Gelex

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Ungerija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Ungerija, 2011-2015 2011/C 209/03

Version 2011-07-12
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Not the law itself: Notice

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/notice/oj/C/2011/209/03@2011-07-12/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-linji gwida integrati. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta' politika nazzjonali ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi.

(3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika integrata u ex ante, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità għat-treġġigħ lura ta' baġits tajbin u ta' sostenibilità fiskali, għat-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5) Fil-15 ta’ April 2011, l-Ungerija ressqet il-verżjoni aġġornata tagħha tal-Programm ta’ Konverġenza 2011 li tkopri l-perijodu 2011-2015 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(6) L-Ungerija ntlaqtet ħażin ħafna bil-kriżi tal-ħarifa 2008, u l-pajjiż tilef l-aċċess għall-finanzjament ibbażat fuq is-suq. Biex tegħleb dwan id-diffikultajiet, l-Ungerija implimentat programm ta’ aġġustament li ffoka fuq il-konsolidazzjoni fiskali u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju u kienet appoġġata minn assistenza finazjarja mill-UE u mill-FMI. F’dan l-isfond, il-pajjiż reġa’ kiseb aċċess għas-suq fir-rebbiegħa tal-2009 u l-ekonomija ħarġet mir-riċessjoni: wara tnaqqis ta’ 6,7 % fl-2009, fl-2010 l-PDG kiber b’1,2 %, sostnut minn żidiet fl-esportazzjoni. Fl-istess ħin, il-qgħad żdied ulterjorment għal iktar minn 11% mil-livell ta' qabel il-kriżi ta’ anqas minn 8 %. Fit-tieni nofs tal-2010, il-gvern ħabbar tnaqqis sinifikanti fit-taxxa li għandhom jiġu implimentati bejn l-2010 u l-2013. Biex jillimita d-deterjorazzjoni fiskali, b’mod parallel, huwa introduċa imposti straordinarji u għamel tnaqqis addizzjonali fl-infiq ta' natura permanenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jabolixxi l-pilastru tal-pensjonijiet privati mandatorji rriżultat fi dħul kemm ta' darba kif ukoll permanenti. Minkejja li dawn il-miżuri ppermettew it-trażżin l-infiq eċċessiv fl-2010 għal 0,4 % tal-PDG 'il fuq mill-mira tad-defiċit ta’ 3,8 % tal-PDG u se jirriżulta f’bilanċ favorevoli fl-2011, il-pożizzjoni sottostanti ddeterjorat b'mod sinifikanti. F’dan l-isfond, u bil-ħsieb li jissaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku, f'Marzu 2011 il-gvern ħabbar programm ta' riforma struturali u adotta miżuri ulterjuri ta' konsolidazzjoni.

(7) Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2011 tas-servizz tal-Kummissjoni, ix-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huma kemxejn favorevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi tad-domanda domestika. L-aġġornament huwa intenzjonat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2011 stabbilita mill-Kunsill, li tinkiseb b’bilanċ favorevoli ta’ 2 % tal-PDG bis-saħħa tad-dħul sinifikanti ta’ darba mill-assi tal-pensjonijiet. Il-baġit jinbidel f’defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG fl-2012 u sussegwentement jonqos gradwalment għal 1,5 % tal-PDG fl-2015, l-aktar b'riżultat tat-trażżin fian-nefqa. L-aġġornament jikkonferma li l-objettiv fuq terminu medju (OTM) tal-pajjiż għall-pożizzjoni baġitarja f'termini strutturali, li hu defiċit ta' 1,5 % tal-PDG. L-istrateġija ta’ konsolidazzjoni hija mistennija tnaqqas id-defiċit baġitarju b’mod strutturali u tpoġġi d-dejn fit-triq tan-niżla biex jilħaq 64 % tal-PDG sal-2015. Madanakollu, jidher li din hija posposta li kemmxejn ser tikkoinċidi mat-titjib strutturali li mhux ser jibda qabel l-2012, filwaqt li d-deterjorazzjoni strutturali kumulattiva ta’ iktar minn 3 % tal-PDG matul l-2010 u l-2011 mhijiex konformi mar-rakomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Lulju 2009 li titlob lill-Ungerija biex tikseb aġġustament strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG. It-tbassir tar-rebbiegħa juri defiċit ta’ 3,3 % tal-PDG fl-2012, li jassumi xi riskji ta’ implimentazzjoni ta' 0,5 % tal-PDG; abbażi ta’ dan ma jistax ikun eskluż li l-limitu minimu jista' jinkiser darba oħra f’dik is-sena sakemm ma jittiħdux miżuri ulterjuri. Addizjonalment, it-triq tad-defiċit strutturali proġettat, kif ġie kkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni, ma jipprovdix għall-aġġustamenti neċessarji li jiżguraw il-ksib tal-OTM sa tmiem il-perijodu tal-Programm ta' Konverġenza; b’mod partikolari, ma hemm l-ebda aġġustament strutturali ulterjuri lil hinn mill-2013, għalkemm il-marġini għall-OTM huwa żgħir. Finalment, it-tneħħija tal-pilastru tal-pensjoni privata mandatorja tirriżulta fi dħul addizzjonali ta' darba u permanenti iżda żżid ukoll l-obligi fuq termini fit-tul. Id-deterjorament li x'aktarx ikun hemm fis-sostenibbiltà fiskali fit-tul meta jitqies li parti mill-assi tal-fondi tal-pensjoni jintużaw biex tiġi ffinanzjata n-nefqa kurrent, titpatta parzjalment minn diversi passi mħabbra relatati mas-sistema tal-pensjoni fil-kuntest tal-programm ta' riforma strutturali (e.ż. il-bidliet parametriċi li diġà ġew parzjalment implimentati fil-pilastru pubbliku). Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma medji.

(8) Il-konsolidazzjoni fiskali tibqa' sfida ewlenija. Mingħajr implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri mħabbra u miżuri addizzjonali ta’ natura strutturali kif inhuma meħtieġa, ma jistax ikun żgurat li d-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut fuq bażi sostenibbli u li jsir progress xieraq lejn l-OTM. Barra minn hekk, il-konsolidazzjoni fiskali ser tgħin ukoll biex jibda jitnaqqas id-dejn u biex tittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul li tidher li qiegħda f'riskju medju. L-użu sħiħ ta’ dħul mhux mistenni jista' jgħin biex jaċċellera l-konsolidazzjoni fiskali. F’dan l-isfond, ir-rapporti bi-annwali dwar il-progress tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv ser iservu bħala għodda utli għall-monitoraġġ mill-qrib tal-progress tal-konsolidazzjoni fiskali.

(9) Il-Kostituzzjoni riċentament adottata tistabbilixxi trażżin kostituzzjonali tad-dejn mal-50 % tal-PDG u tagħti lill-Kunsill Fiskali id-dritt ta’ veto fuq il-baġit annwali, li jista’ jkun l-ewwel pass lejn it-titjib tal-qafas baġitarju. Madankollu, dettalji importanti ser ikunu speċifikati biss fil-liġijiet kardinali sussegwenti (pereżempju, x'ser ikunu r-regoli numeriċi temporanji sakemm il-proporzjoni tad-dejn jonqos għal 50 %, l-interpretazzjoni preċiża tal-klawsola liberatorja). L-impożizzjoni ta’ limitu massimu għad-dejn nominali, jekk din tintuża bħala strument ħolistiku tista', ceteris paribus, twassal għal qagħda fiskali pro-ċiklika. Addizjonalment, il-mandat tal-korp fiskali mġedded huwa relattivament strett (limitat għat-tħejjija ta' opinjoni fuq l-abbozz tal-baġit, għalkemm bi dritt qawwi għall-veto) u ma jkoprix iċ-ċiklu baġitarju fl-intier tiegħu (pereżempju permess ta’ valutazzjonijiet f’ħin reali tal-linji ta' politika l-ġodda b’implikazzjonijiet baġitarji maġġuri). Finalment, aspetti oħra tal-governanza fiskali, bħall-orjentazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika fiskali u l-kwistjoni tat-trasparenza għad iridu jiġu kkjarifikati.

(10) Ir-rata tal-impjiegi hija fost l-iktar baxxi fl-UE (60,4 %). Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa hija wkoll baxxa (55,0 %), waqt li d-distakk bejn ir-rati tal-impjiegi bejn in-nisa li għandhom tfal ta' età 0-6 snin u dawk li ma għandhomx tfal ta' din l-età huwa t-tieni l-ikbar fl-UE (33,6, kontra l-medja tal-UE ta’ 12,1 punti perċentwali). Hemm nuqqasijiet fil-kapaċità tas-servizzi ta’ ħarsien matul il-jum fl-Ungerija, bi provvediment partikolarment skars lil hinn mill-ibliet il-kbar, u f’reġjuni b’rata ta’ qgħad għolja ħafna. It-titjib tal-provvediment tal-ħarsien ta’ matul il-jum ikun miżura importanti biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żewġ ġenituri fil-forza tax-xogħol.

(11) L-Ungerija għandha piż ta’ tassazzjoni relattivament kbir fuq ix-xogħol. Is-sistema ta’ tassazzjoni ġdida fuq l-introjtu personali tindirizza parzjalment l-effetti negattivi fuq l-impjiegi, partikolarment għal dawk bi dħul 'il fuq mill-medja u/jew dawk bit-tfal, u b'hekk timmira li titratta l-aktar kwistjonijiet urġenti demografiċi u ta' kompetittività. Għalkemm ir-rata tat-taxxa tnaqqset, il-piż tat-tassazzjoni fuq dawk li l-qligħ tagħhom huwa baxx u li ma għandhomx tfal fil-fatt żdied, meta titqies it-tneħħija gradwali tal-krediti tat-taxxa fuq l-impjieg.

(12) Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) ibatu minn kapaċità amministrattiva insuffiċjenti, u injezzjonijiet preċedenti ta’ fondi ma tjbux konsiderevolament l-effiċjenza tas-servizzi fl-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol. Il-finanzjament tal-programmi tal-impjiegi mhuwiex marbut suffiċjentament mar-riżultati, speċjalment fil-każ ta' miżuri ffinanjati nazzjonalment. Reċentement, ġie mħabbar li t-tul tal-benefiċċji tal-qgħad għandu jitnaqqas għall-iktar livelli baxxi fl-UE. L-impatt ta' din il-miżura fuq is-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkun ivvalutat, partikolarment biex tkun determinata l-effikaċja tagħha li tgħolli l-parteċipazzjoni fl-impjiegi.

(13) Il-faqar u fatturi relatati bħan-nuqqas ta’ impjiegi jew livelli baxxi ta’ edukazzjoni komplew jaffetwaw xi gruppi żvantaġġati, partikolarment ir-Roma, b’mod sproporzjonat. Dawk b’ħiliet baxxi għandhom rata partikolarment baxxa ta’ impjiegi (36,8 % meta mqabbla mal-medja Ewropea ta’ 53,4 %), speċjalment fost l-irġiel. Skont l-estimi, 70 % tal-popolazzjoni tar-Roma jgħixu taħt il-livell tal-faqar. Maġġoranza kbira minnhom jgħixu f’reġjuni żvantaġġati, b’aċċess limitat għall-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u għas-servizzi pubbliċi.

(14) L-SMEs kienu mfixxkla mill-kumplessità tal-qafas regolatorju, piż amministrattiv għoli u responsabbiltà u trasparenza limitati fl-amministrazzjoni pubblika. L-aċċess tal-SMEs għal finanzjament fi stadju bikri kien iktar skars mill-medja tal-UE. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jinkludi numru ta’ miżuri biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jtejbu l-ambjent tan-negozju b'mod ġenerali. Ir-rwol ta’ mekkaniżmi mhux bankarji ta’ finanzjament baqa’ lura meta mqabbel ma dak ta' pajjiżi oħra Ewropej. L-effikaċja tal-programmi preċedenti biex isostnu s-settur ma kinitx evalwata sistematikament.

(15) Il-Kummissjoni evalwat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-Ungerija u kkunsidrat ukoll l-intenzjoni tal-gvern li jirrefletti l-Patt Euro Plus. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija iżda wkoll lejn kemm josservaw ir-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Hija tikkunsidra li l-istrateġija ta’ aġġustament fiskali hija prinċipalment ibbażata fuq in-naħa tan-nefqa u li l-iskadenza tal-2011 stabbilita mill-Kunsill biex id-defiċit jitniżżel taħt il-limitu ta’ 3 % tal-PDG hija rrispettata biss minħabba dħul sinifikanti ta’ darba, notevolment mill-assi tal-pensjonijiet u t-titjib strutturali ser jibda biss fl-2012. Meta jitqiesu r-riskji ta’ implimentazzjoni, ma jistax ikun eskluż li l-limitu jista' jinqabeż għal darba oħra f'dik is-sena sakemm ma jittiħdux miżuri ulterjuri. Barra minn hekk, fuq terminu itwal, il-Programm ta’ Konverġenza, kif ġie kkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni, ma jiżgurax progress ulterjuri lejn l-OTM, għalkemm il-marġini huwa wieħed żgħir. Miżuri ulterjuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jkunu mmodernizzati s-servizzi għall-impjiegi jgħinu biex iżidu l-opportunitajiet tax-xogħol. Tnaqqis ulterjuri tal-piżijijet amministrattivi jgħinu biex jitjieb l-ambjent tan-negozju u jgħin lill-SMEs jikbru.

(16) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija u l-opinjoni tiegħu hija riflessa partikolarment fir-rakomandazzjonijiet (1) u (2) tiegħu hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fil-perijodu 2011-2012 biex: Issaħħaħ l-isforz fiskali biex tkun konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli, inter alia billi tevita d-deterjorazzjoni strutturali fl-2011 impliċita fit-2 % tal-bilanċ favorevoli tal-baġit tal-PDG u tiżgura li d-defiċit baġitarju jinżamm b'mod sigur taħt il-limitu ta’ 3 % tal-PDG fl-2012 u lilhinn minn dan, u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-proporzjon għoli ta' dejn pubbliku. Timplimenta b'mod sħiħ il-miżuri fiskali mħabbra u tadotta miżuri fiskali addizzjonali ta’ natura permanenti jekk ikun hemm bżonn sa mhux iktar tard mill-baġit tal-2012 biex tiżgura l-mira baġitarja għal dik is-sena. Il-baġit tal-2012 għandu jidentifika wkoll il-miżuri addizzjonali sabiex tinkiseb il-mira tal-2013 fil-Programm ta' Konverġenza. Tiżgura progress lejn l-objettiv fuq terminu medju (OTM) b’mill inqas 0,5 % tal-PDG annwali sakemm jintlaħaq l-OTM u tuża dħul mhux mistenni biex taċċelera l-konsolidazzjoni fiskali. Tadotta u timplimenta regolamenti li jispeċifikaw l-aspetti operazzjonali tal-qafas kostituzzjonali ġdid ta’ governananza fiskali, inkluż, inter alia, ir-regoli numeriċi li ser jiġu implimentati fuq il-livell ċentrali u lokali sakemm il-proporzjon tad-dejn ikun naqas taħt il-50 % tal-PDG. Fir-rigward tal-qafas fiskali, timplimenta u ssaħħaħ l-ippjanar fiskali multiannwali, itejjeb it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi u twessa' l-kompetenza tal-Kunsill Fiskali. Iżżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi ttaffi l-impatt tar-riforma tat-taxxa fuq dawk bi qligħ baxx b’mod newtrali fuq il-baġit. Issaħħaħ il-miżuri biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi tespandi l-faċilitajiet ta' ħarsien tat-tfal u dawk preskolastiċi. Tieħu passi biex isaħħaħ il-kapaċità tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi u fornituri oħra biex iżżid il-kwalità u l-effikaċja tat-taħriġ, l-assistenza għat-tfittxija għax-xogħol u s-servizzi individwalizzati. Issaħħaħ il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jagħtu riżultati pożittivi bbażati fuq l-evidenza. F’konsultazzjoni mal-partijiet involuti, tintroduċi programmi mfassla apposta, għal dawk b’ħiliet limitati u gruppi oħra partikolarment żvantaġġati. Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi timplimenta l-miżuri kollha maħsuba għar-riforma regolatorja u għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma; tivvaluta l-effikaċja tal-politika attwali ta’ sostenn għall-SMEs u taġġusta l-programmi pubbliċi sabiex ittejjeb l-aċċess għal finanzjament mhux bankarju. Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011. Għall-Kunsill Il-President J. Vincent-Rostowski

Versions

  1. 2011-07-12