Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2011 Orjentazzjonijiet dwar il-valur miżjud u l-benefiċċji tal-ispazju għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej 2011/C 377/01
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Not the law itself: Notice
Address https://gelex.eu/eli/EU/notice/oj/C/2011/377/01@2011-12-06/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA WARA LI KKUNSIDRA
1. Ir-riżoluzzjoni dwar Sfidi globali: nieħdu l-benefiċċju sħiħ mis-sistemi spazjali Ewropej, kif adottata mis-Seba' Kunsill Spazju li ltaqa' fil-25 ta' Novembru 2010;
2. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-EU dwar Lejn strateġija spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini tal-31 ta' Mejju 2011; u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Lejn strateġija tal-ispazju għall-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini, adottata fl-4 ta' April 2011;
3. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ESA f'livell ministerjali dwar Ir-rwol tal-ispazju biex jintlaħqu l-objettivi globali tal-Ewropa tas-26 ta' Novembru 2008;
4. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, adottata fit-3 ta' Marzu 2010;
5. Il-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea – li s-suċċessur tagħha hija l-Unjoni Ewropea - u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (il-Ftehim Qafas), li daħal fis-seħħ fit-28 ta' Mejju 2004 u għall-kooperazzjoni dejjem tikber bejn iż-żewġ partijiet;
6. WAQT LI JIRRIKONOXXI li l-kompetenza tal-UE fl-ispazju, stabbilita bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, issaħħaħ id-dimensjoni politika tal-ispazju fl-Ewropa;
7. JENFASIZZA r-rwol li s-sistemi spazjali għandhom biex jipprovdu informazzjoni u għodod prattiċi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiċi Ewropej fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-għajnuna umanitarja, il-protezzjoni ċivili u l-immaniġġar ta' kriżijiet biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-bnedmin, il-proprjetà, l-ambjent u l-wirt kulturali fil-każ ta' diżastru naturali jew diżastru kkawżat mill-bniedem;
8. JISĦAQ li l-assi tal-ispazju jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-objettivi tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); u JINNOTA f'dan il-kuntest l-iffirmar ta' Arranġament Amministrattiv bejn l-EDA u l-ESA fl-20 ta' Ġunju 2011;
9. JIRRIKONOXXI li t-tlestija u l-isfruttament tas-sistemi ta' navigazzjoni globali ta' Galileo u tal-EGNOS kif ukoll il-programm ta' Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) jipprovdu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lil utenti oħrajn b'għodod avvanzati u affidabbli bil-għan li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u dawk mhux Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-interoperabbiltà u l-użu integrat tal-applikazzjonijiet tal-ispazju għall-immaniġġar ta' kriżijiet, il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja;
10. WAQT LI JILQA' l-illanċjar tal-ewwel żewġ satelliti Galileo fuq l-ewwel lanċatur Soyuz mis-Centre Spatial Guyanais, Europe's Spaceport, (Ċentru Spazjali Guyanais, il-Port Spazjali tal-Ewropa), li jirrappreżenta pass ġdid sinifikanti fl-attivitajiet spazjali tal-Ewropa;
11. WAQT LI JFAKKAR li infrastruttura spazjali, li hi kritika għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, għandha tkun protetta kontra r-riskji, kemm naturali, inklużi effetti potenzjali ta' tempesti solari, kif ukoll dawk li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem (pereżempju residwu spazjali);
12. WAQT LI JIEĦU NOTA tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Baġit għall-Ewropa 2020, li tagħmel proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE 2014-2020 (MFF);
13. WAQT LI JIRRIKONOXXI li l-orjentazzjonijiet attwali tal-Kunsill Spazju huma mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar l-MFF li jmiss;
L-ispazju għas-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli IFAKKAR li l-GMES kif ukoll Galileo/EGNOS huma programmi ewlenin tal-Unjoni Ewropea taħt ir-responsabbiltà u l-ġestjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u li l-GMES hu wkoll mibni fuq sħubija mal-ESA u l-Istati Membri tagħhom, bl-involviment ta' korpi rilevanti oħrajn Ewropej; JAFFERMA MILL-ĠDID li hi prijorità tal-UE li tiżgura l-iżvilupp u l-isfruttament ta' servizzi u infrastrutturi sostenibbli tal-GMES fi żmien medju u fit-tul. IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa u f'waqthom biex tiżgura l-kontinwità tal-programm u tassigura lill-utenti tal-GMES u lill-partijiet interessati dwar l-impenn tagħha għall-programm tal-GMES; JIRRIKONOXXI li l-GMES għandu rwol importanti biex jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għal informazzjoni strateġika ewlenija li tappoġġa ħafna politiki tal-UE stabbiliti fit-Trattat, bħall-agrikoltura, l-ambjent, it-trasport, l-enerġija, is-saħħa, il-protezzjoni ċivili, l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà; u għalhekk JENFASIZZA l-ħtieġa li l-kontinwità u d-disponibbiltà tal-infrastruttura u tas-servizzi jkunu żgurati lil hinn mill-2013; JINNOTA li t-tibdil fil-klima għandu implikazzjonijiet serji kemm għas-soċjetà u l-ekonomija, kif ukoll għall-ekosistemi naturali u dawk ġestiti mill-bniedem, JIRRIKONOXXI li l-GMES huwa kontribut Ewropew maġġuri għall-isforzi globali għall-għarfien dwar it-tibdil fil-klima u għall-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tal-impatti tiegħu, u JENFASIZZA li l-implimentazzjoni ta' servizz dedikat tat-Tibdil fil-Klima tal-GMES għandha tikkomplementa u tinteraġixxi ma' servizzi u attivitajiet oħrajn eżistenti biex jiġu pprovduti tweġibiet għal din l-isfida; JILQA' d-disponibbilta' effettiva ta' informazzjoni bbażata fuq satellita fil-qafas tal-programm tal-GMES fl-appoġġ għal operazzjonijiet ta' kriżi waqt diżastri reċenti li seħħew fid-dinja kollha; JIKKUNSIDRA li l-GMES għandu rwol importanti bħala l-bażi għal kapaċità Ewropea għal rispons ta' emerġenza aħjar, f'sinerġija ma' mekkaniżmi eżistenti; u JISTIEDEN lill-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb aktar l-aċċess għal data u informazzjoni rilevanti pprovduta mill-programmi nazzjonali waqt sitwazzjonijiet ta' kriżi; JILQA' r-riżultati li nkisbu mill-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet preoperattivi tas-servizzi ta' sigurtà tal-GMES, u JIRRAKKOMANDA lill-Kummissjoni Ewropea f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Istati Membri u l-aġenziji relevanti tal-UE, bħall-FRONTEX, l-EUSC, u l-EMSA, biex tiffinalizza d-definizzjoni ta', u taċċellera t-transizzjoni lejn, servizzi ta' sigurtà tal-GMES kompletament operattivi b'appoġġ għall-azzjonijiet esterni tal-UE u s-sorveljanza tal-fruntieri u l-ibħra, abbażi tad-domanda tal-utenti; JAPPELLA lill-Kummissjoni Ewropea, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha, biex tipproponi qafas organizzattiv, inkluż governanza, u l-istabbiliment tas-servizzi operattivi ippjanati; b'mod partikolari JĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni Ewropea biex f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha tlesti d-definizzjoni ta' politika adatta dwar id-data għall-GMES, ibbażata fuq aċċess sħiħ u miftuħ għall-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u d-data miġbura permezz tal-infrastruttura tal-GMES, soġġett għal ftehim internazzjonali rilevanti, restrizzjonijiet ta’ sigurtà u kondizzjonijiet ta' liċenzjar, inklużi r-reġistrazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-liċenzji ta' utenti u li timmassimizza l-użu tal-GMES u tibni fuq approċċ bilanċjat sew bejn aċċess bla ħlas għal ċerta data u servizzi pubbliċi u l-ħtieġa li jissaħħu swieq ta' osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa u t-tkabbir ta' negozji eżistenti u emerġenti Ewropej li jipprovdu data u servizzi ta' data; kif ukoll il-governanza tas-sigurtà tal-komponenti u l-informazzjoni tal-GMES; JIKKUNSIDRA li l-kwistjoni tas-sjieda tal-infrastruttura Spazjali tal-GMES hi ta' importanza ċentrali għall-futur tal-GMES u JAPPELLA lill-Kummissjoni Ewropea u lill-ESA biex ilestu l-valutazzjoni ta' din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun; JINNOTA d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli ta' aċċess għas-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-Programm Galileo; u JAPPELLA lill-Kummissjoni Ewropea, bl-appoġġ tas-SEAE, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u komunitajiet ta' utenti relatati biex tiddefinixxi l-miżuri adatti biex jiġi żgurat l-istabbiliment bla xkiel tal-PRS u sistemi assoċjati, filwaqt li jittieħed kont sħiħ tal-infrastruttura nazzjonali, għaliex dan itejjeb il-kapaċitajiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet; JIRRIKONOXXI li komunikazzjonijiet bis-satellita jirrapreżentaw kapaċita' ewlenija f'kull rispons għal kriżi u operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, u riżors kruċjali u skars ħafna, speċjalment meta infrastrutturi fuq l-art ikollhom il-ħsara jew jiġu meqruda, u JIRRAKKOMANDA lill-Kummissjoni Ewropea, is-SEAE u l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-EDA, biex jaħdmu għal aċċess sikur u garantit għall-komunikazzjoni kummerċjali u governattiva bis-satellita għall-atturi fil-qasam tar-rispons għal kriżijiet u tal-immaniġġar ta' kriżijiet; JISSOTTOLINJA li l-ġestjoni effettiva ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi titlob il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi adatti kif ukoll informazzjoni adatta biex jintużaw bl-aħjar mod, u għalhekk teħtieg l-integrazzjoni ta' applikazzjonijiet differenti bbażati fl-ispazju u fuq l-art biex jappoġġaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet, immexxija minn atturi multipli involuti fil-protezzjoni ċivili u fl-operazzjonijiet umanitarji; B'kont meħud ta' dan ta' hawn fuq, JAPPELLA lill-Kummissjoni Ewropea, b'appoġġ mis-SEAE, l-ESA u l-Istati Membri kif adatt u bl-appoġġ tal-EDA, biex:
iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar kapaċitajiet potenzjali għall-integrazzjoni ta' applikazzjonijiet tal-ispazju f'sistemi adatti fost l-utenti potenzjali,
tiżgura l-aqwa użu tas-soluzzjonijiet spazjali fil-qafas tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni Ewropew fil-qafas tal-protezzjoni ċivili,
tiżviluppa soluzzjonijiet, li jwasslu għall-interoperabbiltà ta' sistemi tekniċi relatati mal-ispazju u qafas koerenti ta' proċeduri operattivi biex jintu¿aw applikazzjonijiet ibbażati fl-ispazju għall-immaniġġar ta' kriżijiet,
barra minn hekk, tesplora għażliet għall-minjaturizzazzjoni bl-użu ta' satelliti (mikro, nano u piko) żgħar bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż;
Sigurtà u sostenibbiltà għall-ispazju JINNOTA li hemm theddid serju għall-assi spazjali u l-infrastrutturi assoċjati tal-art, li jistgħu jinkludu riskji ta' kolliżjoni u l-impatt tat-temp spazjali; JIRRIKONOXXI l-importanza li servizzi u assi spazjali bħal dawn, li huma kritiċi għall-politika u l-ekonomija Ewropea jiġu protetti; u JIRRIKONOXXI l-ħtieġa għal kapaċità effettiva għal Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali (SSA) bħala attività f'livell Ewropew, inter alia, sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-assi spazjali Ewropej u tal-illanċjar futur tagħha minn skart spazjali u oġġetti oħra fl-ispazju kif ukoll fenomeni tat-temp spazjali; għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel l-usa' użu possibbli ta' assi, kompetenzi u ħiliet li diġà huma eżistenti jew li qed jiġu żviluppati fl-Istati Membri, f'livell Ewropew u kif adatt internazzjonalment; JIRRIKONOXXI l-kontribut importanti tal-Programm ta' Tħejjija ta' SSA tal-ESA; waqt li jirrikonoxxi n-natura tal-użu doppju ta' sistema bħal din u b'kont meħud tad-dimensjoni ta' sigurtà partikolari tagħha, JAPPELLA lill-Kummissjoni Ewropea f'kollaborazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESA u l-Istati Membri, li huma s-sidien ta' tali assi u għandhom kapaċitajiet u f'konsultazzjoni mal-atturi kollha involuti, biex jippreżentaw proposti għall-isfruttament ta' u l-bini fuq dawn l-assi u l-kapaċitajiet sabiex tiġi żviluppata kapaċità għal Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali (SSA) bħala attività f'livell Ewropew u f'dak il-kuntest, biex jiddefinixxu politika adatta ta' governanza u data b'kont meħud tas-sensittività kbira tad-data tas-SSA. JINNOTA li l-kapaċità operattiva futura f'livell Ewropew fil-qasam tas-SSA għandha tkopri tliet segmenti: sorveljanza u intraċċar ta' oġġetti fl-orbita, previżjoni u monitoraġġ tal-fenomeni tat-temp spazjali u l-effetti tagħhom b'mod partikolari fuq l-infrastruttura kritika u l-monitoraġġ ta' Oġġetti Qrib id-Dinja (NEOs), fid-definizzjoni ta' kapaċità tas-SSA, ibbażata fuq aggregazzjoni approvata bejn ir-rekwiżiti tal-utenti ċivili u militari tas-SSA; JIRRIKONOXXI li l-protezzjoni ta' assi spazjali ser tkun teħtieġ attivitajiet ta' riċerka kontinwi f'oqsma bħall-effetti tat-temp spazjali, l-intraċċar u l-previżjoni ta' skart spazjali u ta' NEOs, kif ukoll il-mitigazzjoni u t-tneħħija tagħhom; u JAPPELLA lill-Kummissjoni Ewropea, lill-ESA u lill-Istati Membri biex jevalwaw azzjonijiet adatti biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod adegwat; JAGĦRAF il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet kollha tal-ispazju. F'dan il-kuntest, ITENNI l-importanza li jitkomplew id-diskussjonijiet f'livell multilaterali dwar l-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extraatmosferiku bil-ħsieb li jiżguraw l-adeżjoni għall-Kodiċi tal-akbar numbru possibli ta' Stati. JIKKUNSIDRA, ulterjorment, li aċċess usa' għal informazzjoni adegwata u affidabbli dwar attivitajiet spazjali għandha tirrapreżenta miżura għall-bini ta' kunfidenza, filwaqt li tipprovdi bażi għal fiduċja akbar fir-rigward ta' użi paċifiċi tal-ispazju; JIKKUNSIDRA li l-politika industrijali għall-ispazju għandha tieħu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-ispazju u tal-interess tal-Istati Membri kollha li jinvestu f'assi spazjali, u għandha timmira għall-objettivi komuni li ġejjin: l-appoġġ tal-kapaċità Ewropea għall-konċepiment, l-iżvilupp, it-tnedija, it-tħaddim u l-isfruttament ta' sistemi spazjali; it-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea kemm għas-swieq domestiċi tagħha kif ukoll għal dawk tal-esportazzjoni; u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni u l-żvilupp u l-involviment ibbilanċjati tal-kapaċitajiet fl-Ewropa; JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk humiex meħtieġa miżuri adatti f'livell Ewropew u internazzjonali biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà u l-iżvilupp ekonomiku tal-attivitajiet spazjali, inklużi dawk tas-settur kummerċjali Ewropew; F'dan il-kuntest tas-sostenibbilta' ta' attivitajiet spazjali, IFAKKAR fl-istedina tiegħu lill-atturi istituzzjonali Ewropej kollha sabiex iżommu aċċess indipendenti, affidabbli u kosteffettiv għall-ispazju b'kondizzjonijiet li jistgħu jintlaħqu, biex jagħtu prijorità għolja lill-użu ta' lanċaturi żviluppati fl-Ewropa u biex jesploraw kwistjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni possibbli tagħhom f'attivitajiet ta' sfruttament relatati mal-lanċaturi; Esplorazzjoni IFAKKAR fid-diskussjonijiet f'livell politiku bejn is-sħab Ewropej u internazzjonali waqt it-tielet Konferenza dwar l-Esplorazzjoni u l-ewwel laqgħa tal-Pjattaforma ta' Livell Għoli Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni li saret f'Lucca (fl-Italja) fl-10 ta' Novembru 2011 u d-Dikjarazzjoni tagħha li rrikonoxxiet l-benefiċċju minn djalogu ta' politika ta' livell għoli li jkun strutturat u kontinwu dwar l-esplorazzjoni spazjali futura li jista' jgħin biex jidentifika oqsma potenzjali għall-kooperazzjoni internazzjonali; JILQA' l-offerta mill-Istati Uniti li tospita d-djalogu li jmiss; JIRRIKONOXXI l-potenzjal ta' esplorazzjoni robotika u umana fl-orbita qrib id-dinja u lil hinn minnha, appoġġat minn djalogu politiku internazzjonali ta' livell għoli f'livell ta' gvern, biex jipproduċi progress soċjetali, intelletwali u ekonomiku u benefiċċji għaċ-ċittadini. Dawn jinkludu l-ħolqien ta' sħubiji globali permezz tal-kondiviżjoni ta' miri ta' sfida u paċifiċi; l-inkoraggiment tal-avvanz tax-xjenza; l-impetu għal skoperti futuri; l-indirizzar ta' sfidi globali fl-ispazju u fid-dinja bl-użu ta' teknoloġija innovattiva; u billi s-soċjeta' u b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu ispirati bi sforzi kollettivi u individwali; u l-possibbiltà ta' tkabbir ekonomiku u opportunitajiet ġodda għan-negozju; JISTIEDEN lill-Kummissjoni Ewropea, lill-ESA u lill-Istati Membri biex ikomplu d-diskussjonijiet f'livell Ewropew u mas-sħab internazzjonali bil-ħsieb li tiġi definita strateġija lil hinn mill-2020, inkluż l-involviment Ewropew fiha, li għandha tiġi definita bi tħejjija tal-laqgħa ta' djalogu li jmiss li għandha tieħu kont tal-aspirazzjonijiet, il-prijoritajiet u r-riżorsi Ewropej.