Arranġament bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta' skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) 2018/C 12/01
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Not the law itself: Notice
Address https://gelex.eu/eli/EU/notice/oj/C/2018/12/01@2018-01-13/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 L-għan u l-missjoni
- Artikolu 2 Kompiti tas-CERT-UE
- Artikolu 3 Kooperazzjoni bejn il-kostitwenti u s-CERT-UE
- Artikolu 4 Kooperazzjoni tas-CERT-UE mas-CERTs tal-Istati Membri
- Artikolu 5 Kooperazzjoni ma' CERTs ta' partijiet terzi u sħab oħra
- Artikolu 6 Kompiti tal-Kap tas-CERT-UE
- Artikolu 7 Il-Bord ta' Tmexxija
- Artikolu 8 Kompiti tal-Bord ta' Tmexxija
- 1.
- Artikolu 9 Persunal u kwistjonijiet finanzjarji
- Artikolu 10 Kunfidenzjalità professjonali
- Artikolu 11 Protezzjoni ta' data personali
- Artikolu 12 Awditu, mistoqsijiet u aċċess pubbliku għad-dokumenti
- Artikolu 13 Rieżami
- Artikolu 14 Kamp ta' applikazzjoni u data tal-applikazzjoni
- ANNEX
- ANNESS I Lista ta' Aġenziji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 14(1)
- ANNESS II Karigi ekwivalenti ta' ingaġġ full time jew kontribuzzjonijiet tal-baġit impenjati lis-CERT-UE mill-parteċipanti
- KARIGI TAL-PJAN TA' STABBILIMENT
IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI EWROPEA, IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI, IS-SERVIZZ EWROPEW GĦALL-AZZJONI ESTERNA, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI U L-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Billi:
(1) It-tisħiħ tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea biex jittrattaw it-theddid ċibernetiku u d-dgħufijiet u biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrispondu għal attakki ċibernetiċi kontra l-infrastrutturi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) tagħhom, jibqa' prijorità għolja peress li netwerks u sistemi tal-ICT li jiffunzjonaw huma kritiċi għall-kapaċità tagħhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom.
(2) Wara inizjattiva mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni Neelie Kroes u Maroš Ševčovič, is-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni ddeċidew f'Mejju 2011 li jistabbilixxu tim ta' prekonfigurazzjoni għal skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) sorveljat minn Bord ta' Tmexxija interistituzzjonali.
(3) F'Lulju 2012, is-Segretarji Ġenerali kkonfermaw l-arranġamenti prattiċi u qablu li jżommu s-CERT-UE bħala entità permanenti biex tkompli tgħin biex ittejjeb il-livell ġenerali tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni bħala eżempju ta' kooperazzjoni interistituzzjonali viżibbli fiċ-ċibersigurtà.
(4) Ir-rieżamijiet li twettqu fl-2014 u l-2016 urew li s-CERT-UE kompliet timmatura u issa laħqet l-istadju fejn hija għandha tiġi formalizzata bi struttura finanzjarja u ta' governanza aktar sostenibbli u trasparenti.
(5) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva NIS) tistabbilixxi netwerk ta' Skwadri ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs), li għandhom ikunu magħmulin minn rappreżentanti tas-CSIRTs tal-Istati Membri u tas-CERT-UE, biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-fiduċja bejn l-Istati Membri u biex jippromwovi kooperazzjoni operazzjonali rapida u effettiva.
(6) L-istruttura tal-governanza tas-CERT-UE għandha tistabbilixxi r-rwol u l-kompiti tas-CERT-UE, ir-responsabbiltajiet tal-kap tagħha, ir-rwol u l-kompiti tal-Bord ta' Tmexxija tagħha, u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni fl-appoġġ għas-CERT-UE.
(7) Is-CERT-UE għandu jingħatalha finanzjament u persunal sostenibbli, filwaqt li jkun żgurat il-valur għall-flus u qafas adegwat ta' persunal permanenti u filwaqt li l-ispejjeż amministrattivi tas-CERT-UE jinżammu baxxi kemm jista' jkun.
(8) Dan l-Arranġament huwa ffirmat mill-istituzzjonijiet u l-korpi parteċipanti tal-Unjoni wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom għal dak il-għan; l-aġenziji tal-Unjoni elenkati fl-Anness I li huma responsabbli għall-infrastruttura tal-ICT tagħhom stess ikkonfermaw formalment bil-miktub lill-President tal-Bord ta' Tmexxija tas-CERT-UE li huma ser japplikawh,
IKKONKLUDEW DAN L-ARRANĠAMENT:
Artikolu 1 L-għan u l-missjoni
1. L-għan ta' dan l-arranġament huwa li jiġu stabbiliti r-regoli għall-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-iskwadra interistituzzjonali ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE).
2. Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-infrastruttura tal-ICT tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni (il-kostitwenti) billi tgħin fil-prevenzjoni, il-kxif, il-mitigazzjoni u r-rispons għal attakki ċibernetiċi u billi taġixxi bħala ċ-ċentru għall-koordinazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u r-rispons għal inċidenti għall-kostitwenti.
Artikolu 2 Kompiti tas-CERT-UE
1. Is-CERT-UE għandha tiġbor, tiġġestixxi, tanalizza u tikkondividi informazzjoni mal-kostitwenti dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti fuq infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Hija għandha tikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-kostitwenti, inkluż billi tipprovdi jew tikkoordina l-forniment ta' assistenza operattiva speċjalizzata.
2. Is-CERT-UE għandha toffri servizzi CERT standard lill-kostitwenti kollha. Il-katalgu li jistabbilixxi s-servizzi dettaljati offruti tas-CERT-UE, u kwalunkwe aġġornament, għandu jiġi approvat mill-Bord ta' Tmexxija. Meta jkun qed jirrevedi l-lista ta' servizzi, il-Kap tas-CERT-UE għandu jqis ir-riżorsi allokati lilu jew lilha.
3. Is-CERT-UE jista' jimmonitorja t-traffiku tan-netwerk tal-kostitwenti bil-kunsens tal-kostitwent rilevanti.
4. Is-CERT-UE tista' tipprovdi assistenza lil kostitwenti rigward inċidenti fuq netwerks u sistemi tal-IT klassifikati jekk tintalab tagħmel dan mill-kostitwent ikkonċernat.
5. Is-CERT-UE m'għandhiex tibda attivitajiet jew tintervjeni konxjament fi kwalunkwe kwistjoni li taqa' taħt il-kompetenza tas-servizzi nazzjonali tas-sigurtà u tal-intelligence jew ta' dipartimenti speċjalizzati fi ħdan il-kostitwenti. Kwalunkwe kuntatti mas-CERT-UE mibdija jew imfittxa mis-servizzi tas-sigurtà nazzjonali u tal-intelligence għandhom jiġi kkomunikati lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni u lill-President tal-Bord ta' Tmexxija tas-CERT-UE mingħajr dewmien.
6. Is-CERT-UE għandha tinforma lill-kostitwenti dwar il-proċeduri u l-proċessi tagħha biex tindirizza l-inċidenti.
7. Jekk tintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-kostitwenti, is-CERT-UE tista' tagħti l-parir tekniku jew il-kontribut tagħha dwar kwistjonijiet ta' politika rilevanti.
Artikolu 3 Kooperazzjoni bejn il-kostitwenti u s-CERT-UE
1. Is-CERT-UE u l-kostitwenti għandhom jaħdmu skont il-prinċipju ħtieġa għal kondiviżjoni, soġġett għall-paragrafu 3. Is-CERT-UE għandha tiżgura li jkunu disponibbli mezzi ta' komunikazzjoni effiċjenti għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni mal-kostitwenti.
2. Il-kostitwenti għandhom jipprovdu lis-CERT-UE informazzjoni dwar theddid u vulnerabbiltajiet għaċ-ċibersigurtà li jaffettwawhom. Meta s-CERT-UE tkun konxja ta' theddida jew ta' vulnerabbiltà li taffettwa jew li potenzjalment taffettwa lil xi kostitwent, hija għandha twissi lill-kostitwent ikkonċernat billi tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż il-livell tas-serjetà, malajr kemm jista' jkun, sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati miżuri protettivi jew ta' rimedju. Is-CERT-UE tista' tassisti fil-forniment ta' tali miżuri ta' protezzjoni jew ta' rimedju. Il-kostitwenti l-oħra għandhom jiġu infurmati meta t-theddida jew il-vulnerabbiltà jkollha l-potenzjal li taffettwahom.
3. Il-kostitwenti għandhom jinfurmaw lis-CERT-UE mingħajr dewmien żejjed jekk huma jesperjenzaw inċident ċibernetiku sinifikanti u jipprovdu d-dettalji tekniċi rilevanti kollha sakemm dan ma jipperikolax l-interessi tas-sigurtà ta' kostitwent jew parti terza. Kull inċident għandu jitqies bħala sinifikanti sakemm ma jkunx ripetittiv jew bażiku u li x'aktarx ikun diġà mifhum sew f'termini ta' metodu u teknoloġiji. Informazzjoni mhux teknika tista' tiġi kondiviża mas-CERT-UE fid-diskrezzjoni tal-kostitwent affettwat. Informazzjoni dwar l-inċident ikkomunikata lis-CERT-UE ma għandhiex tiġi kondiviża barra s-CERT-UE, anki f'forma anonima, sakemm il-kostitwent affettwat ma jkunx ta l-kunsens tiegħu. Biex tħejji għal sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ li l-informazzjoni tiġi kondiviża rapidament sabiex jiġu protetti n-netwerks u s-sistemi tal-kostitwenti, is-CERT-UE għandha taħdem mal-kostitwenti tagħha minn qabel dwar kif dan għandu jsir.
4. Is-CERT-UE, waqt li taġixxi fi djalogu mal-kostitwenti, għandha żżomm katalogu ta' kompetenzi esperti disponibbli fosthom li potenzjalment jistgħu jintużaw, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet, f'każ ta' inċident ċibernetiku kbir li jaffettwa wieħed jew aktar minnhom. Fejn xieraq, is-CERT-UE tista' torganizza u tikkoordina l-iskambju ta' informazzjoni u appoġġ tekniku direttament bejn il-kostitwenti biex jiġi indirizzat inċident ta' sigurtà ċibernetika.
5. Fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, is-CERT-UE għandha tikkoopera mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità fil-Europol.
6. Is-CERT-UE għandha tikkondividi l-informazzjoni dwar inċidenti speċifiċi mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi unikament bil-kunsens minn qabel tas-servizzi kompetenti tal-kostitwent jew tal-kostitwenti rilevanti.
7. Is-CERT-UE għandha żżomm reġistru tal-informazzjoni kollha kondiviża ma' kostitwenti u skambjata ma' partijiet oħra. Il-kostitwenti jistgħu jitolbu lis-CERT-UE biex tipprovdi dettalji tal-informazzjoni tagħhom kondiviża ma' partijiet oħra.
8. Jekk ikun hemm il-ħtieġa, is-CERT-UE tista' tidħol f'arranġamenti ta' kooperazzjoni jew arranġamenti fil-livell tas-servizz ma' kwalunkwe kostitwent għall-forniment ta' servizzi CERT. Is-CERT-UE tista' wkoll tidħol f'arranġamenti ta' kooperazzjoni jew fil-livell tas-servizz rigward il-forniment ta' servizzi CERT bi ħlas għal operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżi ċivili tal-UE taħt it-Titolu V, Kapitolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F'kull każ, tali arranġamenti ta' kooperazzjoni jew fil-livell tas-servizz għandhom ikunu soġġett għall-approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija.
Artikolu 4 Kooperazzjoni tas-CERT-UE mas-CERTs tal-Istati Membri
1. Is-CERT-UE għandha tikkoopera u tiskambja informazzjoni mas-CERTs u s-CSIRTs nazzjonali jew governattivi tal-Istati Membri dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti tas-sigurtà ċibernetika, dwar kontromiżuri possibbli u dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha għat-titjib tal-protezzjoni tal-infrastruttura tal-ICT tal-kostitwenti, inkluż permezz tan-netwerk tas-CSIRT imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva NIS.
2. Is-CERT-UE għandha tikkoopera ma' CERTs tal-Istati Membri sabiex tinġabar informazzjoni dwar theddid ġenerali u speċifiku għall-kostitwenti u dwar għodod u metodi, inkluż tekniki, tattiki u proċeduri, l-aħjar prassi u vulnerabbiltajiet ġenerali għat-tixrid lill-kostitwenti tagħha. Is-CERT-UE tista' tiskambja informazzjoni dwar l-għodod jew il-metodi, inkluż tekniki, tattiki u proċeduri, l-aħjar prassi u theddid u vulnerabbiltajiet ġenerali ma' tali CERTs.
3. Is-CERT-UE tista' tiskambja informazzjoni speċifika għall-inċidenti ma' tali CERTs bil-kunsens tal-kostitwent affettwat.
Artikolu 5 Kooperazzjoni ma' CERTs ta' partijiet terzi u sħab oħra
1. Is-CERT-UE tista' tikkoopera ma' CERTs speċifiċi għas-settur tal-industrija u ma' CERTs mhux tal-UE dwar għodod u metodi, bħal tekniki, tattiki u proċeduri, l-aħjar prassi u dwar theddid u vulnerabbiltajiet ġenerali. Għal kull kooperazzjoni ma' tali CERTs, inkluż fl-oqfsa fejn CERTs mhux tal-UE jikkooperaw ma' CERTs tal-Istati Membri, is-CERT-UE għandha titlob l-approvazzjoni minn qabel mill-Bord ta' Tmexxija.
2. Is-CERT-UE tista' tikkoopera ma' sħab oħrajn, bħalma huma entitajiet kummerċjali jew esperti individwali, sabiex tiġbor informazzjoni dwar theddidiet ġenerali u speċifiċi, vulnerabbiltajiet u kontromiżuri possibbli. Għal kooperazzjoni usa' ma' dawn is-sħab, is-CERT-UE għandha titlob l-approvazzjoni minn qabel tal-Bord ta' Tmexxija.
3. Sakemm ma jkunx fis-seħħ arranġament jew kuntratt ta' nondivulgazzjoni mas-sieħeb rilevanti, is-CERT-UE tista', bil-kunsens tal-kostitwent affettwat, tipprovdi informazzjoni relatata ma' inċident speċifiku f'kostitwent lil tali sħab fejn dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-analiżi tiegħu. Tali ftehimiet jew kuntratti ta' nondivulgazzjoni għandhom ikunu verifikati legalment skont il-proċeduri interni rilevanti tal-Kummissjoni. Ftehimiet jew kuntratti ta' nondivulgazzjoni m'għandhomx ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-Bord ta' Tmexxija iżda l-president tiegħu għandu jiġi infurmat.
4. Is-CERT-UE tista' tidħol b'mod eċċezzjonali f'arranġamenti fil-livell tas-servizz ma' entitajiet oħra li mhumiex il-kostitwenti mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Bord ta' Tmexxija.
Artikolu 6 Kompiti tal-Kap tas-CERT-UE
1. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jkun responsabbli għat-tmexxija bla xkiel tas-CERT-UE, huwa u jaġixxi taħt il-mandat tiegħu taħt id-direzzjoni tal-Bord ta' Tmexxija. Huwa jew hija għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-direzzjoni strateġika, il-gwida, l-objettivi u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Bord ta' Tmexxija, u għall-ġestjoni tajba tas-CERT-UE, inkluż tar-riżorsi finanzjarji u umani tagħha. Huwa jew hija għandha tirrapporta regolarment lill-President tal-Bord ta' Tmexxija.
2. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jkun marbut bir-regoli applikabbli għall-Kummissjoni u għandu jaġixxi bħala uffiċjal ta' awtorizzazzjoni. permezz ta' sottodelega, meta jimplimenta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mar-regoli interni rilevanti tal-Kummissjoni dwar id-delega tas-setgħat u l-limiti f'tali każijiet. Huwa għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni ta' regoli u proċeduri amministrattivi u finanzjarji biss.
3. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jippreżenta rapporti kull tliet xhur lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-prestazzjoni tas-CERT-UE, l-implimentazzjoni tal-baġit, kuntratti jew arranġamenti oħra konklużi u missjonijiet imwettqa mill-persunal. Hu jew hi għandu/għandha j/tissottometti rapport annwali lill-Bord ta' Tmexxija skont l-Artikolu 8(1)(e).
4. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jassisti lill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, permezz ta' delega, fl-abbozzar tar-rapport annwali tal-attività li jkun fih informazzjoni finanzjarja u ta' ġestjoni, inkluż ir-riżultati tal-kontrolli, imfassal f'konformità mal-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju, u għandu jirrapporta regolament lilu dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li fir-rigward tagħhom ġew sottodelegati s-setgħat lilu.
5. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jħejji kull sena pjan finanzjarju tad-dħul u l-infiq amministrattiv għall-attivitajiet tagħha biex jiġi approvat mill-Bord ta' Tmexxija f'konformità mal-Artikolu 8(1)(c).
Artikolu 7 Il-Bord ta' Tmexxija
1. Bord ta' Tmexxija għandu jipprovdi direzzjoni u gwida strateġika lis-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-objettivi ġenerali tagħha. Il-membri tiegħu għandhom ikunu rappreżentanti tal-maniġment superjuri maħturin minn kull wieħed mill-firmatarji ta' dan l-Arranġament, u mill-ENISA li għandha tirrappreżenta l-interessi tal-aġenziji elenkati fl-Anness I li jmexxu l-infrastruttura tal-ICT tagħhom stess. Il-membri jistgħu jkunu megħjuna minn membru supplenti. Rappreżentanti oħra tal-kostitwenti jistgħu jiġu mistiedna mill-president biex jattendu l-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija.
2. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar president minn fost il-membri tiegħu għal perijodu ta' sentejn. Il-membru supplenti tiegħu jew tagħha għandu jsir membru sħiħ tal-Bord għall-istess tul ta' żmien.
3. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu jew fuq it-talba ta' kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu. Huwa għandu jadotta regoli ta' proċedura interni.
4. Kull firmatarju għal dan l-Arranġament u l-ENISA għandu jkollhom vot wieħed, eżerċitat mill-membru jew il-membri korrispondenti. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi, ħlief fejn ikun previst mod ieħor. Il-president ma għandux jivvota għajr fil-każ ta' voti ndaqs fejn huwa jew hija tista' teżerċita l-vot deċiżiv.
5. Jekk ikun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet urġenti għal raġunijiet operazzjonali, il-Bord ta' Tmexxija jista', b'mod eċċezzjonali, jaġixxi bil-qbil tal-president u tal-membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-kostitwent jew kostitwenti affettwat(i).
6. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jaġixxi permezz ta' proċedura bil-miktub simplifikata mibdija mill-president li skontha d-deċiżjoni rilevanti għandha titqies approvata fil-perijodu ta' żmien stipulat mill-president, ħlief meta membru joġġezzjona.
7. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija ħlief jekk jiġi deċiż mod ieħor mill-Bord.
8. Is-segretarjat tal-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjoni li r-rappreżentant tal-maniġment superjuri tiegħu jkun il-president.
9. Is-segretarjat għandu jinforma lill-aġenziji tal-UE elenkati fl-Anness I dwar deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija. Kwalunkwe aġenzija tal-UE għandha tkun intitolata li tqajjem kull kwistjoni li hija tqis li għandha titressaq għall-attenzjoni tal-Bord ta' Tmexxija mal-president tal-Bord ta' Tmexxija.
Artikolu 8 Kompiti tal-Bord ta' Tmexxija
1. Fl-għoti ta' direzzjoni strateġika u gwida lis-CERT-UE, il-Bord ta' Tmexxija għandu b'mod partikolari:
1.
(a) japprova, abbażi ta' proposta mill-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta' ħidma annwali għas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;
(b) japprova, abbażi ta' proposta mill-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE;
(c) japprova, abbażi ta' proposta ppreżentata mill-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju tad-dħul u l-infiq, inkluż il-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;
(d) japprova kull sena, abbażi ta' proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-ammont ta' approprjazzjonijiet finanzjarji annwali li għandhom jiġu pprovduti għal servizzi li jingħataw lil kostitwenti u partijiet terzi b'arranġamenti fil-livell tas-servizz mas-CERT-UE;
(e) jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopru l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tagħha ta' fondi;
(f) japprova u jimmonitorja indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin għas-CERT-UE definiti fuq proposta mill-Kap tas-CERT-UE;
(g) japprova d-dokumenti tas-CERT-UE li jistabbilixxu politiki ġenerali u linji gwida li jirrakkomandaw prassi tajba tas-sigurtà tal-ICT li għandha tiġi segwita mill-kostitwenti;
(h) japprova l-arranġamenti ta' kooperazzjoni, arranġamenti fil-livell tas-servizz jew kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħra skont l-Artikoli 3(8) u 5(4);
(i) jistabbilixxi kif meħtieġ gruppi tekniċi ta' konsultazzjoni biex jassistu l-ħidma tal-Bord ta' Tmexxija, japprova t-termini ta' referenza tagħhom u jaħtar il-president tagħhom; u
(j) jemenda l-lista ta' aġenziji tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta' dan l-Arranġament li jinsab fl-Anness I.
2. Il-president jista' jirrappreżenta jew jaġixxi f'isem il-Bord ta' Tmexxija skont l-arranġamenti maqbula mill-Bord.
Artikolu 9 Persunal u kwistjonijiet finanzjarji
1. Għalkemm stabbilita bħala fornitur awtonomu ta' servizz interistituzzjonali għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni, is-CERT-UE għandha tiġi integrata fl-istruttura amministrattiva ta' direttorat ġenerali tal-Kummissjoni sabiex tibbenefika mill-istrutturi ta' appoġġ amministrattivi, tal-ġestjoni finanzjarja u tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-post amministrattiv tas-CERT-UE u kwalunkwe tibdil fih.
2. Wara li tkun kisbet l-approvazzjoni unanima tal-Bord ta' Tmexxija, il-Kummissjoni għandha taħtar il-Kap tas-CERT-UE. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi kkonsultat fl-istadji kollha tal-proċedura ta' qabel il-ħatra tal-Kap tas-CERT-UE, b'mod partikolari fl-abbozzar ta' avviżi ta' postijiet battala, l-eżami ta' applikazzjonijiet u l-ħatra ta' bordijiet tal-għażla fir-rigward ta' dan il-post.
3. L-uffiċjali tal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni għandhom jiġu infurmati dwar kull avviż ta' post battal għal postijiet fis-CERT-UE.
4. Bla ħsara għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni li jipparteċipaw f'dan l-Arranġament, bl-eċċezzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment, jimpenjaw ruħhom li jittrasferixxu jew jassenjaw lis-CERT-UE n-numru ta' postijiet imniżżla fl-Anness II sas-sena baġitarja tal-2019 jew kif previst mod ieħor fl-Anness II. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni li jassenjaw jew jittrasferixxu n-numri definiti ta' postijiet għandhom jirċievu s-servizzi kollha mis-CERT-UE. Il-numru ta' postijiet stipulat fl-Anness II għandu jiġi rieżaminat kull ħames snin.
5. Is-CERT-UE tista' tiftiehem mal-istituzzjonijiet u l-korpi parteċipanti tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni temporanja ta' persunal addizzjonali għas-CERT-UE.
6. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom jidħlu f'arranġamenti fil-livell tas-servizz fir-rigward tas-servizzi offruti mis-CERT-UE skont il-katalgu tas-servizzi tagħha u l-kumpens finanzjarju annwali tagħhom li għandu jsir minn kull wieħed minnhom skont l-Anness II fil-bidu ta' kull sena finanzjarja bħala remunerazzjoni għal servizzi pprovduti mis-CERT-UE matul is-sena finanzjarja preċedenti.
7. Il-kumpens finanzjarju li għandu jiġi pprovdut minn kull aġenzija tal-Unjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż għall-offerta tas-servizzi tas-CERT-UE għandhom jiġu maqbula mal-aġenziji rispettivi tal-Unjoni u inklużi fil-qafas amministrattiv ġenerali li jirregola l-forniment ta' servizzi tal-Kummissjoni lill-aġenziji tal-Unjoni.
8. Kull sena l-Kap tas-CERT-UE għandu jirrapporta dwar l-ammont ta' kumpens finanzjarju annwali li għandu jingħata minn dawk il-kostitwenti b'arranġamenti fil-livell ta' servizz mas-CERT-UE skont il-paragrafu 6 u l-aġenziji tal-Unjoni skont il-paragrafu 7. Kull sena l-Bord ta' Tmexxija għandu jirrieżamina l-ammont ta' kumpens finanzjarju annwali.
9. Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-attivitajiet tas-CERT-UE inkluż id-dħul assenjat minn istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni għandha titwettaq mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli u r-regolamenti rilevanti. Kwalunkwe approprjazzjoni jew dħul tal-baġit ipprovdut mis-CERT-UE permezz ta' arranġamenti fil-livell tas-servizz ser ikunu identifikati b'mod speċifiku fl-ippjanar finanzjarju tagħha.
Artikolu 10 Kunfidenzjalità professjonali
Is-CERT-UE u l-kostitwenti għandhom jittrattaw kull informazzjoni rċevuta minn kostitwent ieħor jew minn parti terza bħala soġġetta għall-obbligu tas-segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew oqfsa applikabbli ekwivalenti. Huma ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni bħal din lil partijiet terzi sakemm ma jkunux speċifikament awtorizzati li jagħmlu dan mill-kostitwent jew mill-parti kkonċernata.
Artikolu 11 Protezzjoni ta' data personali
L-ipproċessar ta' data personali mwettaq skont dan l-Arranġament għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 12 Awditu, mistoqsijiet u aċċess pubbliku għad-dokumenti
1. Il-funzjoni tal-awditur intern għandha titwettaq mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni filwaqt li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jissuġġerixxi lis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni li jsiru awditi.
2. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jkun responsabbli li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-Ombudsman Ewropew u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont il-proċeduri interni tal-Kummissjoni.
3. Il-proċeduri tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom japplikaw fir-rigward ta' talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mis-CERT-UE b'kont meħud tal-obbligu skont dak ir-Regolament li tikkonsulta kostitwenti oħra kull meta ssir talba rigward id-dokumenti tagħhom.
Artikolu 13 Rieżami
Fid-dawl tax-xenarju dejjem jevolvi tat-theddid ċibernetiku u r-rispons tal-Unjoni għalih, inkluż il-prijoritajiet ta' politika tagħha stabbiliti fl-istrateġija ta' ċibersigurtà tal-Unjoni, il-Bord ta' Tmexxija għandu jirrieżamina l-organizzazzjoni u l-operat tas-CERT-UE. Huwa jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jiġi eżaminat jew emendat dan l-Arranġament, jew kwalunkwe rakkomandazzjoni oħra għat-tħaddim effettiv tas-CERT-UE, lill-istituzzjonijiet u l-korpi parteċipanti.
Artikolu 14 Kamp ta' applikazzjoni u data tal-applikazzjoni
1. Dan l-Arranġament għandu japplika għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni li huma firmatarji għal dan l-Arranġament, u għall-aġenziji tal-Unjoni li jmexxu l-infrastruttura tal-ICT tagħhom li huma elenkati fl-Anness I.
2. Dan l-Arranġament għandu japplika mid-data tal-iffirmar tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Arranġament huwa mfassal bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakk, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża, f'oriġinal uniku li għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għandu jibgħat kopja awtentika ċċertifikata lill-firmatarji kollha.
Magħmul fi Frankfurt, fil-Lussemburgu u fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2017. Għall-Parlament Ewropew Is-Segretarju Ġenerali K. Welle Għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill Is-Segretarju Ġenerali J. Tranholm-Mikkelsen Għall-Kummissjoni Ewropea Segretarju Ġenerali A. Italianer Għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Is-Ewropea Direttur Ġenerali DĠ Infrastruttura F. Schaff Għall-Bank Ċentrali Ewropew Direttur Ġenerali Sistemi ta' Informazzjoni K. De Geest Uffiċjal Kap għas-Servizzi M. Diemer Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri Is-Segretarju Ġenerali E. Ruiz García Għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna Ġenerali għall-Baġit u l-Amministrazzjoni G. Di Vita Kumitat Ekonomiku u Soċjali Direttur Ewropew Is-Segretarju Ġenerali L. Planas Puchades Għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni Is-Segretarju Ġenerali J. Buriánek Għall-Bank Ewropew tal-Investiment Direttur Ġenerali u Kontrollur Finanzjarju P. Klaedtke
ANNEX
ANNESS I Lista ta' Aġenziji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 14(1)
ACER Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija Uffiċċju BEREC Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi CPVO Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti EU-OSHA Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol FRONTEX Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta eu-LISA Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja EASO Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil EASA Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni EBA Awtorità Bankarja Ewropea ECDC Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Cedefop Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali ECHA Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ŻEE Aġenzija Ewropea għall-Ambjent EFCA Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd EFSA Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel Eurofound Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol GSA Aġenzija tal-GNSS Ewropea EIGE Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi EIOPA Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol EMSA Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima EMA Aġenzija Ewropea għall-Mediċini EMCDDA Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga ENISA Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni CEPOL Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi Europol Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi ERA Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji ESMA Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ETF Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ FRA Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali EUIPO Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea Eurojust Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali CdT Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea EDA Aġenzija Ewropea għad-Difiża EIT Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija EUISS Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà SATCEN Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea SRB Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
ANNESS II Karigi ekwivalenti ta' ingaġġ full time jew kontribuzzjonijiet tal-baġit impenjati lis-CERT-UE mill-parteċipanti
KARIGI TAL-PJAN TA' STABBILIMENT
Istituzzjoni/Korp time Sehem relattiv ta' Persunal tal-UE Postijiet ekwivalenti għall-full li ser jiġu trasferiti/assenjati għas-CERT-UE Il-Parlament Ewropew 19,5 % 3 Il-Kunsill Ewropew/Kunsill 9 % 2 Il-Kummissjoni 55 % 8 Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 % 1 Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna 4,5 % 1 Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew/Kumitat Ewropew tar-Reġjuni 3,5 % 1 Qorti Ewropea tal-Awdituri 2,5 % 0 L-AMMONT TOTALI: 16 Impenji finanzjarji annwali lis-CERT-UE Il-Bank Ċentrali Ewropew EUR 120000 Il-Bank Ewropew tal-Investiment EUR 120000