Gelex

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Belġju C/2024/6808

Version 2024-10-21
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Not the law itself: Notice

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/notice/C/2024/6808/oj@2024-10-21/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-Faċilità), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament REPowerEU), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Belġju żied kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3) Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f’termini ta’ disa’ fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4) Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta’ Novembru 2023, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat, jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Belġju. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro) fit-12 ta’ April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5) Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ erba’ jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ‘l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta’ appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta’ progress annwali tagħhom. F’konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. F’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6) Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7) Fit-30 ta’ April 2021, il-Belġju ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju, li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Belġju jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8) Fit-30 ta’ April 2024, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Belġju dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(9) Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Belġju. Dan ivvaluta l-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Belġju fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10) Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Belġju żdied minn defiċit ta’ 3,6 % tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta’ 4,4 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 104,3 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 105,2 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2023 intitolata Gwida tal-politika fiskali għall-2024, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Belġju, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tiegħu eċċeda l-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f’Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għall-Belġju, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-Belġju.

(11) Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Belġju jiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi jillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju, filwaqt li jqis l-appoġġ temporanju u mmirat ulterjuri għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Belġju ġie rrakkomandat ukoll li jkun lest biex jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Belġju ngħata wkoll rakkomandazzjoni li għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi juża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kienet espansjonarja, b’0,7 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi it-tnaqqis ta’ 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali li taqbeż it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ma kienx dovut għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) kien immotivat minn żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku li rriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ indiċjar awtomatiku, tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi fl-2023, u żieda fil-kostijiet baġitarji relatati mat-tixjiħ demografiku. Kumplessivament, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 0,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,8 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Belġju ffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni. Huwa ffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-investiment fl-infrastrutturi ferrovjarji u taċ-ċikliżmu, ir-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku, u l-infrastruttura tal-idroġenu. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(12) Fil-Programm ta’ Stabbiltà 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,4 % fl-2024 u 1,3 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur (CPI) ta’ 2,8 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 4,6 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 3,6 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 106,2 % sa tmiem l-2024 u 106,8 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2026 u 2,3 % fl-2027. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat fl-2026. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 106,6 % fl-2026, u 106 % fl-2027.

(13) It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’1,3 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni imkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta’ 4 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025.

(14) It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jibqa’ fil-livell ta’ 105 % fl-2024. L-istabbilizzazzjoni tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 tirrifletti prinċipalment eċċess temporanju tal-buffer ta’ flus akkumulat sa tmiem l-2023 bħala riżultat ta’ emissjoni ta’ bonds tal-Istat. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b’0,1 % tal-PDG fl-2024.

(15) In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Belġju.

(16) Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-Belġju jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 2 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Belġju hija pprojettata li tiżdied b’4 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 1 % tal-PDG fl-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f’konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(17) Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Belġju jieħu azzjoni biex inaqqas b’mod gradwali l-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u juża l-iffrankar relatat biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, il-Belġju jiżgura li tali miżuri ta’ appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun 0,4 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun 0 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan ma jkunx f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(18) Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Belġju jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 2,8 % tal-PDG fl-2023 għal 2,9 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija tibqa’ stabbli fil-livell ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2024.

(19) Abbażi tal-miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta’ suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 106,6 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fid-defiċit u fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment in-nefqa kurrenti li qed tiżdied strutturalment, immotivata b’mod partikolari minn kostijiet relatati mat-tixjiħ demografiku, u minn pagamenti tal-imgħax ogħla fuq id-dejn pubbliku.

(20) Ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul huma għoljin fil-Belġju. Lil hinn mill-pożizzjoni baġitarja inizjali sfavorevoli, il-fattur ewlieni għall-valutazzjoni ta’ riskji għoljin huwa l-impatt taż-żieda pprojettata fin-nefqa relatata mal-età fuq il-finanzi pubbliċi minħabba l-popolazzjoni tal-pajjiż li qed tixjieħ b’mod rapidu. Fir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ tal-2024, in-nefqa relatata mat-tixjiħ hija pprojettata li tiżdied b’mod kostanti minn 26,8 punti perċentwali tal-PDG fl-2022 għal 31,9 punti perċentwali tal-PDG fl-2070. Iż-żieda ta’ 5,1 punti perċentwali tal-PDG sal-2070 hija dovuta l-aktar għan-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-kura fit-tul. In-nefqa fuq il-pensjonijiet hija pprojettata li tiżdied bi 3,5 punti perċentwali tal-PDG matul l-2022-2070, meta mqabbla ma’ medja ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG bħala medja fl-Unjoni. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju jinkludi riforma tal-pensjonijiet li għandha l-għan li tgħin biex tiġi indirizzata dik l-isfida, flimkien ma’ objettivi oħra bħat-titjib tas-sostenibbiltà soċjali tas-sistema, l-inċentivar tan-nies biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol wara li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-irtirar bikri u l-iżgurar ta’ konverġenza akbar bejn is-sistemi tal-pensjonijiet u fihom. Fir-rigward tal-kura fit-tul, l-infiq pubbliku ammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2022 (medja tal-Unjoni ta’ 1,7 %), li għamel lill-Belġju wieħed mill-Istati Membri bl-ogħla nfiq fuq il-kura fit-tul fl-Unjoni. Sal-2070, in-nefqa fuq il-kura fit-tul hija pprojettata li tiżdied b’1,7 punti perċentwali tal-PDG, meta mqabbla ma’ żieda medja ta’ 0,8 punti perċentwali fl-Unjoni. Fl-2022, l-infiq fuq il-kura istituzzjonali ta’ 1,4 punti perċentwali tal-PDG fil-Belġju kien sostanzjalment ogħla mill-medja fl-Unjoni (0,8 punti perċentwali tal-PDG). Id-data disponibbli tindika li l-għadd ta’ persuni anzjani li jitqiegħdu bla bżonn jew tal-anqas b’mod prematur f’faċilità ta’ kura residenzjali għadu għoli, għalkemm kien qed jonqos tul l-aħħar deċennju. B’mod partikolari, id-data indikat li s-sehem ta’ individwi li huma indipendenti jew ftit dipendenti fuq il-kura u li jgħixu f’faċilitajiet ta’ kura residenzjali kien għoli fi Brussell u f’Wallonia. L-entitajiet federati bdew riformi biex jagħmlu l-użu tal-ambjenti differenti tal-kura aktar kosteffiċjenti, b’mod partikolari biex jevitaw u jdewmu l-istituzzjonalizzazzjoni mhux meħtieġa jew prematura. Madankollu, il-livell ta’ progress li sar fl-indirizzar tal-isfida tas-sostenibbiltà fiskali jeħtieġ li jittejjeb.

(21) Il-Belġju jappartjeni għall-Istati Membri li għandhom l-ogħla livelli ta’ taxxa u nfiq fl-Unjoni. L-infiq totali jinkludi livell għoli ta’ nefqa tat-taxxa u sussidji tal-pagi. Barra minn hekk, it-tfassil tas-sistema tat-taxxa u l-benefiċċji soċjali tiegħu joħloq diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol u jikkontribwixxi għar-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol fil-Belġju (76,1 % imqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 80,0 % fl-2023 (grupp ta’ età ta’ 20-64 sena)). It-taxxi fuq ix-xogħol (it-taxxi fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali) huma l-ogħla fl-Unjoni għall-ħaddiema b’paga baxxa u b’paga medja, filwaqt li d-dħul mit-taxxi fuq il-konsum, inkluż it-taxxi fuq l-enerġija, huwa taħt il-medja tal-Unjoni. Għall-ħaddiema li huma t-tieni sors ta’ dħul, karatteristiċi speċifiċi tat-taxxa bħall-kwozjent konjugali joħolqu diżinċentivi qawwija għax-xogħol. Barra minn hekk, it-tfassil tal-benefiċċji soċjali jiskoraġġixxi lin-nies milli jibdew jaħdmu jew milli jaħdmu aktar sigħat. Ħafna benefiċċji soċjali jiddependu mill-istatus u mhux soġġetti għal test tal-mezzi, u dan ixekkel l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji. Il-benefiċċji tal-qgħad huma mingħajr limitu ta’ żmien u mhux soġġetti għal test tal-mezzi għall-persuni qiegħda fit-tul, u dan jaggrava n-nases eżistenti tal-qgħad. Iċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal bażijiet oħra tat-taxxa u t-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji jistgħu jgħinu biex jiżdiedu l-impjiegi.

(22) F’kuntest ta’ ħtiġijiet ta’ konsolidazzjoni strutturali, tnaqqis fit-taxxa fuq ix-xogħol jeħtieġ li jiġi ffinanzjat bis-sħiħ, inkluż billi titnaqqas in-nefqa tat-taxxa u billi jitneħħew gradwalment is-sussidji tat-taxxa fuq il-fjuwils fossili. Il-piż kbir tat-taxxa fuq ix-xogħol huwa kkumpensat minn ħafna sussidji tal-pagi u t-tnaqqis tat-taxxa jintuża b’mod estensiv fil-Belġju. Analiżi mill-Kunsill Għoli tal-Finanzi fl-2020 sabet li n-nefqa tat-taxxa hija għalja għall-baġit, għandha t-tendenza li tiffavorixxi lil dawk li jaqilgħu pagi għoljin u toħloq ineffiċjenzi. In-nefqa tat-taxxa bl-ogħla kost baġitarju tinkludi l-iskema tal-karozzi tal-kumpaniji u l-eżenzjoni mit-taxxa minn ras l-għajn għar-Riċerka u l-Iżvilupp u x-xogħol bix-xift. Is-sussidji tal-pagi u nfiq ieħor tat-taxxa wkoll jagħmlu s-sistema tat-taxxa kumplessa, u b’hekk iżidu l-piż regolatorju għoli u huma ta’ piż fuq l-ambjent tan-negozju. Barra minn hekk, l-appoġġ fiskali għar-Riċerka u l-Iżvilupp mhuwiex immirat lejn kumpaniji bl-ogħla potenzjal ta’ tkabbir. Xi karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa joħolqu distorsjoni wkoll fl-għażliet ta’ investiment u jwasslu għal investiment żejjed f’ċerti assi. Fl-2021, is-sussidji diretti għall-fjuwils fossili tal-Belġju kienu stmati li jammontaw għal EUR 12-il biljun (2,4 % tal-PDG) u sussidji indiretti għal aktar minn EUR 2,6 biljun. Is-sussidji diretti għall-fjuwils fossili jinkludu dazji tas-sisa baxxi fuq il-gass u ż-żejt għat-tisħin meta mqabbla mal-elettriku. Flimkien ma’ kostijiet għoljin tan-network tal-elettriku, dan joħloq differenzi għoljin fil-prezzijiet bejn il-fjuwils fossili u l-elettriku, u jfixkel il-bidla għal sistemi tat-tisħin aktar ekoloġiċi. Barra minn hekk, dan l-appoġġ persistenti għaż-żejt għat-tisħin u l-gass naturali jikkontradixxi l-impenji tal-Belġju li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jtejjeb il-kwalità tal-arja. It-taxxi fuq it-trasport u t-tniġġis ma jintużawx biżżejjed (eż. l-ipprezzar intelliġenti tat-toroq japplika biss għall-vetturi tqal) u jistgħu jgħinu wkoll biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali. F’kuntest ta’ żieda fil-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis tal-arja, in-nefqa tat-taxxa, bħar-rifużjoni parzjali tad-dazji tas-sisa fuq id-diżil għal trasportaturi professjonali bit-triq, hija partikolarment għalja u ta’ ħsara għall-ambjent.

(23) F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Belġju permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Belġju jaċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, billi jiżgura governanza effettiva. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(24) Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Belġju huwa meħtieġ li jagħmel rieżami ta’ kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tiegħu dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f’kull programm. Il-Belġju għamel progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi. Id-disparitajiet intrareġjonali f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali għadhom għoljin fil-Belġju. Huwa kruċjali li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi tal-politika ta’ koeżjoni jibqgħu rilevanti. Huwa partikolarment importanti li jkun hemm implimentazzjoni rapida tal-investimenti biex jgħinu jagħtu spinta lir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni kif ukoll dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-effiċjenza enerġetika. It-titjib tal-aċċess għall-impjiegi u l-miżuri ta’ attivazzjoni, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, il-persuni qiegħda fit-tul u ż-żgħażagħ jibqa’ prijorità. L-appoġġ kontinwu għat-tagħlim tul il-ħajja biex jittejbu l-mobbiltà u l-adattabbiltà tal-ħaddiema huwa ta’ importanza ewlenija. Barra minn hekk, l-inkoraġġiment tal-inklużjoni attiva u l-impjegabbiltà ta’ gruppi żvantaġġati għadu meħtieġ. Il-Belġju jista’ wkoll jagħmel użu mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jappoġġa t-trasformazzjoni industrijali, billi jiżviluppa aktar teknoloġiji u servizzi diġitali avvanzati, materjali ċirkolari u avvanzati kif ukoll kapaċitajiet relatati mal-enerġija nadifa sostenibbli, l-akkomodazzjoni reżiljenti u l-innovazzjoni għas-saħħa.

(25) Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, il-Belġju qed jiffaċċa diversi sfidi ulterjuri relatati man-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistema edukattiva u l-professjoni tat-tagħlim, kif ukoll l-isfidi relatati mal-ambjent tan-negozju, il-piż regolatorju u l-kumplessità, u r-restrizzjonijiet fis-settur tas-servizzi. L-indirizzar ta’ dawk l-isfidi jista’ jgħin biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u l-eżiti edukattivi tal-istudenti kollha, li jirriżulta f’żieda fil-produttività tax-xogħol, u jġib l-impjiegi eqreb lejn il-mira nazzjonali tal-2030 ta’ 80 %.

(26) Ir-rata għolja ta’ postijiet tax-xogħol vakanti tindika nuqqas persistenti ta’ ħaddiema, aktar evidenti fost l-okkupazzjonijiet tekniċi li huma meħtieġa biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. L-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati, inkluż persuni li kisbu livell aktar baxx ta’ edukazzjoni, jiġu minn sfond ta’ migrazzjoni jew b’diżabilità, tkompli toħloq tħassib. L-għadd ta’ gradwati, speċjalment nisa, fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) għadu baxx (16,4 għal kull 1000 abitant ta’ bejn l-20 u d-29 sena meta mqabbel ma’ 21,9 fl-Unjoni). Barra minn hekk, ir-rata ta’ tranżizzjoni mill-qgħad għall-impjieg hija taħt il-medja tal-Unjoni. Dan jissuġġerixxi li hemm ambitu biex tiżdied l-effettività tal-politiki ta’ attivazzjoni, b’mod partikolari billi tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, jiġu mmirati aħjar il-miżuri li jappoġġaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati u tal-ħaddiema fuq liv tal-mard fit-tul. Iż-żieda fl-għadd ta’ gradwati STEM u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) fil-professjonijiet tekniċi tista’ tgħin aktar biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema. Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim hija baxxa, speċjalment fost persuni bi kwalifiki ta’ livell aktar baxx. Filwaqt li ġew implimentati miżuri, bħal dritt individwali ta’ 5 ijiem ta’ taħriġ fis-sena għall-impjegati u l-kontijiet individwali tal-apprendiment, biex jiżdied it-tagħlim għall-adulti, l-impatt tagħhom jeħtieġ iż-żmien biex jimmaterjalizza u dawk il-miżuri jeħtieġu evalwazzjoni.

(27) Minkejja l-infiq pubbliku għoli fuq l-edukazzjoni, l-eżiti tat-tagħlim iddeterjoraw u għad hemm tħassib dwar l-inklużività u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-riżultati tal-Programm tal-OECD tal-2022 għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti juru deterjorament fit-tul fil-qari, il-matematika u x-xjenza fost iż-żgħażagħ ta’ 15-il sena (25 % kellhom prestazzjoni baxxa fil-matematika, 25,3 % fil-qari u 22,4 % fix-xjenza). Filwaqt li l-Belġju kellu l-ogħla sehem ta’ dawk bl-aqwa prestazzjoni fil-matematika fl-Unjoni fl-2012 (19,5 %), dan naqas drastikament matul l-10 snin ta’ wara (11,5 % fl-2022, il-Komunità Fjamminga: 15 %, il-Komunità Franċiża: 6,9 %, il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż: 6,4 %). Barra minn hekk, id-distakk fil-progress insuffiċjenti bejn studenti vantaġġati u żvantaġġati kiber mill-2018. Ir-rata ta’ progress insuffiċjenti tal-istudenti żvantaġġati żdiedet b’9,2 punti perċentwali, u laħqet 45,8 % fil-matematika (Unjoni: 48 %, il-Komunità Fjamminga: 41,4 %, il-Komunità Franċiża: 51,1 %, il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż: 35,6 %). It-titjib tal-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi tal-istudenti kollha huwa kruċjali biex jiffavorixxi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż ta’ gruppi żvantaġġati. Iż-żieda fl-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim, b’mod partikolari billi tiġi żgurata l-istabbiltà tal-impjiegi u billi jiġi pprovdut taħriġ kontinwu adattat għall-ħtiġijiet li qed jevolvu, tgħin biex jitnaqqas in-nuqqas dejjem jikber ta’ għalliema kwalifikati, li jirriskja li jkompli jżid l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni.

(28) L-ambjent tan-negozju tal-Belġju huwa mfixkel minn piż regolatorju għoli u livell għoli ta’ kumplessità. Il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji huwa tqil, b’mod partikolari fir-rigward tat-taxxa u l-liġi tax-xogħol. Il-kostijiet li jiffaċċaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex jikkonformaw mas-sistemi tax-xogħol u tat-taxxa huma komparattivament għoljin fil-Belġju, b’mod partikolari għall-kumpaniji li jeħtiġilhom jimmaniġġjaw sistemi reġjonali multipli. Barra minn hekk, il-Belġju għandu wieħed mill-aktar livelli baxxi ta’ dinamiżmu tan-negozju fl-Unjoni. Minkejja żieda reċenti, ir-rata ta’ negozji ġodda li qed jibdew għadha baxxa, b’mod partikolari għal ditti b’impjegati. Is-sehem ta’ ditti b’rata għolja ta’ tkabbir fil-Belġju huwa ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Restrizzjonijiet kummerċjali għoljin fis-settur tas-servizzi jista’ jkollhom rwol fid-dgħufija tad-dinamiżmu tan-negozju. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-professjonijiet regolati jeħtieġ ukoll li tiġi indirizzata.

(29) Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Belġju, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex: Jippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f’waqtu. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimita t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Jindirizza ż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età, inkluż billi jagħmel is-sistema tal-kura fit-tul aktar kosteffettiva. Jirriforma s-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji biex isaħħaħ l-inċentivi għax-xogħol billi jċaqlaq il-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol u billi jirrevedi t-tfassil tal-benefiċċji. Jiffinanzja t-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol, inkluż billi jnaqqas in-nefqa tat-taxxa. B’mod partikolari, jieħu passi biex jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili, inkluż billi jittrasferixxi d-dazji tas-sisa mill-elettriku għall-fjuwils fossili. Jaċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li jiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi jiżgura governanza effettiva. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ dawk il-programmi, ikompli jiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li jqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. Jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġi fil-ħiliet, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika, u jsaħħaħ il-politiki ta’ attivazzjoni biex il-gruppi żvantaġġati jiġu integrati aktar fis-suq tax-xogħol. Itejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jkompli r-riformi biex isaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim. Itejjeb l-ambjent tan-negozju u d-dinamika tan-negozju billi jnaqqas il-piż regolatorju u l-kumplessità, u billi jnaqqas ir-restrizzjonijiet fis-settur tas-servizzi. Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024. Għall-Kunsill Il-President Nagy I.

Versions

  1. 2024-10-21