id-dritt soġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu;
(iii) bi dritt tad-disinn reġistrat skont arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fl-Istat Membru kkonċernat, jew b’applikazzjoni għal dak id-dritt soġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu;
(f) f’disinn ieħor ikun intuża sinjal distintiv, u l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat li tirregola lil dak is-sinjal tagħti d-dritt lid-detentur tad-dritt tas-sinjal li jipprojbixxi dak l-użu;
(g) id-disinn ikun jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett bil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur tal-Istat Membru kkonċernat.
2. Jekk id-disinn ikun ġie rreġistrat, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-dritt tad-disinn għandu jkun dikjarat invalidu fejn id-disinn ikun fih riproduzzjoni totali jew parzjali ta’ elementi ta’ wirt kulturali li huma ta’ interess nazzjonali.
3. Ir-raġunijiet għall-invalidità previsti fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) jistgħu jiġu invokati minn dawn li ġejjin:
3.
(a) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika; jew
(b) kwalunkwe grupp jew korp stabbilit bil-fini li jirrappreżenta l-interessi ta’ manifatturi, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew tal-konsumaturi, jekk dak il-grupp jew il-korp ikollu l-kapaċità li jfittex bil-qorti u li jiġi mħarrek f’ismu stess skont il-liġi li tirregolah.
4. Ir-raġuni għall-invalidità prevista fil-paragrafu 1, il-punt (c), tista’ tkun invokata biss mill-persuna jew l-entità kkonċernata mill-użu mhux xieraq.
5. Ir-raġuni għall-invalidità prevista fil-paragrafu 1, il-punt (d), tista’ tkun invokata biss mill-persuna li tkun intitolata għad-dritt tad-disinn skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.
6. Ir-raġunijiet għall-invalidità previsti fil-paragrafu 1, il-punti (e), (f) u (g) jistgħu jkunu invokati biss minn dawn li ġejjin:
6.
(a) l-applikant għad-dritt ta’ qabel jew id-detentur tiegħu;
(b) il-persuni li, skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, huma intitolati jeżerċitaw id-dritt; jew
(c) liċenzjatarju awtorizzata mill-proprjetarju tad-dritt ta’ qabel.
7. Dritt ta’ disinn reġistrat ma għandux jiġi ddikjarat invalidu meta l-applikant għal dritt jew detentur ta’ dritt imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (e), (f) u (g), ikun ta l-kunsens espliċitu għar-reġistrazzjoni tad-disinn qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew tal-kontrotalba.
8. Dritt tad-disinn jista’ jiġi ddikjarat invalidu wkoll wara l-iskadenza jew ir-rinunzja tiegħu.
Artikolu 15 Oġġett ta’ protezzjoni
Għandha tingħata protezzjoni lil dawk il-karatteristiċi tad-dehra ta’ disinn reġistrat li jintwerew b’mod viżibbli fl-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni.
Artikolu 16 Drittijiet mogħtija mid-dritt tad-disinn
1. Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tagħti d-dritt esklussiv lid-detentur tiegħu li jużah u li ma jħalli lill-ebda parti terza tużah mingħajr il-kunsens tad-detentur.
2. Dawn li ġejjin, partikolarment, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 1:
2.
(a) il-manifattura, l-offerta, l-introduzzjoni fis-suq jew l-użu ta’ prodott li jkun inkorporat fih id-disinn jew li għalih ikun applikat id-disinn;
(b) l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodott imsemmi fil-punt (a);
(c) il-ħżin ta’ prodott imsemmi fil-punt (a) għar-raġunijiet imsemmija fil-punti (a) u (b);
(d) il-ħolqien, it-tniżżil, l-ikkupjar u l-kondiviżjoni jew id-distribuzzjoni lil persuni oħrajn ta’ kwalunkwe mezz jew software li jirrekordja d-disinn bl-għan li jippermetti l-manifattura ta’ prodott imsemmi fil-punt (a).
3. Id-detentur ta’ dritt ta’ disinn reġistrat għandu jkun intitolat li jipprevjeni lill-partijiet terzi kollha milli jġibu prodotti, waqt il-kummerċ, minn pajjiżi terzi lejn l-Istat Membru meta d-disinn ikun irreġistrat, li ma jiġux rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera f’dak l-Istat Membru, meta d-disinn ikun inkorporat b’mod identiku f’dawk il-prodotti jew ikun applikat b’mod identiku għalihom, jew meta d-disinn ma jkunx jista’ jingħaraf minn dawk il-prodotti fl-aspetti essenzjali tiegħu, u ma tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt. Id-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiskadi, jekk, matul il-proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk ikunx seħħ ksur tad-dritt ta’ disinn reġistrat, mibdija f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 608/2013, tiġi pprovduta evidenza mid-dikjarant jew mid-detentur tal-prodotti li d-detentur tad-dritt ta’ disinn reġistrat mhux intitolat li jipprojbixxi l-introduzzjoni tal-prodotti fis-suq tal-pajjiż tad-destinazzjoni finali.
Artikolu 17 Preżunzjoni tal-validità
1. Fil-proċedimenti ta’ ksur għandu jiġi preżunt, favur id-detentur tad-dritt ta’ disinn reġistrat, li r-rekwiżiti għall-validità legali ta’ dritt ta’ disinn reġistrat previsti fl-Artikoli 3 sa 8 huma ssodisfati, u li d-dritt tad-disinn ma jkunx ġie rreġistrat fi ksur tal-Artikolu 13(1), il-punt (c).
2. Il-preżunzjoni tal-validità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun konfutabbli bi kwalunkwe mezz proċedurali disponibbli fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż il-kontrotalbiet.
Artikolu 18 Limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tad-disinn
1. Id-drittijiet mogħtija minn dritt tad-disinn mar-reġistrazzjoni ma għandhomx ikunu eżerċitati għal:
1.
(a) atti mwettqa privatament u għall-finijiet mhux kummerċjali;
(b) atti mwettqa għall-finijiet sperimentali;
(c) atti ta’ riproduzzjoni għall-finijiet ta’ kwotazzjoni jew ta’ tagħlim;
(d) atti mwettqa biex jiġi identifikat prodott, jew biex issir referenza għal prodott bħala dak tad-detentur tad-dritt tad-disinn;
(e) atti mwettqa għall-finijiet ta’ kumment, kritika jew parodija;
(f) it-tagħmir tal-vapuri u l-ajruplani reġistrati f’pajjiż ieħor meta dawn jidħlu temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat;
(g) l-importazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat ta’ spare parts u aċċessorji għall-fini ta’ tiswija ta’ vapuri u ta’ inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (f);
(h) l-eżekuzzjoni ta’ tiswijiet fuq vapuri u inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (f).
2. Il-paragrafu 1, il-punti (c), (d) u (e), għandhom japplikaw biss meta l-atti jkunu kompatibbli ma’ prattiki tal-kummerċ ġust u ma jippreġudikawx l-isfruttament normali tad-disinn bla bżonn u, fil-każ imsemmi fil-punt (c), meta jissemma s-sors tal-prodott li jkun inkorporat fih id-disinn jew li għalih ikun applikat id-disinn.
Artikolu 19 Klawżola ta’ tiswija
1. Ma għandhiex tingħata protezzjoni lil disinn reġistrat li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn tal-parti komponenti, u li jintuża skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) għall-fini uniku ta’ tiswija ta’ dak il-prodott kumpless sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali tiegħu.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jiġi invokat mill-manifattur jew mill-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless li jkun naqas milli jinforma kif xieraq lill-konsumaturi, permezz ta’ indikazzjoni ċara u viżibbli fuq il-prodott jew f’forma xierqa oħra, dwar l-oriġini kummerċjali, u l-identità tal-manifattur, tal-prodott li għandu jintuża għall-fini ta’ tiswija tal-prodott kumpless, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata bejn prodotti kompetituri li jistgħu jintużaw għat-tiswija.
3. Il-manifattur jew il-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless ma għandux ikun meħtieġ jiggarantixxi li l-partijiet komponenti li jagħmlu jew ibigħu jintużaw fl-aħħar mill-aħħar mill-utenti finali għall-iskop uniku ta’ tiswija sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali tal-prodott kumpless.
4. Jekk fit-8 ta’ Diċembru 2024, il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi protezzjoni għad-disinji skont it-tifsira tal-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu, b’deroga mill-paragrafu 1, ikompli jipprovdi sad-9 ta’ Diċembru 2032 dik il-protezzjoni għad-disinji li għalihom tkun ġiet applikata r-reġistrazzjoni qabel it-8 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 20 Eżawriment tad-drittijiet
Id-drittijiet mogħtija minn dritt tad-disinn mar-reġistrazzjoni ma għandhomx japplikaw għal atti relatati ma’ prodott li jkun inkorporat fih disinn jew li għalih ikun applikat disinn, li jkun inkluż fl-ambitu tal-protezzjoni tad-dritt tad-disinn, meta l-prodott kien ġie introdott fis-suq tal-Unjoni mid-detentur tad-dritt tad-disinn jew bil-kunsens tad-detentur.
Artikolu 21 Drittijiet tal-użu preċedenti fir-rigward ta’ dritt ta’ disinn reġistrat
1. Dritt tal-użu preċedenti għandu jeżisti għal kwalunkwe parti terza li tista’ tistabbilixxi li qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew, jekk tiġi dikjarata prijorità, qabel id-data tal-prijorità, il-parti terza kienet bdiet tuża in bona fede fl-Istat Membru kkonċernat, jew kienet għamlet tħejjijiet serji u effettivi biex tibda tuża disinn inkluż fl-ambitu tal-protezzjoni ta’ dritt ta’ disinn reġistrat, li ma jkunx ġie kkupjat minn din tal-aħħar.
2. Id-dritt tal-użu preċedenti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintitola lill-parti terza tisfrutta d-disinn għall-finijiet maħsuba tal-użu tiegħu, jew li għalihom ikunu saru tħejjijiet serji u effettivi, qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew id-data tal-prijorità tad-dritt ta’ disinn reġistrat.
Artikolu 22 Relazzjoni ma’ forom oħra ta’ protezzjoni
Din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni marbuta mad-drittijiet ta’ disinn mhux reġistrat, jew ma’ kull dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat marbuta ma’ trademarks jew sinjali distintivi oħra, privattivi u mudelli tal-utilità, karattri tipografiċi, responsabbiltà ċivili u kompetizzjoni inġusta.
Artikolu 23 Relazzjoni mad-drittijiet tal-awtur
Disinn protett minn dritt tad-disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru f’konformità ma’ din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur mid-data meta d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit fi kwalunkwe forma, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur.
Artikolu 24 Simbolu tar-reġistrazzjoni
Id-detentur ta’ dritt ta’ disinn reġistrat jista’ jinforma lill-pubbliku li d-disinn huwa rreġistrat billi juri l-ittra D magħluqa f’ċirku (Ⓓ) fuq il-prodott li jkun inkorporat fih id-disinn jew li jkun japplika għalih id-disinn. Dan l-avviż tad-disinn jista’ jkun akkumpanjat min-numru tar-reġistrazzjoni tad-disinn jew jista’ jkollu iperlink għall-entrata tad-disinn fir-reġistru.
KAPITOLU 3 PROĊEDURI
Artikolu 25 Rekwiżiti tal-applikazzjoni
1. Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn għandu jkun fiha mill-inqas dawn kollha li ġejjin:
1.
(a) talba għar-reġistrazzjoni;
(b) informazzjoni li tidentifika l-applikant;
(c) rappreżentazzjoni ċara biżżejjed tad-disinn li tippermetti li jiġi determinat is-suġġett li għalih qed tintalab il-protezzjoni;
(d) indikazzjoni tal-prodotti li fihom ikun maħsub li jiġi inkorporat id-disinn jew li għalihom ikun maħsub li jiġi applikat id-disinn.
2. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ tariffa stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat.
3. L-indikazzjoni tal-prodotti kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), ma għandhiex taffettwa l-ambitu tal-protezzjoni tad-disinn. Dan għandu japplika wkoll għad-deskrizzjoni, u għal kull dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà verbali, li tispjega r-rappreżentazzjoni tad-disinn jekk tali deskrizzjoni tkun prevista minn Stat Membru.
Artikolu 26 Rappreżentazzjoni tad-disinn
1. Id-disinn għandu jiġi rappreżentat f’kull forma ta’ riproduzzjoni viżiva, jew iswed u abjad inkella bil-kulur. Ir-riproduzzjoni tista’ tkun statika, dinamika jew animata u għandha ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, bl-użu ta’ teknoloġija ġeneralment disponibbli, inkluż tpinġijiet, ritratti, vidjos, immaġni bil-kompjuter jew immudellar bil-kompjuter.
2. Ir-riproduzzjoni għandha turi l-aspetti kollha tad-disinn li għalih qed tintalab il-protezzjoni f’viżwalizzazzjoni waħda jew aktar. Barra minn hekk, jistgħu jiġu pprovduti tipi oħra ta’ viżwalizzazzjonijiet li jagħtu aktar dettalji dwar il-karatteristiċi speċifiċi tad-disinn, u b’mod partikolari.
3. Meta r-rappreżentazzjoni jkun fiha riproduzzjonijiet differenti tad-disinn jew tkun tinkludi aktar minn viżwalizzazzjoni waħda, dawn għandhom ikunu konsistenti ma’ xulxin u s-suġġett tar-reġistrazzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-karatteristiċi viżivi kollha ta’ dawk il-viżwalizzazzjonijiet jew ir-riproduzzjonijiet ikkombinati.
4. Id-disinn għandu jiġi rrappreżentat waħdu, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element ieħor.
5. Kwistjoni li għaliha ma tintalab l-ebda protezzjoni għandha tiġi indikata permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà viżivi. Kull dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà viżiva ta’ dan it-tip għandha tintuża b’mod konsistenti.
6. L-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea biex jistabbilixxu standards komuni li għandhom jiġu applikati għar-rekwiżiti u l-mezzi tar-rappreżentazzjoni tad-disinji, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi u l-għadd ta’ viżwalizzazzjonijiet li għandhom jintużaw, it-tipi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà viżivi aċċettabbli, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi li għandhom jintużaw għar-riproduzzjoni, il-ħżin u l-preżentazzjoni tad-disinji, bħall-formati u d-daqs tal-fajls elettroniċi rilevanti.
Artikolu 27 Applikazzjonijiet multipli
Diversi disinji jistgħu jiġu kkombinati f’applikazzjoni multipli waħda għal disinji reġistrati. Dik il-possibbiltà ma għandhiex tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-prodotti li fihom ikun maħsub li jiġu inkorporati d-disinji, jew li għalihom ikun maħsub li jiġu applikati d-disinji, ikunu jappartjenu kollha għall-istess klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Locarno.
Artikolu 28 Data tal-preżentazzjoni
1. Id-data tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal disinn għandha tkun id-data meta d-dokumenti bl-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 25(1), il-punti (a), (b) u (c), jiġu ppreżentati fl-uffiċċju mill-applikant.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-data tal-preżentazzjoni tista’ tingħata meta wieħed jew aktar mill-elementi meħtieġa mill-Artikolu 26 ikunu neqsin, dejjem jekk ir-rappreżentazzjoni tad-disinn inġenerali tkun ċara biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 25(1), il-punt (c).
3. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-iffissar tad-data tal-preżentazzjoni għandu jkun soġġett għall-ħlas ta’ tariffa kif imsemmi fl-Artikolu 25(2).
Artikolu 29 Ambitu tal-eżami sostantiv
L-uffiċċji għandhom jillimitaw l-eżami tagħhom dwar jekk id-disinn li hemm applikazzjoni għalih huwiex eliġibbli għal reġistrazzjoni, għan-nuqqas ta’ raġunijiet sostantivi għan-nonreġistrabbiltà msemmija fl-Artikolu 13.
Artikolu 30 Differiment tal-pubblikazzjoni
1. Meta jippreżenta l-applikazzjoni, l-applikant għal disinn reġistrat jista’ jitlob li l-pubblikazzjoni tad-disinn reġistrat tiġi differita għal perjodu ta’ mhux aktar minn 30 xahar mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew, jekk tiġi dikjarata prijorità, mid-data tal-prijorità.
2. Ladarba d-disinn ikun ġie rreġistrat, la r-rappreżentazzjoni tad-disinn u lanqas il-fajl relatat mal-applikazzjoni ma għandhom ikunu miftuħa għall-ispezzjoni tal-pubbliku, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi.
3. Għandha tiġi ppubblikata referenza għad-differiment tal-pubblikazzjoni tad-disinn reġistrat.
4. Meta jiskadi l-perjodu ta’ differiment, jew fi kwalunkwe data aktar kmieni mitluba mid-detentur tad-dritt, l-uffiċċju għandu jiftaħ l-entrati kollha fir-reġistru tiegħu u fil-fajl relatat mal-applikazzjoni għall-ispezzjoni pubblika, u għandu jippubblika d-disinn reġistrat.
5. Id-detentur tad-dritt jista’ jwaqqaf il-pubblikazzjoni tad-disinn reġistrat kif imsemmi fil-paragrafu 4, billi jressaq talba biex jiġi rinunzjat id-disinn reġistrat.
6. L-Istati Membri, b’deroga mill-paragrafi 4 u 5, jistgħu jipprevedu li l-uffiċċju għandu jippubblika d-disinn reġistrat biss fuq talba tad-detentur tad-dritt. Fejn Stat Membru jipprevedi l-ħlas ta’ tariffa tal-pubblikazzjoni, l-irċevuta tal-ħlas ta’ dik it-tariffa tista’ titqies li tikkostitwixxi tali talba.
Artikolu 31 Proċedura għal dikjarazzjoni tal-invalidità
1. Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jappellaw quddiem il-qrati, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċedura amministrattiva effiċjenti u mħaffa quddiem l-uffiċċji tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ dritt ta’ disinn reġistrat.
2. Il-proċedura amministrattiva għall-invalidità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprevedi li d-dritt tad-disinn għandu jiġi ddikjarat invalidu mill-inqas għar-raġunijiet li ġejjin:
2.
(a) id-disinn ma kellux jiġi rreġistrat għax ma jikkonformax mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2, il-punt (3), jew mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 3 sa 8;
(b) id-disinn ma kellux jiġi rreġistrat għax hu fi ksur tal-Artikolu 13(1), il-punt (c);
(c) id-disinn ma kellux jiġi rreġistrat minħabba l-eżistenza ta’ disinn preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 14(1), il-punt (e).
3. Il-proċedura amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprevedi li l-persuni li ġejjin għandhom ikunu intitolati jippreżentaw applikazzjoni għal dikjarazzjoni tal-invalidità:
3.
(a) fil-każ tal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, il-persuni, il-gruppi jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 14(3);
(b) fil-każ tal-paragrafu 2, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, il-persuni, jew l-entità msemmija fl-Artikolu 14(4);
(c) fil-każ tal-paragrafu 2, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, mill-inqas il-persuni msemmija fl-Artikolu 14(6), il-punti (a) u (b).
Artikolu 32 Tiġdid
1. Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tiġġedded meta jintalab mid-detentur tad-dritt ta’ disinn reġistrat jew minn kwalunkwe persuna awtorizzata li titlob għat-tiġdid skont il-liġi jew skont kuntratt, dment li t-tariffi tat-tiġdid ikunu tħallsu. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-irċevuta tal-ħlas tat-tariffi tat-tiġdid għandha titqies li tikkostitwixxi talba ta’ dan it-tip.
2. L-uffiċċju għandu jinforma lid-detentur tad-dritt ta’ disinn reġistrat bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni mill-inqas sitt xhur qabel id-data ta’ tali skadenza. L-uffiċċju ma għandux jinżamm responsabbli jekk jonqos milli jagħti din l-informazzjoni, u dan in-nuqqas ma għandux jaffettwa l-iskadenza tar-reġistrazzjoni.
3. It-talba għat-tiġdid għandha tiġi ppreżentata u t-tariffi tat-tiġdid għandhom jitħallsu f’perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, it-talba tista’ tiġi ppreżentata f’perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur eżatt wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni jew tat-tiġdid sussegwenti tagħha. F’dak il-perjodu ulterjuri għandhom jitħallsu t-tariffi tat-tiġdid u tariffa addizzjonali.
4. Fil-każ ta’ reġistrazzjoni multipla, meta t-tariffi ta’ tiġdid imħallsa ma jkunux biżżejjed biex ikopru d-disinji kollha li għalihom jintalab it-tiġdid, ir-reġistrazzjoni għandha tiġġedded fir-rigward ta’ dawk id-disinji li għalihom l-ammont imħallas huwa b’mod ċar maħsub li jkopri.
5. It-tiġdid għandu jkollu effett mill-għada tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni eżistenti. It-tiġdid għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru.
Artikolu 33 Komunikazzjoni mal-uffiċċju
Il-partijiet fil-proċedimenti jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jindikaw indirizz uffiċjali għall-komunikazzjoni uffiċjali kollha mal-uffiċċju. L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jitolbu li tali indirizz uffiċjali jkun jinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
KAPITOLU 4 KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 34 Kooperazzjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni, l-amministrazzjoni u l-invalidità tad-disinji
L-uffiċċji għandhom ikunu liberi li jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin u mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea sabiex jippromwovu l-konverġenza tal-prattiki u l-għodod fir-rigward tal-eżami, ir-reġistrazzjoni u l-invalidazzjoni tad-disinji.
Artikolu 35 Kooperazzjoni f’oqsma oħra
L-uffiċċji għandhom ikunu liberi li jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin u mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 34 li għandhom rilevanza għall-protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni.
KAPITOLU 5 DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 36 Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikoli 2 u 3, l-Artikolu 6, l-Artikoli 10 sa 19, l-Artikolu 21, l-Artikoli 23 sa 30 u l-Artikoli 32 u 33 sad-9 ta’ Diċembru 2027. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawk għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, fir-regolamenti u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti tad-Direttiva revokata b’din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif iridu jsiru dik ir-referenza u dik id-dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 37 Revoka
Id-Direttiva 98/71/KE hija revokata b’effett mid-9 ta’ Diċembru 2027, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness I. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II.
Artikolu 38 Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-Artikoli 4, 5, 7, 8, 9, 20 u 22 għandhom japplikaw mid-9 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 39 Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024. Għall-Parlament Ewropew Il-President R. Metsola Għall-Kunsill Il-President Zsigmond B. P.
ANNEX
ANNESS I Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali (imsemmija fl-Artikolu 37)
Direttiva Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni 98/71/KE fit-28 ta’ Ottubru 2001
ANNESS II Tabella ta’ korrelazzjoni
Id-Direttiva 98/71/KE Din id-Direttiva Artikolu 1, il-kliem introduttorju Artikolu 2, il-kliem introduttorju — Artikolu 2, il-punti (1) u (2) Artikolu 1, il-punt (a) Artikolu 2, il-punt (3) Artikolu 1, il-punt (b) Artikolu 2, il-punt (4) Artikolu 1, il-punt (c) Artikolu 2, il-punt (5) Artikolu 2 Artikolu 1 Artikoli 3 sa 10 Artikoli 3 sa 10 — Artikoli 11 u 12 Artikolu 11 Artikoli 13 u 14 — Artikolu 15 Artikolu 12(1) Artikolu 16(1) u (2), il-punti (a), (b) u (c) — Artikolu 16(2), il-punt (d) — Artikolu 16(3) Artikolu 12(2) — — Artikolu 17 Artikolu 13(1), il-punti (a), (b) u (c) Artikolu 18(1), il-punti (a), (b) u (c) — Artikolu 18(1), il-punti (d) u (e) Artikolu 13(2), il-punti (a), (b) u (c) Artikolu 18(1), il-punti (f), (g) u (h) — Artikolu 18(2) Artikolu 14 — — Artikolu 19 Artikolu 15 Artikolu 20 — Artikolu 21 Artikolu 16 Artikolu 22 Artikolu 17 Artikolu 23 — Artikoli 24 sa 35 Artikolu 18 — Artikolu 19 Artikolu 36 — Artikolu 37 Artikolu 20 Artikolu 38 Artikolu 21 Artikolu 39 — Anness I — Anness II