Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Irlanda u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Irlanda 2017/C 261/07
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Not the law itself: Notice
Address https://gelex.eu/eli/EU/notice/oj/C/2017/261/07@2017-07-11/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro).
(2) Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, l-Irlanda għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) hawn taħt.
(3) Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017 għall-Irlanda ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Irlanda biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamlet l-Irlanda lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017.
(4) L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex tikkonkludi li l-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, dawn l-iżbilanċi huma kkaratterizzati minn stokk kbir ta’ dejn estern, pubbliku u privat (kemm ta’ unitajiet domestiċi kif ukoll ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji), li jagħmlu lill-Irlanda vulnerabbli għal xokkijiet avversi. Il-banek għadhom qed jaffaċċjaw livell għoli ta’ self improduttiv imma huma kapitalizzati sew u l-profittabbiltà tagħhom, minkejja li għadha baxxa, qed titjieb gradwalment. Il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni qed jiżdiedu u r-restrizzjonijiet fuq il-provvista għadhom jippersistu. Id-dejn tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji naqas matul l-2015, imma xorta kien ogħla milli kien fl-2014. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi naqas fl-2015 u d-dejn pubbliku huwa f’perkors ta’ tnaqqis konsistenti. Il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali negattiv netta tal-Irlanda kienet qed tonqos b’ritmu mgħaġġel qabel l-2015, imma mbagħad inqalbet, parzjalment minħabba trasferiment ta’ livell fl-2015. Madankollu, is-sostenibbiltà esterna tas-settur domestiku ma tidhirx li qiegħda f’xi riskju. L-istokk ta’ self improduttiv kien qed jonqos matul din l-aħħar sena imma l-pass fit-tnaqqis kien qed imajna kemxejn sal-aħħar tal-2016. Il-prezzijiet tal-proprjetà komplew jiżdiedu fl-2015, imma sa issa ma hemm l-ebda evidenza sinifikanti ta’ sopravalutazzjoni. Fl-aħħar snin ittieħdu miżuri ta’ politika biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi enfasizzati, inkluż fis-settur bankarju (qafas regolatorju mtejjeb, miżuri biex jiġi indirizzat il-livell għoli ta’ self improduttiv). Il-Gvern ħa bosta miżuri rilevanti biex jindirizza n-nuqqas ta’ provvista fis-suq tal-akkomodazzjoni, imma ser jieħu ż-żmien biex jiġġeneraw effetti.
(5) L-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tagħha fit-13 ta’ April 2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tagħha fit-2 ta’ Mejju 2017. Biex jittieħed kont tal-konnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.
(6) Ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet rilevanti, speċifiċi għall-pajjiżi, fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perjodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif tuża dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.
(7) Bħalissa l-Irlanda qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tranżitorja tad-dejn. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jistenna li d-defiċit nominali ser jonqos kemxejn għal 0,4 % tal-PDG fl-2017 u li minn hemm ’il quddiem ser jibqa’ jonqos gradwalment u jinbidel f’żieda ta’ 1,0 % ta’ PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG — huwa mistenni li jintlaħaq mill-2018 lil hemm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, l-proporzjon ta’ dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jaqa’ għal 72,9 % fl-2017 u li jibqa’ jinżel għal 65,2 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex jiġu appoġġati l-miri ppjanati tad-defiċit mill-2018 lil hemm ma ġewx speċifikati biżżejjed.
(8) Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Irlanda biex tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2017. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament fiskali rrakkomandat fl-2016 u l-2017 meta dawn jitqiesu flimkien.
(9) Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha, u b’mod partikolari, tal-livell tad-dejn tagħha, l-Irlanda hija mistennija tkompli taġġusta lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament miftiehma b’mod komuni taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma jaqbiżx 2,4 % fl-2018. Dan jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Il-livell referenzjarju tal-infiq jirrifletti aġġustament biex jikkoreġi distorsjoni fir-rata ta’ referenza ta’ 10 snin ta’ tkabbir potenzjali kkawżat minn żieda eċċezzjonalment għolja fit-tkabbir reali tal-PDG fl-2015. Skont l-approċċ meħud mill-awtoritajiet Irlandiżi fil-kalkoli tal-Baġit tagħhom fl-2017, il-Kummissjoni ħadet il-medja tar-rati ta’ tkabbir potenzjali fl-2014 u fl-2016. Fuq il-bażi ta’ ebda bidla fil-politiki, hemm riskju ta’ xi devjazzjoni mir-rekwiżit fl-2017 u l-2018 meta dawn jitqiesu flimkien. Fl-istess ħin, l-Irlanda hija mistennija tikkonforma mar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2017 u fl-2018. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li se jinħtieġu iktar miżuri, b’mod partikolari fl-2017, biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi attwali tal-Irlanda u r-riskji esterni iktar akuti, l-użu ta’ kwalunkwe gwadann mhux previst biex jitnaqqas iktar il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern ġenerali ikun rispons prudenti. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u r-riżultati jinħtieġ li jqisu l-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 ser ikollhom iqisu l-għan li jiksbu pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali, kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi tal-Irlanda. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq evalwazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tal-qagħda ċiklika tal-Irlanda.
(10) Minkejja li l-irkupru ekonomiku huwa b’saħħtu u l-produzzjoni hija mistennija tikber b’ritmu stabbli fis-snin li ġejjin, il-perspettiva saret inqas ċerta u ħolqot riskji għall-finanzi pubbliċi li għadhom fraġli. Għalhekk jinħtieġ li jkun hemm iktar sforzi biex id-dħul isir iktar reżiljenti għaċ-ċaqliq ekonomiku u x-xokkijiet avversi. Għal dan il-għan, il-proposta biex jiġi introdott fond prekawzjonarju (Rainy-Day Fund) jinħtieġ li tiġi avvanzata u jinħtieġ li titnaqqas id-dipendenza fuq sorsi ta’ dħul volatili u kkonċentrati ħafna. Kompożizzjoni bbilanċjata ta’ sorsi differenti ta’ taxxa u bażijiet ta’ taxxa iktar wiesgħa jtejbu l-istabbiltà bħala riżultat ta’ instabbiltà ekonomika. Madankollu, fis-snin reċenti ġew limitati l-isforzi għat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa u l-miżuri tat-taxxi ffokaw fuq tnaqqis u għajnuniet. L-evalwazzjoni sistematika mħabbra tal-ispejjeż u l-benefiċċji tar-rati mnaqqsa tal-VAT, li japplikaw għal firxa estensiva ta’ bejgħ, għadha pendenti. It-tassazzjoni rikorrenti tal-propjetà hija kkunsidrata bħala waħda mill-iktar sorsi ta’ dħul li jiffavorixxu t-tkabbir. Madankollu, id-dħul Irlandiż minn proprjetà immobbli ammonta biss għal 1,0 % tal-PDG fl-2014, meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta’ 1,6 %. Indiċjar gradwali ta’ valuri tal-proprjetà jgħin biex jittaffa l-profil tat-taxxa tal-proprjetà lokali billi jipprevjeni żieda f’daqqa fl-obbligazzjonijiet tat-taxxa meta l-proprjetajiet jerġgħu jiġu vvalutati fl-2019. Id-differenzi fit-tassazzjoni tad-diżil u l-petrol għall-utenti tat-toroq mhumiex ġustifikati ambjentalment.
(11) Fil-passat, valutazzjonijiet komprensivi tal-infiq iffukaw primarjament fuq it-tnaqqis fl-infiq tal-gvern sabiex jilħaq il-miri fiskali globali. Kien hemm ftit evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-programmi tal-infiq, li fl-aħħar mill-aħħar dgħajfet l-kredibbiltà ta’ pjanijiet ta’ infiq multiannwali. Rieżami tan-nefqa ddisinjat b’mod xieraq, b’konformità mal-prinċipji komuni tal-Grupp tal-Euro, itejjeb il-kontroll tal-infiq u jista’ jillibera r-riżorsi għal investiment tant meħtieġ sabiex tingħata spinta lit-tkabbir. Ir-rieżami tan-nefqa, b’mod partikolari, jinħtieġ li jindirizza l-kosteffettività tas-settur tas-saħħa. L-Irlanda introduċiet xi miżuri ta’ effiċjenza importanti, bħall-ftehim għall-iffrankar tal-ispejjeż mal-industrija farmaċewtika, sistema ta’ ġestjoni finanzjarja, is-Saħħa Elettronika u finanzjament ibbażat fuq l-attività. Madankollu hemm iktar x’jista’ jsir, pereżempju billi tingħata iktar importanza lir-rwol tal-kura primarja bħala entità għall-isptarijiet mgħobbija żżejjed tal-Irlanda. Il-passi lejn servizz tas-saħħa universali b’livell wieħed huma frammentati u mingħajr viżjoni komprensiva.
(12) Il-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv li jkun ta’ benefiċċju għall-gruppi kollha fis-soċjetà tibqa’ sfida. F’April 2017, il-qgħad kien taħt il-medja tal-Unjoni, b’6,4 %. Madankollu, l-intensità baxxa tax-xogħol ta’ ħafna unitajiet domestiċi toħloq tħassib li xi nies jitħallew barra waqt li jkompli l-irkupru. Bejn l-2013 u l-2015, il-perċentwali tal-popolazzjoni li jgħixu fi djar b’intensità ta’ xogħol baxxa jew ferm baxxa naqas b’15 %; It-rata ġenerali ta’ qgħad tul l-istess perijodu naqset bi 28 %. B’mod globali, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali ħadmet sew biex trażżan il-faqar u n-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-Irlanda ħadet miżuri għal inċentivi ta’ impjieg bit-tnaqqis gradwali ta’ benefiċċji u pagamenti supplementari. Madankollu, xorta jeżistu ostakli għal tkabbir inklużiv. Id-disparitajiet bejn ir-rati ta’ impjieg ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi, medji u għoljin huma fost l-ogħla fl-Unjoni. Ħarġu nuqqasijiet ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u nuqqasijiet ta’ ħiliet f’ċerti oqsma, filwaqt li titjib tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ ksib mill-ġdid ta’ ħiliet huma insuffiċjenti. Is-suq tax-xogħol u l-isfidi soċjali jippuntaw lejn l-importanza ta’ approċċ integrat għat-taħriġ u l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol għal dawk li huma l-iżjed imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, għad hemm tħassib dwar il-kwalità tad-dispożizzjonijiet tal-kura tat-tfal, inkluż id-disponibbiltà ta’ servizzi full-time. Bħala perċentwali tal-pagi, l-ispejjeż netti għall-kura tat-tfal fl-Irlanda huma fost l-ogħla fl-Unjoni. Id-disponibbiltà u l-ispiża għall-kura tat-tfal full-time ta’ kwalità jippreżentaw ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jfixklu l-isforzi biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal, li, minkejja li naqas xi ftit, xorta jibqa’ ogħla mill-medja tal-UE.
(13) Trid tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-infrastruttura sabiex jiġi promoss tkabbir li dejjiemi u bbilanċjat. Il-kriżi ekonomika wasslet għal bidla fil-kompożizzjoni tal-infiq tal-amministrazzjoni pubblika ’l bogħod mill-investiment lejn l-infiq attwali. Snin ta’ tnaqqis qawwi fl-investiment tal-gvern wasslu għal impatt negattiv fuq il-kwalità u l-adegwatezza tal-infrastruttura. Il-bidla fl-infiq tal-gvern affettwat ukoll appoġġ mis-settur pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp b’implikazzjonijiet possibbli għall-kompetittività tal-SMEs. L-Irlanda tinsab fil-25 post fl-UE bħala perċentwali tal-PDG fil-qasam tal-investiment pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp. L-iktar nuqqasijiet infrastrutturali kritiċi jinsabu fit-trasport, fis-servizzi tal-ilma u fl-akkomodazzjoni. Id-domanda għal akkomodazzjoni ġdida bħalissa taqbeż il-provvista b’marġni kbira fiż-żoni urbani ewlenin tal-pajjiż. Bħala riżultat, il-prezzijiet ta’ proprjetà residenzjali u l-kirjiet tagħhom jibqgħu jiżdiedu b’rata mgħaġġla li mbagħad jirriżultaw f’żieda għolja reċenti fl-esklużjoni tal-akkomodazzjoni u ta’ persuni mingħajr dar. Bħalissa ma hemmx evidenza ta’ valutazzjoni eċċessiva, imma restrizzjonijiet li jillimitaw il-forniment ta’ akkomodazzjoni jistgħu jiġġeneraw riskji makrofinanzjarji jekk dawn ma jissolvewx. Pjan spazjali koerenti u f’waqtu jista’ jgħin biex ikun hemm djar ġodda fil-lokalitajiet it-tajbin.
(14) L-ekonomija Irlandiża tippreżenta diviżjoni bejn in-negozji żgħar u ta’ daqs medju li l-maġġoranza tagħhom huma ta’ proprjetà tal-Irlandiżi u l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar li joperaw fl-Irlanda. Ir-rabtiet bejn il-kumpaniji multinazzjonali u n-negozji li huma ta’ proprjetà tal-Irlandiżi jibqgħu limitati. Il-prestazzjonijiet u l-profili tagħhom huma differenti ħafna, filwaqt li d-differenza bejniethom fil-produttività qed tkompli tikber. Negozji li huma ta’ propjetà tal-Irlandiżi jippreżentaw profil ta’ esportazzjoni inqas b’saħħtu milli dawk multinazzjonali li huma stabbiliti fl-Irlanda. L-esportazzjonijiet tagħhom huma kkonċentrati ħafna skont is-settur u d-destinazzjoni, li jagħmilhom iktar vulnerabbli għal xokkijiet. L-investiment fl-innovazzjoni tinkoraġġixxi l-produttività u l-esportazzjoni potenzjali ta’ negozji Irlandiżi fi żmien meta d-diversifikazzjoni ta’ esportazzjonijiet u ta’ destinazzjonijiet ta’ esportazzjoni tista’ tgħin biex tiġi stabbilizzata l-prestazzjoni ta’ negozji Irlandiżi. Ir-riċerka pubblika u l-infiq għall-iżvilupp jibqgħu baxxi. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ miżuri biex jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi, b’mod partikolari, miżuri biex jappoġġaw il-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-SMEs, tiddependi fuq ir-ritorn lejn xejra ta’ investiment sostnut. Biex jistimulaw l-innovazzjoni mingħand l-SMEs, il-politiki ta’ innovazzjoni jistgħu jkunu bbilanċjati mill-ġdid lejn forom ta’ finanzjament iktar diretti. L-appoġġ mill-gvern għar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji ddependa dejjem iktar fuq krediti ta’ taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp. Taħlit ta’ politiki aktar mmirat b’iktar finanzjament dirett jista’ jindirizza aħjar il-ħtiġijiet ta’ negozji żgħażagħ innovattivi Irlandiżi u jista’ jisfrutta opportunitajiet mill-poter ta’ investiment b’saħħtu ta’ kumpaniji multinazzjonali. Dan iservi biex jiffaċilita l-aċċess għal katini ta’ valur globali u jaċċellera t-tixrid tal-għarfien.
(15) F’ambjent ta’ inċertezza esterna għolja, huwa importanti li jkun hemm iktar progress fit-tnaqqis ta’ self improduttiv sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Minkejja li sar progress, proporzjonijiet għoljin ta’ self improduttiv għoli jibqgħu ta’ xkiel fuq il-profittabbiltà tal-banek u ostaklu għall-irkupru ekonomiku sħiħ ta’ unitajiet domestiċi u negozji. Qed ikompli t-tnaqqis fl-ingranaġġ tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji domestiċi, imma d-dejn tagħhom jibqa’ fost wieħed mill-ogħla fl-Unjoni b’276,8 % tal-PDG (Settembru 2016). Id-dejn korporattiv għoli jista’ jfixkel lin-negozji milli jissellfu biex jagħmlu investiment, li mbagħad, jillimita wkoll l-kapaċità tal-banek li jtejbu l-profittabbiltà tagħhom.
(16) Skont il-Bank Ċentrali tal-Irlanda, il-proporzjon medju tas-self improduttiv tal-banek domestiċi Irlandiżi f’Settembru 2016 kien ta’ 14,2 %. Dan huwa sostanzjalment ogħla mill-medja tal-Unjoni ta’ 5,3 %. F’Settembru 2016, is-self improduttiv tal-banek domestiċi Irlandiżi naqas b’€12,7 biljun jew 32,7 % meta mqabbel mas-sena preċedenti. Ir-ritmu fir-riżoluzzjoni tal-arretrati naqas xi ftit hekk kif l-arretrati fuq tul ta’ żmien twil li għad fadal ukoll huma l-iktar diffiċli biex jiġu ristrutturati. M’għandhiex tintilef l-ispinta: ir-ristrutturar tal-arretrati għandu jkun sostenibbli fit-tul u għandhom jiġu kkunsidrati forom differenti ta’ tnaqqis tad-dejn. 14 % tal-istokk mutwu ipotekarju kien bl-arretrati fi tmiem Settembru 2016, filwaqt li l-kontijiet bl-arretrati ta’ iktar minn sentejn irrappreżentaw madwar 70 % tal-bilanċi tas-self ipotekarju totali b’arretrati ta’ aktar minn 90 jum. Is-self ta’ proprjetà immobbli kummerċjali miżmum minn banek domestiċi u self tan-negozji wkoll għadhom oqsma ta’ tħassib bi proporzjonijiet ta’ self improduttiv ta’ 32,6 % u 11,8 % rispettivament f’Settembru 2016. L-użu ta’ proċeduri ta’ insolvenza personali, falliment, examinership u arranġamenti barra l-qorti maħsuba biex l-unitajiet domestiċi u n-negozji jerġgħu jsiru vijabbli, jibqa’ baxx u jinħtieġ li jiġi inċentivat aħjar. Wara bosta dewmien, ir-reġistru ta’ kreditu ċentrali huwa mistenni li jidħol il-fażi finali tal-implimentazzjoni tiegħu. Il-finalizzazzjoni tiegħu għandha tkun prijorità billi ser sservi ta’ bażi għal valutazzjoni xierqa tar-riskju tal-kreditu għal mutwatarji u ser tiżgura self prudenti fil-futur.
(17) L-implimentazzjoni tal-Att tal-2015 dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Servizzi Legali (l-Att tal-2015) bdiet tard fl-2016. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Att tal-2015 ser tkun kruċjali fl-isforzi tal-Irlanda biex iżżid il-kompetizzjoni fis-settur billi ser tippermetti li l-avukati jkollhom aċċess dirett għall-professjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ gruppi korporattivi permezz ta’ prattiċi multidixxiplinarji u l-operazzjoni fl-Irlanda ta’ mudelli kummerċjali alternattivi li jintużaw fi Stati Membri oħra. Is-servizzi legali indipendenti huma input għas-setturi kollha tal-ekonomija u l-kost tagħhom jaffettwa l-kompetittività tal-Irlanda. Għalhekk huwa importanti ħafna li l-implimentazzjoni tal-Att tal-2015 tintroduċi dispożizzjonijiet għat-titjib fil-kompetizzjoni u għat-tnaqqis tal-ispejjeż, jew li tinkorpora dispożizzjonijiet bħal dawn f’regolamenti li għandhom jinħarġu mill-Awtorità Regolatorja tas-Servizzi Legali sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż.
(18) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Irlanda u ppubblikatha fir-rapport għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Irlanda iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata input fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(19) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,
(20) Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) hawn taħt,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex: Tmexxi ’l quddiem sforz fiskali sostanzjali fl-2018 skont ir-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tuża kwalunkwe gwadann mhux previst li jirriżulta mill-kondizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji b’saħħithom, inkluż dħul mill-eżerċizzji ta’ ġestjoni ta’ bejgħ ta’ assi, biex taċċellera it-tnaqqis tal-proporzjon ta’ dejn tal-gvern ġenerali. Tillimita l-ambitu u n-numru ta’ spejjeż tat-taxxa u twessa’ l-bażi tat-taxxa. Tindirizza aħjar l-infiq tal-gvern billi tipprijoritizza l-investiment pubbliku fit-trasport, is-servizzi tal-ilma u l-innovazzjoni, b’mod partikolari, b’appoġġ għall-SMEs. Ittejjeb l-infrastruttura soċjali, inkluż l-akkomodazzjoni soċjali u l-indukrar ta’ kwalità tat-tfal; twassal pakkett integrat ta’ politiki ta’ attivazzjoni biex iżżid il-prospetti tal-impjieg għal nies li għandhom livell baxx ta’ ħiliet u biex tindirizza l-intensità baxxa ta’ xogħol ta’ unitajiet domestiċi. Tinkoraġġixxi tnaqqis kontinwu u iktar durabbli f’self improduttiv, permezz ta’ strateġiji ta’ riżoluzzjoni li jinvolvu tħassir għal negozji vijabbli u unitajiet domestiċi, b’enfasi speċjali fuq ir-riżoluzzjoni tal-arretrati fit-tul. Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017. Għall-Kunsill Il-President T. Tõniste